Storja tal-Familja u Ħidma tat-Tempju: Siġill u Fejqan
Meta aħna niġbru l-istorja tal-familja tagħna u mmorru t-tempju f’ isem l-antenati tagħna, Alla jġib fis-seħħ barkiet imwiegħda simultanjament fuq iż-żewġ naħat tal-velu.
Ir-relazzjonijiet tal-familja jistgħu jkunu fost l-aktar esperjenzi li jagħtuna sodisfazzjon madankollu jafu jkunu wkoll fost l-aktar esperjenzi ta’ sfida li nistgħu nħabbtu wiċċna magħhom. F ’ xi ħin jew ieħor, ħafna minna esperjenzajna mumenti ta’ nuqqas ta’ qbil fil-familji tagħna. Mument ta’ nuqqas ta’ qbil żviluppa bejn żewġ eroj tar-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu f’ dawn l-aħħar jiem. Parley u Orson Pratt kienu aħwa, tnejn mill-ewwel membri tal-Knisja u kienu wkoll ordnati Appostli. Il-fidi tagħhom it-tnejn kienet ġiet ittestjata iżda t-tnejn li huma għelbu dan minħabba t-testimonjanza mill-aktar b’ saħħitha li kellhom. It-tnejn issagrifikaw u taw kontribut kbir għall-kawża tal-verità.
Waqt il-perjodu ta’ Nauvoo, inqala’ disgwid bejtniethom, li laħaq il-qofol tiegħu f’ konfrontazzjoni pubblika taħraq fl-1846. Bejniethom żviluppa sentiment xejn sabiħ li dam ikarkar mhux ħażin. Għall-ewwel Parley kiteb lil Orson biex jipprova jirranġa l-affarijiet, iżda Orson ma weġbux lura. Parley xeba’ jissaporti, u ħass li jekk ma jkunx Orson li jerġa’ jmur fuqu biex ikellmu, il-komunikazzjoni ta’ bejniethom kienet intemmet darba għal dejjem.1
Bosta snin wara, f’ Marzu 1853, Orson ġie f’ idejh proġett li kellu jiġi ppubblikat bħala ktieb dwar id-dixxendenti ta’ William Pratt, l-ewwel antenat Amerikan tal-aħwa. Orson beda jibki “bħal tarbija” hekk kif beda jifli din il-ġabra imprezzabbli tal-istorja tal-familja. Qalbu rtabet u huwa ħassu determinat li jsewwi l-qasma li kien hemm bejnu u bejn ħuh.
Orson kiteb lil Parley, “Issa għażiż ħija, m’hawn ħadd fost id-dixxendenti kollha tal-Antenat tagħna, it-Tenent William Pratt, li għandu interess li jfittex minn huma d-dixxendenti tiegħu, daqs kemm għandna aħna t-tnejn.” Orson kien wieħed mill-ewwel li fehem li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandna obbligu li nfittxu u niġbru flimkien l-istorja tal-familja ħalli aħna nkunu nistgħu nwettqu l-ordinanzi f’ isem l-antenati tagħna. L-ittra tiegħu tkompli: “Aħna nafu li kien l-Alla ta’ missirijietna li influwenza dan kollu. … Jiena nitolbok taħfirli li jiena domt daqshekk naħsibha biex niktiblek. … Nittama li inti taħfirli.”2 Minkejja t-testimonjanza qawwija li huma kellhom, kellha tkun l-imħabba tagħhom lejn l-antenati tagħhom li wasslet biex sewwiet il-qasma ta’ beniethom u l-weġgħa li t-tnejn kienu qed iħossu, u biex huma waslu biex fittxew u talbu l-maħfra.3
Meta Alla jidderiġina biex nagħmlu xi ħaġa, ħafna drabi Huwa jkollu diversi għanijiet f’ moħħu. L-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju mhijiex biss għall-mejtin iżda tbierek ukoll lill-ħajjin. Għal Orson u Parley, din il-ħidma waslet biex ratbet qalbhom għal xuxlin. L-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju jipprovdulna l-qawwa li tfejjaq kull m’għandu bżonn il-fejqan.
