Ikollkom l-Ispirtu Tiegħu Magħkom
Jien nitlob b’ qalbi kollha li intom tisimgħu l-leħen tal-Ispirtu, li tirċevuh b’ daqstant ġenerożità.
Ħuti, jiena grat għall-opportunità li għandi li nkellimkom f’ jum is-Sabbath tal-Mulej, fil-konferenza ġenerali ta’ din il-Knisja, f’ dan l-istaġun tal-Għid. Jiena nirringrazzja lil Missierna tas-Smewwiet għad-don ta’ Ibnu l-Għażiż, li ġie minn jeddu fid-dinja biex ikun il-Feddej tagħna. Jiena grat li naf li Huwa patta għal dnubietna u qam mill-imwiet fir-Resurrezzjoni. Kuljum jiena nħossni mbierek bl-għarfien li, minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu, jiena xi darba nista’ nqum mill-mewt biex inkun nista’ ngħix għal dejjem bħala parti minn familja li fiha tgħammar l-imħabba.
Jiena naf dan kollu permezz tal-uniku mod kif ilkoll kemm aħna nistgħu nsiru nafuh. L-Ispirtu s-Santu kellimni f’ moħħi u f’ qalbi li dan kollu veru—kellimni mhux darba biss iżda ta’ spiss. Jiena kont verament neħtieġ dak il-faraġ kontinwu.Aħna lkoll nesperjenzaw it-traġedji f’ ħajjitna u f’ dawk il-mumenti nkunu neħtieġu r-riassigurazzjoni tal-Ispirtu.Jiena darba esperjenzajt dan meta kont l-isptar ma’ missieri.It-tnejn li aħna rajna quddiemna lil ommi tieħu ftit nifsijiet dgħajfin—imbagħad daqshekk. Hekk kif aħna ħarisna f’ wiċċha, rajnieha titbissem hekk kif ma baqgħetx aktar muġugħa. Wara ftit mumenti ta’ silenzju, kien missieri li lissen l-ewwel kelmiet. Huwa qal, “Tifla ċkejkna marret lura d-dar.”
Huwa qal dan b’ leħen sieket. Huwa deher li kien jinsab fil-paċi miegħu nnifsu. Huwa kien qed jirrapporta xi ħaġa li kien jaf li hija vera. Bil-kwiet huwa beda jiġbor l-affarijiet personali ta’ Ommi. Huwa ħareġ fil-kuritur tal-isptar biex jirringrazzja lil kull wieħed u waħda mill-infermiera u t-tobba li għaddew ġranet sħaħ jgħinuha.
F’ dak il-mument, missieri kellu miegħu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu biex huwa ħass, irrikonoxxa u għamel dak li għamel dak inhar. Huwa rċieva l-wegħda, bħalma ħafna rċevew: “Li huma jkollhom magħhom l-Ispirtu Tiegħu” (D&C 20:79).
It-tama tiegħi llum hi li intom tkabbru fikom ix-xewqa tagħkom u l-abbiltà tagħkom li tirċievu l-Ispirtu s-Santu.Ftakru, Huwa t-tielet membru tad-Divinità. Il-Missier u l-Iben huma bnedmin imqajmin mill-imwiet. L-Ispirtu s-Santu huwa persuna ta’ spirtu. (Ara D&C 130:22.) Hija l-għażla tagħkom jekk intomx lesti li tirċevuh u tilqgħuh f’ qalbkom u f’ moħħkom.
Il-kundizzjonijiet biex aħna nkunu nistgħu nirċievu din il-barka divina huma spjegati b’ mod ċar fil-kliem li nisimgħu ta’ kull ġimgħa iżda li forsi mhux dejjem jippenetra qalbna u moħħna. Biex l-Ispirtu jkun jista’ jinżel fuqna, jeħtieġ li aħna “dejjem niftakru” fis-Salvatur u “nżommu l-kmandamenti tiegħu” (D&C 20:77).
