Araw! Armata Rjali
X’ ferħ kbir se jesperjenzaw dawk kollha li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku li issa se jkollhom il-barka li jgħallmu, jitgħallmu u jservu spalla ma’ spalla flimkien.
Għeżież ħuti tas-saċerdozju, b’umiltà kbira jiena ninsab wieqaf quddiemkom f’ din l-okkażżjoni storika, f’ essajnment li jien ġejt mogħti mill-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. Jiena verament inħobb u nsostni lil dan ir-raġel meraviljuż ta’ Alla u lill-Ewwel Presidenza l-ġdida tagħna.Jiena nżid ix-xhieda tiegħi ma’ dik tal-Presbiteru D. Todd Christofferson u tal-Aħwa l-oħra tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu li t-tibdil li tħabbar illejla huwa r-rieda tal-Mulej.
Kif iddikjara l-President Nelson, din hija ħaġa li bl-għajnuna tat-talb ilha żmien twil tiġi diskussa u kkunsidrata mill-Aħwa anzjani tal-Knisja.Ix-xewqa dejjem kienet li aħna nfittxu r-rieda tal-Mulej u nsaħħu l-kwora tas-Saċerdozju Melkisedeku.Aħna rċevejna l-ispirazzjoni, u llejla l-profeta tagħna qalilna x’inhi r-rieda tal-Mulej. “Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti”!1 Kemm aħna mberkin li llum aħna għandna profeta ħaj!
Tul ħajjitna, jien u Sister Rasband ivvjaġġajna madwar id-dinja fuq ħafna essajnments, kemm tal-Knisja kif ukoll professjonali. Jiena rajt kważi kull tip ta’ konfigurazzjoni tal-unit fil-Knisja; fergħa żgħira fir-Russja fejn in-numru ta’ rġiel li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku tista’ tgħoddu fuq id waħda, qasam ġdid u li dejjem qed jikber fl-Afrika fejn kemm il-qassisin il-kbar kif ukoll il-presbiteri jiltaqgħu t-tnejn bħala grupp wieħed għaliex in-numru totali ta’ dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku kien wieħed baxx, kif ukoll oqsma stabbiliti sew fejn in-numru ta’ presbiteri jippermetti li l-kworum jinqasam f’ żewġ kwora!
Kull fejn morna, aħna rajna b’ għajnejna id il-Mulej preżenti quddiem il-qaddejja Tiegħu, tħejji n-nies u t-triq ħalli wliedu kollha jkunu jistgħu jiġu mberkin skont il-bżonnijiet kollha tagħhom. Ma wigħedx Huwa illi Hu “se jkun quddiemna” u “se jkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħna” u li “l-Ispirtu tiegħu sa jkun f’ qalbna, u l-anġli tiegħu jduru magħna”?2
Meta jiena naħseb dwarkom ilkoll, tiġi f’ moħħi l-għanja “Araw!Armata Rjali.”
Araw! Armata rjali,
Bl-istendard, ix-xabla u t-tarka,
Qed timmarċja ‘l quddiem biex tirbaħ
Fil-battalja l-kbira tal-ħajja.
Hija magħmula minn suldati,
Magħquda, kuraġġużi u b’ saħħithom,
Li jimxu wara l-Kmandant tagħhom
U jkantaw l-għanja ferrieħa tagħhom.3
Il-Presbiteru Christofferson wieġeb diversi mistoqsijiet li ħafna żgur seta’ kellhom wara t-tħabbira li l-grupp tal-qassisin il-kbar u l-kwora tal-presbiteri, fil-livell ta’ qasam, se jiġu kkumbinati f’ armata waħda, magħquda u setgħana, ta’ aħwa tas-Saċerdozju Melkisedeku.
Dan it-tibdil se jgħin il-kwora tal-presbiteri u s-Soċjetajiet tal-Għajnuna jarmonizzaw il-ħidma tagħhom. Dan se jissimplifika wkoll il-koordinazzjoni tal-kworum mal-veskovat u tal-kunsill tal-qasam. U se jagħti ċ-ċans li l-isqof jiddelega aktar responsabbiltajiet lill-presidenti tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna ħalli l-isqof u l-kunsilliera tiegħu jkunu jistgħu jiffokaw fuq id-dmirijiet primarji tagħhom—partikolarment li jippresedu fuq it-tfajliet u l-ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku.
It-tibdil fl-organizzazzjonijiet u l-funzjonijiet tal-Knisja mhuwiex xi ħaġa ġdida. Fl-1833 il-Mulej qal lill-President John Taylor: “Rigward it-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-Knisja u s-Saċerdozju tiegħi … Jiena, minn żmien għall-ieħor, se niżvela miegħek permezz tal-mod li għażilt jiena stess, dak kollu li għandu jkun neċessarju għall-iżvilupp u l-perfezzjoni tal-Knisja tiegħi fil-ġejjieni, għat-tibdil u l-progress tas-saltna tiegħi.”4
Issa, se ngħid xi ħaġa żgħira lilkom l-aħwa li intom qassisin il-kbar—kunu afu li aħna nħobbukom! Missierna fis-Smewwiet iħobbkom! Intom parti importanti mill-armata rjali tas-saċerdozju, u aħna ma nistgħux mmexxu din il-ħidma ‘l quddiem mingħajr it-tjubija, is-servizz u l-esperjenza tagħkom.Alma għallem li l-irġiel huma msejħin biex ikunu qassisin il-kbar minħabba l-fidi qawwija u l-għemejjel tajbin tagħhom biex huma jgħallmu u jimministraw lil ħaddieħor.5 Illum dik l-esperjenza hija meħtieġa forsi aktar minn qatt qabel.