Bħala membri tal-Knisja, aħna għandna responsabbiltà maħtura b’ mod divin li nfittxu lill-antenati tagħna u niġbru flimkien l-istorja tal-familja. Dan ifisser ferm aktar minn sempliċiment delizzju ta’ min jinkuraġġih għaliex l-ordinanzi tas-salvazzjoni huma neċessarji għall-ulied kollha ta’ Alla.4 Aħna jeħtieġ li nidentifikaw lil dawk l-antenati tagħna li mietu mingħajr ma rċevew l-ordinanzi tas-salvazzjoni. Aħna nistgħu nwettqu l-ordinanzi f’ isimhom ġewwa t-tempji, u l-antenati tagħna jistgħu jagħżlu huma jekk jaċċettawx l-ordinanzi.5 Aħna mħeġġin ukoll li ngħinu lill-membri tal-qasam u tal-wited bl-ismijiet tal-familja tagħhom. Hija ħaġa mill-aktar meraviljuża li, permezz tal-istorja tal-familja u tal-ħidma tat-tempju, aħna nistgħu ngħinu nifdu l-mejtin.
Iżda, hekk kif aħna llum nipparteċipaw fl-istorja tal-familja u fil-ħidma tat-tempju, aħna wkoll inkunu intitolati għal barkiet ta’ “fejqan” imwiegħda mill-profeti u l-appostli.6 Dawn il-barkiet huma wkoll mill-aktar meraviljużi minħabba l-ambitu, l-ispeċifiċità, u l-konsegwenzi tagħhom fil-mortalità. Din il-lista twila tinkludi dawn il-barkiet:
-
Għarfien akbar tas-Salvatur u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa;
-
Influwenza akbar tal-Ispirtu s-Santu7 biex inħossu aktar qawwa u direzzjoni għall-ħajjitna.
-
Fidi akbar, ħalli l-konverżjoni tagħna għas-Salvatur issir waħda profonda u dejjiema;
-
Abbiltà u motivazzjoni akbar li nitgħallmu u nindmu8 minħabba l-għarfien li jkollna dwar min aħna verament u minn fejn ġejna kif ukoll viżjoni aktar ċara ta’ fejn sejrin;
-
Influwenzi li jsaffuna, jqaddsuna u jimmoderawna fi qlubna;
-
Ferħ akbar permezz ta’ abbiltà akbar li nħossu l-imħabba tal-Mulej;
-
Barkiet tal-familja akbar, kienet x’ kienet, hi x’ inhi, u tkun xi tkun is-sitwazzjoni fil-familja tagħna jew imperfett kemm hu imperfett l-arblu tar-razza tagħna;
-
Imħabba u apprezzament akbar lejn l-antenati tagħna u l-qraba ħajjin tagħna, ħalli qatt aktar ma nħossuna weħidna.
-
Qawwa akbar li nagħrfu dak li jeħtieġ il-fejqan u b’hekk, bl-għajnuna tal-Mulej, naqdu lil ħaddieħor;
-
Protezzjoni akbar mit-tentazzjoni u l-influwenza dejjem tikber tal-avversarju; u
-
Assistenza akbar biex jitfejqu qlub li huma inkwetati, maqsuma u anzjużi kif ukoll biex ifieq min hu midrub.9
Jekk intom qatt tlabtu li tiksbu xi waħda minn dawn il-barkiet, nitlobkom biex tipparteċipaw fl-istorja tal-familja u fil-ħidma tat-tempju. Hekk kif tagħmlu dan, it-talb tagħkom jinstama’ żgur. Meta l-ordinanzi jitwettqu f’ isem il-mejtin, ulied Alla fid-dinja jiksbu l-fejqan. Mhux ta’ b’ xejn li l-President Russell M. Nelson, fl-ewwel messaġġ tiegħu bħala President tal-Knisja, iddikjara, “Il-qima tagħkom fit-tempju u s-servizz tagħkom hemmhekk, għall-antenati tagħkom, iberkukom b’ aktar rivelazzjoni personali u aktar paċi u jiffortifikaw l-impenn tagħkom li tibqgħu fit-triq tal-patt.”10
Profeta ieħor li għex ħafna snin qablu wkoll ippreveda l-barkiet li kien hemm lesti kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin.11 Wieħed messaġġier mis-smewwiet wera lil Eżekjel viżjoni ta’ tempju bl-ilma ħiereġ minnu. Lil Eżekjel qallu:
“Dan l-ilma ħiereġ … u nieżel lejn l-Għaraba, u meta jasal fil-Baħar il-Mejjet … , l-ilma jitfejjaq.
“U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; u jkun hemm kotra kbira ta’ ħut, għax, minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara.”12
Ta’ min jinnota żewġ karatteristiċi tal-ilma. L-ewwel, minkejja li n-nixxiegħa żgħira ma kellha l-ebda tributarji, hi kibret u saret xmara setgħana, u aktar ma bdiet titbiegħed aktar bdiet issir wiesgħa u fonda. L-istess jiġri bil-barkiet li jnixxu minn ġot-tempju hekk kif individwi jiġu ssiġillati bħala familji. It-tkabbir sinifikattiv iseħħ meta aħna mmorru lura u ‘l quddiem fil-ġenerazzjonijiet hekk kif l-ordinanzi tas-siġill jiwweldjaw il-familji flimkien.