Dan iż-żmien tas-sena jgħinna niftakru fis-sagrifiċċju tas-Salvatur u fil-qawmien Tiegħu mill-qabar bħala bniedem imqajjem mill-imwiet. Ħafna minna nimmaġinaw dawk ix-xeni f’ moħħna.Darba jiena u marti morna quddiem qabar li hemm ġewwa Ġerusalemm. Ħafna jemmnu li huwa l-qabar li minnu s-Salvatur msallab ħareġ bħala Alla ħaj imqajjem mill-imwiet.
Il-gwida mill-aktar rispettuż dak inhar għamel sinjal b’ idu u qalilna, “Ejjew, araw qabar vojt.”
Kellna nitbaxxew biex dħalna ġewwa. Rajna bank tal-ġebel mal-ħajt. Iżda f’ moħħi feġġet dehra oħra, reali daqs dik li konna qed naraw quddiemna dak inhar. Stajt nara lil Marija, li l-Appostli ħallewha hemm ħdejn il-qabar. Dan kien li l-Ispirtu ppermettieli li nara u saħansitra nisma’ ġewwa moħħi, b’ ċarezza daqs li kieku jiena kont ninsab hemmhekk.
“Iżda Marija baqgħet ‘il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar,
“U rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù.
“Huma qalulha, Mara, għalfejn qiegħda tibki? Hi wieġbet, Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.
“Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.
“Ġesù qalilha, Mara, għalfejn qiegħda tibki? Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu, Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.
“Ġesù sejħilha: Marjam. Hi daret u qaltlu bil-Lhudi, Rabbuni; jiġifieri Mgħallem.
“Ġesù qalilha, La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġwanni 20:11–17).
Jiena tlabt biex ningħata ċ-ċans li nħoss ġewwa fija ftit minn dak li ħassew Marija u ż-żewġ dixxipli l-oħra fi triqthom lejn Għemmaws hekk kif huma mxew mas-Salvatur imqajjem mill-imwiet, fejn ħasbuh xi ħadd li kien qed iżur Ġerusalemm:
“Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu, Ibqa’ magħna: għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm. Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom.
“U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.
“Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.
“U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu, Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (Luqa 24:29–32).
Parti minn dak l-istess kliem smajtu jiġi rrepetut f’ laqgħa tas-sagrament li jiena attendejt aktar minn 70 sena ilu.F’ dawk iż-żminijiet, il-laqgħat tas-sagrament kienu jkunu filgħaxija. Barra kien id-dlam. Bħala kongregazzjoni kantajna flimkien kliem li jiena kont familjari miegħu. Jiena kont smajt dan il-kliem bosta drabi qabel. Iżda l-memorja li baqgħet f’ moħħi kienet ta’ sentiment fl-lejla partikolari. Wasslitni biex inħossni aktar viċin is-Salvatur. Jista’ jkun li jekk jiena naqralkom il-kliem, aħna lkoll inħossuna kif ħassejtni jiena.
Ibqa’ miegħi; wasal filgħaxija,
Il-jum għadda u spiċċa;
Qed jaqa’ d-dell ta’ filgħaxija;
Dalwaqt isir billejl.
F’ qalbi daħal mistieden,
Li qed jgħammar f’ dari.
Ibqa’ miegħi; wasal filgħaxija.
Il-mixja li int imxejt miegħi
Waslitni biex inħoss sentiment jaqbad f’ qalbi
Hekk kif jien tkellimt miegħek.
Il-kliem ferventi tiegħek mela ruħi.
U żammni ħdejk.
O Salvatur, għaddi dal-lejl miegħi;
Għax ara, wasal filgħaxija.
