2010-2019
Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur
April 2018


Nimministraw kif Jagħmel is-Salvatur

Jalla aħna nuru l-gratitudni u l-imħabba tagħna lejn Alla billi nimministraw b’ imħabba lil ħutna eterni.

X’ barka meraviljuża li ninsabu ngħixu fi żmien ta’ rivelazzjoni kontinwa minn Alla! Hekk kif inħarsu ‘l quddiem u nħaddnu “it-tiġdid kollu,”1 li seħħ u se jkompli jiġi fis-seħħ permezz tal-ġrajjiet ipprofetizzati ta’ żmienna, aħna nkunu qed nitħejjew għat-Tieni Miġja tas-Salvatur.2

U x’hemm aħjar biex nitħejjew ħa niltaqgħu Miegħu milli nippruvaw nagħmlu dak kollu li nistgħu ħalli nsiru bħalu billi nimministraw b’ imħabba lil xulxin! Kif Ġesù Kristu għallem lid-dixxipli Tiegħu fil-bidu ta’ din id-dispensazzjoni, “Jekk tħobbuni għandkom taqduni.”3 Is-servizz tagħna lejn ħaddieħor huwa turija tal-irwol tagħna bħala dixxipli u tal-gratitudni u l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn Ibnu, Ġesù Kristu.

Xi kultant naħsbu li aħna jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa verament kbira u erojka biex “niġu kkunsidrati” bħala nies li naqdu lil għajrna. Madankollu ċerti atti ta’ servizz jista’ jkollhom effett profond fuq ħaddieħor—kif ukoll fuqna nfusna. X’ għamel is-Salvatur? Permezz tar-rigali divini Tiegħu tal-Att tal-Fidwa u tar-Reżurezzjoni—li aħna qed niċċelebraw f’ dan il-Ħadd il-Għid mill-isbaħ—“ħadd daqsu ma ħalla warajh influwenza daqstant profonda fuq dawk kollha li għexu u li għad irid jgħixu fid-dinja.”4 Iżda lin-nies Huwa wkoll tbissmilhom, tkellem magħhom, mexa magħhom, qagħad jismagħhom, iddedika ħin għalihom, inkuraġġihom, għallimhom, temagħhom u ħafrilhom. Huwa serva lill-familja u l-ħbieb, lill-ġirien kif ukoll l-istranġieri, u Huwa stieden lill-maħbubin tiegħu u lil dawk li kien jiltaqa’ magħhom biex igawdu l-barkiet meraviljużi tal-evanġelju Tiegħu. Dawk l-atti “sempliċi” ta’ servizz u mħabba jipprovdulna mudell għall-ministeru tagħna llum.

Hekk kif intom għandkom il-privileġġ li tirrappreżentaw lis-Salvatur fl-isforzi tagħkom tal-ministeru, staqsu lilhom infuskom, “Jiena kif nista’ naqsam id-dawl tal-evanġelju ma’ dan l-individwu jew ma’ din il-familja? L-Ispirtu x’inhu jispirani biex nagħmel?”

Il-ministeru jista’ jsir permezz ta’ varjetà sħiħa ta’ modi individwalizzati. Għalhekk x’inhu eżatt?