It-tieni, ix-xmara ġġedded kull ħaġa li tmiss magħha. Bl-istess mod, il-barkiet tat-tempju għandhom kapaċità enormi li jfejqu. Il-barkiet tat-tempju jistgħu jfejqu l-qlub, il-ħajjiet u l-familji.
Ippermettuli nispjega ruħi. Fl-1999, wieħed żagħżugħ jismu Todd spiċċa minn tulu fl-art wara li nqatgħatlu vina minn moħħu. Minkejja li Todd u l-familja tiegħu kienu membri tal-Knisja, huma ma tantx kienu attivi, u ħadd minnhom ma kien esperjenza l-barkiet tat-tempju. Fl-aħħar lejl tal-ħajja ta’ Todd, ommu, Betty, poġġiet bilqiegħda ħdejn is-sodda tiegħu tmellislu idu u qaltlu, “Todd, jekk verament wasal iż-żmien li tħallina, inwiegħdek li jiena se nara li ssir f’ ismek il-ħidma tat-tempju.” L-għada filgħodu, Todd ġie ddikjarat mejjet minn moħħu. Il-kirurgi trapjantaw qalb Todd ġewwa pazjent minn tiegħi, bniedem meraviljuż jismu Rod.
Ftit xhur biss wara li sar it-trapjant, Rod sar jaf l-identità tal-familja tad-donatur ta’ qalbu u beda jikkorrispondi magħhom. Madwar sentejn wara, omm Todd, Betty, stiednet lil Rod biex ikun preżenti meta hija marret għall-ewwel darba t-tempju. Rod u Betty ltaqgħu fiżikament għall-ewwel darba ġewwa l-kamra ċelestjali tat-Tempju ta’ San Ġorġ, Utah.
Ftit wara, missier Todd—ir-raġel ta’ Betty—miet. Snin wara, Betty stiednet lil Rod biex ikun hu li jirrappreżenta lill-mejjet binha meta huwa jirċievi f’ ismu l-ordinanzi tat-tempju. Rod, għamel dan bi gratitudni u l-ħidma bi prokura laħqet il-qofol tagħha fil-kamra tas-siġill tat-Tempju ta’ San Ġorġ, Utah. Betty ġiet issiġillata mal-mejjet żewġha, waqt li kienet għarkupptejha quddiem in-neputi tagħha li serva bħala prokuratur. Imbagħad,bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha, hija talbet lil Rod biex jingħaqad magħhom madwar l-artal. Rod niżel għarkupptejh ħdejhom, jaġixxi f’ isem binha, Todd, li qalbu kienet għadha tħabbat f’ sider Rod. Id-donatur ta’ qalb Rod, Todd, imbagħad ġie ssiġillat mal-ġenituri tiegħu għall-eternità kollha. Omm Todd żammet il-wegħda li snin qabel hija kienet għamlet lil binha li kien qed imut.
Iżda l-istorja ma tintemmx hawn. Ħmistax-il sena wara li kien sarlu t-trapjant tal-qalb, Rod tgħarras u kien se jiżżewweġ u talabni biex jiena nwettaq is-siġill ġewwa t-Tempju ta’ Provo, Utah. F’ jum it-tieġ, jiena ltqajt ma’ Rod u mal-għarusa meraviljuża tiegħu, Kim, fil-kamra ta’ ħdejn il-kamra tas-siġill, fejn kien hemm jistennewhom il-familji u l-ħbieb tal-qalb tagħhom. Wara żjara qasira ma’ Rod u Kim, jiena staqsejthom jekk kellhomx xi mistoqsija x’ jagħmlu.
Rod weġibni, “Iva. Il-familja tad-donatur jinsabu hawn u jixtiequ jiltaqgħu miegħek.”
Jiena verament issorprendejt ruħi u staqsejtu, “Trid tgħid li jinsabu verament hawnhekk? F’ dal-mument?”
Rod wieġeb, “Iva.”
Jiena dort il-kantuniera u mill-kamra tas-siġill sejjaħt lill-familja. Betty, bintha u r-raġel ta’ bintha ngħaqdu magħna wkoll. Rod sellem lil Betty b’ tgħannieqa, irringrazzjaha talli kienet tinsab hemm, imbagħad introduċieni magħha. Rod qal, “Betty, dan hu l-Presbiteru Renlund. Huwa kien it-tabib li għal dawn is-snin kollha ilu jieħu ħsieb qalb ibnek.” Hija qasmet il-kamra u għannqitni magħha. U dawk il-ftit minuti ta’ wara, kienu kkaratterizzati minn tgħanniq u dmugħ ta’ ferħ.