O Salvatur, għaddi dal-lejl miegħi;
Għax ara, wasal filgħaxija.1
Aktar prezzjuża mill-memorja tal-avvenimenti hija l-memorja tal-Ispirtu s-Santu jmiss qalbna u l-konferma kontinwa Tiegħu tal-verità. Aktar prezzjuż milli naraw b’ għajnejna jew li niftakru l-kliem li jiġi mitkellem jew li nisimgħuh jinqara huwa li aħna niftakru s-sentimenti li jakkumpanjaw dak il-leħen sieket tal-Ispirtu. Rarament jiena ħassejt dan eżattament kif ħassewh dawk li kienu qed jivvjaġġaw fit-triq ta’ Għemmaws—bħal fjamma ġewwa qalbi li bilkemm tinħass iżda li hija verament reali.Ħafna drabi tkun sempliċi sentiment ta’ assigurazzjoni, ċar u sieket.
Aħna għandna l-wegħda imprezzabbli tal-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb tagħna, u għandna wkoll id-direzzjoni vera kif aħna nistgħu niksbu dan id-don. Dan il-kliem jiġi mlissen minn qaddej awtorizzat tal-Mulej waqt li jkollu jdejh fuq rasna: “Irċievi l-Ispirtu s-Santu.” U f’ dak il-mument jien u intom ikollna l-assigurazzjoni li Huwa se jintbagħat fuqna. Iżda l-obbligu tagħna hu li aħna nagħżlu li niftħu qalbna biex nirċievu l-għajnuna tal-Ispirtu tul ħajjitna.
L-esperjenzi tal-Profeta Joseph Smith joffrulna l-gwida li aħna neħtieġu. Huwa beda u kompla l-ministeru tiegħu bid-deċiżjoni li l-għerf tiegħu ma kienx biżżejjed biex hu jkun jaf xi triq kellu jaqbad. Huwa għażel li jiċċekken quddiem Alla.
Imbagħad, Joseph għażel li jistaqsi lil Alla. Huwa talab b’ fidi li Alla kien se jisimgħu. It-tweġiba kisibha meta kien għadu daqsxejn ta’ tfajjel. Dawk il-messaġġi huwa rċeviehom meta huwa kellu bżonn ikun jaf kif Alla ried jistabbilixxi l-Knisja Tiegħu. L-Ispirtu s-Santu farrġu u ggwidah tul ħajtu.
Huwa obda l-ispirazzjoni meta kien diffiċli jagħmel dan. Per eżempju, huwa rċieva direzzjoni li jibgħat lit-Tnax l-Ingilterra fi żmien li l-aktar kellu bżonnhom. Huwa bagħathom.
Huwa aċċetta li jiġi kkoreġut mill-Ispirtu meta huwa kien jinsab fil-ħabs u l-Qaddisin kienu qed jiġu maħqura b’ mod mill-aktar terribbli. U huwa obda meta huwa telaq fi triqtu lejn Carthage anke meta kien jaf li kien fil-periklu li jinqatel.
Il-Profeta Joseph ta eżempju lilna lkoll dwar kif aħna nistgħu nirċievu kontinwament direzzjoni u faraġ spiritwali permezz tal-Ispirtu s-Santu.
L-ewwel għażla li huwa għamel kien li jiċċekken quddiem Alla.
It-tieni kienet li jitlob b’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.
It-tielet kienet li jobdi b’ eżattezza. L-ubbidjenza taf tfisser li wieħed jitlaq minn fejn ikun fi żmien qasir. Taf tfisser li jħejji lilu nnifsu. Jew taf tfisser li jistenna bil-paċenzja kollha għal aktar ispirazzjoni.
U r-raba’ kienet li jitlob biex ikun jaf il-bżonnijiet u l-qalb tal-oħrajn u kif huwa seta’ jgħinhom f’ isem il-Mulej. Joseph talab għall-Qaddisin li kienu qed ibatu waqt li huwa kien jinsab fil-ħabs. Jiena kelli l-opportunità li nosserva l-profeti ta’ Alla hekk kif huma jitolbu, biex jiksbu l-ispirazzjoni, biex jirċievu d-direzzjoni u jaġixxu skont dik id-direzzjoni.