Il-ministeru huwa meta l-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna bl-għajnuna tat-talb jiddiskutu flimkien il-ħidma tagħhom. Minflok li l-mexxejja sempliċiment iqassmu biċċiet tal-karti, huma jistgħu, per eżempju, jiddiskutu dwar l-individwi u l-familji mal-persuna partikolari hekk kif huma jagħtu ċerti essajnments lill-aħwa li jkunu se jintbagħtu jimministraw.Jistgħu, per eżempju, imorru mixja, jiltaqgħu flimkien biex jilagħbu logħba, joffru servizz jew saħansitra jservu flimkien. Jistgħu per eżempju jżuru lil dik il-persuna jew jitkellmu magħha fuq it-telefon jew onlajn jew jibagħtulha xi messaġġ bil-mowbajl. Jistgħu, per eżempju, jeħdulha xi kejk f’ għeluq sninha u jagħtuha s-sapport tagħhom waqt logħba futbol. Jistgħu, per eżempju, jaqsmu magħha xi skrittura jew kwotazzjoni minn diskors tal-konferenza li jaf tkun sinifikanti għaliha. Jistgħu, per eżempju, jiddiskutu magħha xi mistoqsija tal-evanġelju u jaqsmu t-testimonjanza tagħhom biex iwassalu ċ-ċarezza u l-paċi. Jistgħu, per eżempju, isiru parti mill-ħajja ta’ xi ħadd ieħor u jimpurtahom minnu jew minnha. Jistgħu, per eżempju, jagħmlu ċerti intervisti tal-ministeru li fihom jiddiskutu l-bżonnijiet u l-affarijiet li sejrin tajjeb b’ mod sensittiv u xieraq. Jistgħu, per eżempju, jorganizzaw ruħhom bħala kunsill tal-qasam biex jaraw kif se jsolvu ċerti bżonnijiet akbar li jista’ jkun hemm.

Dan it-tip ta’ ministeru saħħaħ lil waħda oħt li marret tgħix ‘il bogħod minn fejn kienet toqgħod qabel meta r-raġel tagħha beda jattendi l-università. Mingħajr telefon jaħdem u b’ tifel żgħir x’ tieħu ħsieb, hija bdiet tħossha daqsxejn diżorjentata f’ dan il-post il-ġdid, kompletament mitlufa u weħidha.Mingħajr ma ġiet infurmata minn qabel, waħda oħt mis-Soċjetà tal-Għajnuna tfaċċat fil-bieb tad-dar tagħha b’ par żarbun għat-tarbija tagħha f’ idejha, imbagħad ħaditha magħha fil-karozza u t-tnejn li huma marru jixtru mill-ħanut tal-merċa flimkien. Din l-oħt, bi gratitudni, qalet, “Hija ġiet tgħinni meta l-aktar kelli bżonnha!”

Eżempju ta’ xi jfisser verament il-ministeru narawh permezz ta’ oħt anzjana ġewwa l-Afrika li ġiet mitluba biex tmur tfittex oħt li kienet ilha żmien twil ma tattendi l-laqgħat tal-Knisja.Meta hija marret fid-dar ta’ din l-oħt, hija sabet li din il-mara kienet ġiet imsawta u misruqa, kellha ftit li xejn x’ tiekol u ma kellha l-ebda lbies li hija ħasset li kien xieraq biżżejjed għal-laqgħat tal-Ħadd tal-Knisja. Il-mara li ġiet mitluba biex tmur timministralha ħadet magħha widna li lesta biex tismagħha, ftit ħaxix u frott mill-ġnien tagħha, skrittura x’ taqralha u l-ħbiberija tagħha.Din l-oħt “nieqsa” ma damitx ma reġgħet lura fil-knisja u llum għandha wkoll sejħa għaliex hija taf li hija maħbuba u apprezzata.

Li nikkombinaw flimkien sforzi bħal dawn min-naħa tas-Soċjetà tal-Għajnuna mal-kworum tal-presbiteri li issa għadu kif ġie strutturat mill-ġdid iġib għaqda li tista’ twassal biex tagħti riżultati meraviljużi.Il-ministeru jsir sforz wieħed koordinat biex jiġi mwettaq id-dmir tal-aħwa tas-saċerdozju li “jżuru d-dar ta’ kull membru” u li “jħarsu dejjem il-knisja, u jkunu magħhom u jsaħħuhom,”5 kif ukoll jiġi fis-seħħ l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna li ngħinu lil xulxin nitħejjew għall-barkiet tal-ħajja eterna.6 Li aħna naħdmu flimkien taħt id-direzzjoni tal-isqof u tal-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna tista’ tkun ħaġa ispirata hekk kif huma jfittxu l-aħjar modi kif nistgħu nħarsu u nieħdu ħsieb kull individwu u familja.