Wara li erġajna ġejna f’ tagħna, aħna dħalna fil-kamra tas-siġill, fejn Rod u Kim ġew issiġillati għal din il-ħajja u għall-eternità kollha. Rod, Kim, Betty u jien nistgħu nixhdu li kienet esperjenza verament divina u spiritwali, li dak inhar kien hemm preżenti magħna wkoll erwieħ oħra li żmien qabel kienu għaddew mill-velu tal-mortalità.
Alla, fil-kapaċità infinita Tiegħu, jissiġilla u jfejjaq individwi u familji minkejja t-traġedji, it-telfien u t-tbatija. Xi kultant aħna nqabblu s-sentimenti li aħna nesperjenzaw fit-tempji ma’ bħallikieku aħna rnexxielna nduqu xi ftit minn dak li hemm jistenniena fis-smewwiet.13 F’ dak il-jum ġewwa t-Tempju ta’ Provo, Utah, din id-dikjarazzjoni minn C.S. Lewis kellha għalija tifsira mill-aktar speċjali: “In-nies mortali jafu jgħidu dwar is-sofferenza temporali li jkunu qed isofru, ‘L-ebda barka fis-smewwiet ma tista’ tikkompensa għal dan,’ għax ma jafux li fis-Smewwiet, la darba jirnexxielna naslu hemm, kollox jaħdem bil-kontra u saħansitra anke dik l-agunija tinbidel fi glorja. … L-Imberkin jgħidu, ‘Aħna qatt m’għexna mkien ħlief hawn fis-smewwiet.’”14
Alla jagħtina l-qawwa, jgħinna u jieħu ħsiebna;15 u għalina Huwa jqaddes saħansitra l-aktar tbatija profonda li nistgħu nesperjenzaw.16 Meta aħna niġbru l-istorja tal-familja tagħna u mmorru t-tempju f’ isem l-antenati tagħna, Alla jġib fis-seħħ ħafna minn dawn il-barkiet imwiegħda simultanjament fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Bl-istess mod, aħna nkunu mberkin meta aħna ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess ħaġa fl-oqsma u fl-utied tagħna. Dawk il-membri li joqogħdu ‘l bogħod mit-tempju ukoll jirċievu dawn il-barkiet billi jipparteċipaw fil-ħidma tal-istorja tal-familja, hekk kif jiġbru l-ismijiet tal-antenati tagħhom biex jitwettqu f’ isimhom l-ordinanzi tat-tempju.
Il-President Russell M. Nelson madankollu wissiena: “Aħna nistgħu ngħaddu l-jum kollu ispirati mill-esperjenzi dwar it-tempju u l-Istorja tal-familja li kellu ħaddieħor. Iżda jeħtieġ li aħna nagħmlu xi ħaġa biex fil-fatt nesperjenzaw aħna stess dan il-ferħ.” Huwa kompla, “Jiena nistedinkom biex bl-għajnuna tat-talb tikkunsidraw x’ tip ta’ sagrifiċċju—preferibbilment sagrifiċċju ta’ ħin—tistgħu toffru biex tkunu tistgħu twettqu aktar ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja.”17 Hekk kif intom taċċettaw l-istedina tal-President Nelson, intom tiskopru, tiġbru flimkien u tagħmlu kuntatt mal-membri tal-familja tagħkom. Barra minn hekk, il-barkiet jibdew jinżlu fuqkom u fuq il-familja tagħkom bħax-xmara li semma’ Eżekjel. Intom issibu l-fejqan għal dak kollu li għandu bżonn il-fejqan.
Orson u Parley Pratt esperjenzaw l-effett tal-fejqan u tal-issiġillar tal-ħidma tal-istorja tal-familja u tat-tempju fiż-żminijiet bikrin ta’ din id-dispensazzjoni. Betty, il-familja tagħha u Rod esperjenzaw dan ukoll. Intom ukoll tistgħu tesperjenzaw dan. Permezz tas-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa, Ġesù Kristu offra dawn il-barkiet lil kulħadd, kemm lill-mejtin kif ukoll lill-ħajjin. Minħabba dawn il-barkiet, aħna nsibu li aħna, b’ mod metaforiku, “qatt m’għexna mkien ħlief … fis-smewwiet.”18 Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.