Jiena rajt kemm ħafna drabi t-talb tagħhom kien jirrigwarda lin-nies li huma jħobbu u jservu. L-imħabba tagħhom lejn ħaddieħor tidher li kienet twassal biex qalbhom tinfetaħ biex ġo fiha huma jirċievu l-ispirazzjoni. L-istess tistgħu tagħmlu intom.
L-ispirazzjoni tgħinkom tgħinu lil ħaddieħor f’ isem il-Mulej. Jista’ jkun li intom dan esperjenzajtuh, kif esperjenzajtu jiena. L-isqof tiegħi darba qalli—fi żmien meta marti kienet għaddejja minn stress kbir f’ ħajjitha— “Kull darba li jiena nisma’ li xi ħadd fil-qasam, għandu bżonn l-għajnuna, meta nasal ħdejh biex ngħinu nsib li martek diġà tkun tinsab hemmhekk qabli.Kif jirnexxilha tagħmel dan?”
Hija bħal kull ministru meraviljuż ieħor fis-saltna tal-Mulej. Jidher li huma jagħmlu żewġ ħwejjeġ importanti. Dawn il-ministri meraviljużi kkwalifikaw biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħhom. U huma kkwalifikaw ukoll għad-don tal-karità, li hi l-imħabba safja ta’ Kristu.Dawn id-doni kibru ġewwa fihom hekk kif huma wżawhom biex iservu sforz l-imħabba tagħhom lejn il-Mulej.
Għalija l-mod kif it-talb, l-ispirazzjoni u l-imħabba tal-Mulej jaħdmu flimkien fis-servizz tagħna hu deskritt b’ mod perfett permezz ta’ dan il-kliem:
“Jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.
“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.
“U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem;
“L-Ispirtutal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.
“Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom.
“Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.
“F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.
“Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġwanni 14:14–21).
Jiena naqsam ix-xhieda personali tiegħi li l-Missier f’ dan il-mument huwa konxju tagħkom, u tal-bżonnijiet spiritwali u temporali ta’ dawk kollha ta’ madwarkom. Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li l-Missier u l-Iben qed jibagħtu l-Ispirtu s-Santu lil dawk kollha li għandhom dan id-don, li jitolbu għal din il-barka u li jfittxu jaraw li huma denji tagħha. La l-Missier, la l-Iben u lanqas l-Ispirtu s-Santu ma jisfurzaw Lilhom Infushom f’ ħajjitna. Aħna ħielsa biex nagħżlu. Il-Mulej qal lilna lkoll:
“Araw, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.
“Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu.
“Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu” (Rivelazzjoni 3:20–22).
Jien nitlob b’ qalbi kollha li intom tisimgħu l-leħen tal-Ispirtu, li tirċevuh b’ daqstant ġenerożità. U nitlob li intom tiftħu qalbkom dejjem biex tirċevuh. Jekk intom titolbu b’ intenzjoni ġenwina u b’ fidi f’ Ġesù Kristu għall-ispirazzjoni, intom tirċevuha bil-mod kif irid il-Mulej fil-ħin Tiegħu. Alla hekk għamel mat-tfajjel Joseph Smith.U Hu jagħmel l-istess mal-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson. Huwa poġġiekom qalb ulied oħra ta’ Alla biex taqduhom f’ ismu. Jiena naf dan mhux biss b’ dak li jiena rajt b’ għajnejja iżda naf danb’ aktar qawwa permezz ta’ dak li l-Ispirtu fesfisli f’ qalbi.
Jiena ħassejt l-imħabba tal-Missier u tal-Iben il-Maħbub Tiegħu għall-ulied kollha ta’ Alla fid-dinja kif ukoll għall-uliedu li hemm fid-dinja tal-ispirtu. Jiena ħassejt il-faraġ u d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Jiena nitlob li intom tesperjenzaw dak il-ferħ li jħossu dawk li jkollhom kontinwament magħhom l-Ispirtu bħala s-sieħeb kostanti tagħhom. F’ isem Ġesù Kristu, amen.