Ippermettuli nagħtikom eżempju ta’ dan. Waħda omm intlaqtet mill-marda tal-kanċer. Hija bdiet mill-ewwel bit-trattament, u immedjatament, l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna raw x’ setgħu jagħmlu biex jgħinuha, fejn huma ppjanaw kif setgħu jgħinu fit-tisjir, joħduha għall-appuntamenti mediċi tagħha, u modi oħra kif setgħu jissapportjawha. Huma kienu jmorru jarawha spiss fejn kienu jippruvaw iferrħuha fil-ħin li huma jgħaddu magħha. Fl-istess ħin, anke l-aħwa tal-kworum tas-Saċerdozju Melkisedeku bdew jaraw fiex jistgħu jgħinu huma wkoll. Huma għenu f’ ċertu xogħol billi mmudellaw mill-ġdid il-kamra tas-sodda u l-kamra tal-banju tagħha biex ikun aktar faċli biex dak li jkun jieħu ħsieb lil din l-oħt marida. Il-ġuvintur taw ukoll daqqa t’ id u raw kif setgħu jipparteċipaw f’ dan l-isforz sinifikattiv. U t-tfajliet involvew ruħhom ukoll: huma raw kif kuljum imorru regolarment joħorġu l-kelb għal mixja. Hekk kif għadda ż-żmien, il-membri tal-qasam komplew bis-servizz tagħhom, fejn kellhom iżidu u jadattaw il-ħidma tagħhom skont in-neċessità. Kienet bla dubju ħidma ta’ mħabba, fejn il-membri kollha offrew lilhom infushom, u flimkien urew imħabbithom b’ mod individwali, u dan wassal biex bierek mhux biss lil din l-oħt li kienet qed tbati iżda wkoll lil kull membru tal-familja tagħha.

Wara sforz mill-aktar qalbieni, din l-oħt finalment tilfet il-battalja mal-marda tal-kanċer u mietet. Taħsbu li l-membri tal-qasam ħadu nifs fil-fond u qalu li l-ħidma tagħhom issa kienet intemmet? Le, it-tfajliet komplew imorru kuljum joħorġu l-kelb għal mixja, il-membri tal-kworum tas-saċerdozju komplew jimministraw lill-missier u l-familja tiegħu, u l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna komplew jgħinu b’ imħabba fejn kien hemm bżonn. Ħuti, dan hu l-ministeru—li nħobbu kif iħobb is-Salvatur!

Barka oħra li hi riżultat ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ispirati hija l-opportunità għat-tfajliet ta’ bejn l-14 u t-18-il sena li jipparteċipaw fil-ministeru bħala sħab mal-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, l-istess kif il-ġuvintur tal-età tagħhom jaqdu bħala sħab fil-ministeru mal-aħwa tas-Saċerdozju Melkisedeku. Iż-żgħażagħ jistgħu jaqsmu d-doni uniċi tagħhom u jikbru spiritwalment hekk kif huma jservu flimkien mal-adulti fil-ħidma tas-salvazzjoni. Li ninvolvu liż-żgħażagħ fil-ħidma tal-ministeru tista’ wkoll tkabbar in-numru ta’ individwi u familji li l-membri tas-Soċjetà tal-Għajnuna u tal-kwora tal-presbiteri jistgħu jilħqu għaliex issa se jikber in-numru tal-membri li qed jipparteċipaw.

Hekk kif naħseb dwar it-tfajliet meraviljużi li jiena ltqajt magħhom, inħoss fija entużjażmu għal dawk l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna li se jkollhom il-privileġġ li jkunu mberkin bl-entużjażmu, bit-talenti u s-sensittività spiritwali tat-tfajliet hekk kif huma jservu flimkien magħhom jew jirċevuhom fil-ministeru tagħhom. U jiena nħossni wkoll kuntenta biċ-ċans li dawn it-tfajliet se jkunu ggwidati, mgħallmin u msaħħa minn ħuthom tas-Soċjetà tal-Għajnuna.Din l-opportunità li huma jipparteċipaw fil-bini tas-saltna ta’ Alla se tkun ta’ benefiċċju tremend għat-tfajliet, fejn dan se jgħinhom jitħejjew aħjar biex iwettqu l-irwol tagħhom bħala mexxejja fil-Knisja u fil-komunità u bħala sieħba miżżewġin li jikkontribwixxu fil-familji tagħhom. Kif qasmet magħna lbieraħ Sister Bonnie L. Oscarson, it-tfajliet “iridu jkunu ta’ servizz. Jeħtieġ li jkunu jafu li huma verament jistgħu jikkontribwixxu u huma verament essenzjali fil-ħidma tas-salvazzjoni.”7