F’ ħafna oqsma, aħna jaf ikollna qassisin il-kbar li issa se jkollhom l-opportunità li jkollhom presbiteru li se jkun qed jippresedi bħala l-presidenti tal-kworum tagħhom. Għandna preċedent ta’ presbiteri jippresedu fuq il-qassisin il-kbar: bħalissa għandna presbiteri jservu bħala president tal-fergħa f’ xi reġjuni tad-dinja li fihom hemm ukoll qassisin il-kbar, u hemm fergħat li fihom hemm organizzat biss kworum tal-presbiteri u li fihom hemm preżenti wkoll il-qassisin il-kbar.
X’ ferħ kbir se jesperjenzaw dawk kollha li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku li issa se jkollhom il-barka li jgħallmu, jitgħallmu u jservu spalla ma’ spalla mal-membri kollha tal-qasam tagħhom. Tinsabu fejn tinsabu u huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom, aħna nistednukom biex bl-għajnuna tat-talb, b’ fedeltà u b’ ferħ taċċettaw opportunitajiet ġodda li tmexxu u tiġu mmexxija u li sservu f’ unità bħala group ta’ aħwa tas-saċerdozju.
Issa jiena se nindirizza affarijiet oħra li jeħtieġ li niċċarawhom hekk kif se nimxu ‘l quddiem biex nimplimentaw ir-rieda tal-Mulej rigward l-organizzazzjoni tal-kwora Tiegħu tas-saċerdozju mqaddes.
X’inhu t-tibdil li jirrigwarda l-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited? Il-kwora tal-qassisin il-kbar tal-wited se jkomplu jiffunzjonaw. Il-presidenzi tal-wited se jkomplu jservu bħala presidenza tal-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited. Madankollu, kif ġie nnotat mill-Presbiteru Christofferson, il-membri tal-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited issa se jikkonsistu minn qassisin il-kbar li bħalissa qed iservu fil-presidenza tal-wited, bħala membri tal-veskovat tal-qasam, bħala membri tal-kunsill ogħla tal-wited kif ukoll bħala patrijarki attivi. L-iskrivani u s-segretarji eżekuttivi tal-qasam u tal-wited mhumiex membri tal-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited. Meta xi ħadd li bħalissa qed iservi bħala qassis il-kbir, patrijarka, Sebgħin jew Appostlu ikun qed iżur xi qasam u jixtieq jattendi l-laqgħa tas-saċerdozju, hu jattendi fil-klassi tal-kworum tal-presbiteri.
Hekk kif l-aħwa f’ dawn is-sejħiet maż-żmien jiġu eżonerati, huma jerġgħu lura fil-units ta’ fejn joqogħdu bħala membri tal-kworum tal-presbiteri.
X’inhu l-irwol tal-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited? Il-presidenza tal-wited tiltaqa’ mal-membri tal-kworum tal-qassisin il-kbar biex flimkien jiddiskutu, jaqsmu t-testimonjanza tagħhom u jipprovdu t-taħriġ. Il-laqgħat tal-wited kif huma spjegati fil-manwali tagħna se jkomplu iżda se jkollhom żewġ tibdiliet:
L-ewwel, fl-oqsma u fl-utied mhux se jibqa’ jkun hemm aktar laqgħat eżekuttivi tas-saċerdozju. Jekk iqumu xi problemi speċifiċi fil-qasam , bħall-ħwejjeġ delikati tal-familja jew xi sfida mhux tas-soltu li tirrigwarda l-welfer, jistgħu jiġu indirizzati f’ laqgħa estiża tal-veskovat. Ħwejjeġ oħra anqas sensittivi jistgħu jiġu indirizzati fil-kunsill tal-qasam. Dik li kienet magħrufa bħala l-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv saċerdotali tal-wited issa se tkun magħrufa bħala “laqgħa tal-kunsill ogħla.”
It-tieni, il-laqgħa annwali tal-qassisin il-kbar ordnati kollha fil-wited mhux se tkompli ssir.Madankollu, il-presidenza tal-wited se tkompli tagħmel laqgħa annwali tal-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited kif ġie mħabbar illum.
Jista’ jkun li fil-qasam ikun hemm aktar minn kworum wieħed tal-presbiteri? It-tweġiba hija iva. Fl-ispirtu ta’ Duttrina u Patti sezzjoni 107, vers 89, meta qasam ikollu numru kbir mhux tas-soltu ta’ rġiel li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku, il-mexxejja jistgħu jorganizzaw aktar minn kworum wieħed tal-presbiteri.F’ każijiet bħal dawn, kull kworum għandu jkollu bilanċ raġjonevoli f’ termini ta’ età, esperjenza u uffiċċji tas-saċerdozju.
Jiena nixhed li hekk kif aħna nimxu ‘l quddiem b’ dan ir-ristrutturar ispirat tal-kworum fl-oqsma u l-utied tagħna, aħna nesperjenzaw għadd kbir ta’ barkiet.Ippermettuli nsemmi xi ftit eżempji.
Taħt id-direzzjoni tal-isqof, aktar riżorsi tas-saċerdozju jistgħu jassistu fil-ħidma tas-salvazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu l-ġabra ta’ Iżrael permezz tal-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja, billi naħdmu mal-familji u l-individwi fil-bżonn u li ngħinu lill-missjunarji jressqu l-erwieħ lejn Ġesù Kristu.
Hekk kif mexxejja li qabel kienu jippresedu jerġgħu lura biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-kworum tal-presbiteri, dan jirriżulta f’ membri tal-kworum aktar b’ saħħithom.
Ikun hemm diversità akbar ta’ doni u kapaċitajiet fi ħdan il-kworum.
Ikun hemm aktar flessibilità u disponibiltà biex jintlaħqu ċerti bżonnijiet kurrenti u urġenti fil-qasam u fil-kworum u biex jitwettqu ċerti essajnments varji tal-ministeru.
Ikun hemm aktar għaqda u ċans biex wieħed jiggwida lil ħaddieħor hekk kif presbiteru ġdid u qassis il-kbir ta’ esperjenza jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom, spalla ma’ spalla, fil-laqgħat u l-essajnments tal-kworum.
Nisperaw li l-isqfijiet u l-presidenti tal-fergħa jiġu lliberati biex ikabbru s-sejħiet tagħhom li jieħdu ħsieb il-merħla tagħhom u jimministraw lil dawk fil-bżonn.
Aħna nifhmu li kull qasam u kull wited huma differenti. Filwaqt li nifhmu dawn id-differenzi, aħna għandna fiduċja li intom se timxu wara dan it-tibdil hekk kif tgħaddi din il-konferenza ġenerali. Aħna ġejna mogħtija din id-direzzjoni minn profeta ta’ Alla! X’ barka u responsabbiltà tremenda. Ejjew inwettquha bis-sewwa u d-diliġenza kollha!
Infakkarkom: l-awtorità tas-saċerdozju tinkiseb billi wieħed jiġi distint u ordnat, iżda l-qawwa vera tas-saċerdozju, il-qawwa li wieħed jista’ jaġixxi f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, tista’ tinkiseb biss jekk wieħed jgħix ħajja tajba.
Il-Mulej iddikjara lill-Profeta Joseph Smith, il-profeta tar-Restawrazzjoni:
“Ara, jiena se nieħu ħsieb il-merħliet tiegħek, u se nqajjem presbiteri u nibagħthom iżuruhom.
“Ara, meta ż-żmien jasal, jiena se nħaffef il-ħidma tiegħi.”6
Fil-fatt, dan huwa ż-żmien li fih il-Mulej qed iħaffef il-ħidma Tiegħu.
Ejjew aħna lkoll nieħdu din l-opportunità biex nirriflettu u ntejbu ħajjitna biex ir-rieda tagħna tkun aktar f’ armonija mar-rieda Tiegħu ħalli aħna jkun jistħoqqilna l-ħafna barkiet li Huwa wiegħed lil dawk kollha li huma leali u fidili.
L-Aħwa, jiena nirringrazzjakom għal dak kollu li qegħdin tagħmlu biex tkunu parti minn din il-ħidma meraviljuża. Jalla aħna nimxu ‘l quddiem f’ din il-kawża kbira u onorabbli.
O, meta ntemmet il-gwerra,
Meta waqaf il-ġlied u l-kunflitt,
Meta lkoll ‘il bogħod mill-periklu inkunu
Fil-wied tal-paċi,
Quddiem is-Sultan etern,
Dik il-miġemgħa vasta u setgħana
Tfaħħar ismu għal dejjem,
U din tkun l-għanja tagħhom:
Vittorja, vittorja,
Permezz ta’ dak li fdiena!
Vittorja, vittorja,
Permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!
Vittorja, vittorja, vittorja,
Permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!7
Illum aħna nieqfu lkoll bħala xhieda tal-Mulej li qed jiżvela r-rieda Tiegħu permezz tal-profeta Tiegħu, il-President Russell M. Nelson.Jiena nixhed li hu huwa l-profeta ta’ Alla fid-dinja. Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi tal-Mulej Ġesù Kristu, li huwa l-Feddej u s-Salvatur kbir tagħna. Din hija l-ħidma Tiegħu, u din hija r-rieda Tiegħu, u ta’ dan jiena naqsam it-testimonjanza solenni tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.