Fil-fatt, it-tfajliet diġà qed jimministraw lil ħaddieħor, mingħajr ebda essajnment jew daqq tat-trombi. Familja li jiena naf marru jgħixu mijiet ta’ mili ‘l bogħod minn darhom f’ post ġdid fejn ma kienu jafu lil ħadd. Fl-ewwel ġimgħa li kienu hemm, tfajla ta’ 14-il sena mill-qasam il-ġdid tagħhom marret tħabbtilhom u f’ idejha kellha platt gallettini, biex b’ hekk tilqagħhom f’ dawk l-inħawi. Ommha kienet wieqfa warajha bi tbissima fuq fommha hekk kif minn jeddha kienet qed tagħmilha tas-sewwieqa tagħha, fejn kienet qed tissapportja lil bintha fix-xewqa tagħha li timministra.

Omm oħra, darba waħda, kienet qed tinkwieta li bintha ta’ 16-il sena kienet għadha ma marritx lura d-dar fil-ħin tas-soltu.Meta finalment it-tifla waslet id-dar, ommha bdiet tistaqsiha diversi mistoqsijiet, sforz il-frustrazzjoni tagħha, dwar fejn kienet. Din it-tifla ta’ 16-il sena, b’ mod timidu, wieġbet li hija kienet marret tieħu fjura lil waħda mara armla li kienet toqgħod fil-viċin.Hija kienet innotat li dik l-oħt akbar minnha kienet tinsab weħidha u ħasset li kellha tmur iżżurha. Bl-approvazzjoni sħiħa ta’ ommha, din it-tfajla kompliet tmur iżżur lil din il-mara anzjana.Huma saru veru ħbieb, u baqgħu hekk għal snin twal.

Kull waħda minn dawn it-tfajliet, u ħafna oħra bħalhom, innotaw li kien hemm xi ħadd li kien fil-bżonn u raw x’ setgħu jagħmlu biex huma jgħinuh.It-tfajliet għandhom xewqa naturali li jgħinu u jaqsmu mal-oħrajn u huma jistgħu jiġu ggwidati permezz tal-ministeru fi sħubija ma’ ħuthom in-nisa akbar minnhom.

Għandna kemm għandna età, meta aħna nikkunsidraw kif għandna nimministraw bl-aktar mod effettiv, aħna jeħtieġ nistaqsu, “Hija [jew huwa] x’ għandha bżonn?” Jekk ma’ dik il-mistoqsija aħna nuru fina xewqa sinċiera li nservu, imbagħad aħna niġu mmexxijin mill-Ispirtu biex nagħmlu dak kollu li jista’ jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lill-individwu. Jiena smajt numru bla għadd ta’ stejjer ta’ aħwa li ġew imberkin permezz ta’ ġest sempliċi li permezz tiegħu huma ma ħassewhomx stranġieri u ġew milqugħin fil-knisja, kif ukoll ġew imberkin permezz ta’ messaġġ b’ ijmejl jew bil-mowbajl, permezz ta’ kuntatt personali waqt xi żmien diffiċli, permezz ta’ stedina biex jieħdu sehem f’ attività ta’ grupp jew inkella għaliex xi ħadd offra li jgħinhom b’ xi sitwazzjoni diffiċli.Il-ġenituri single, il-membri ġodda, il-membri anqas attivi, ir-romol jew dawk iż-żgħażagħ li għaddejjin minn xi żmien diffiċli jafu għandhom bżonn daqsxejn aktar attenzjoni u priorità fl-għajnuna li jipprovdulhom l-aħwa fil-ministeru tagħhom.Il-koordinazzjoni bejn il-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħti ċ-ċans biex huma jagħmlu l-aħjar essajnments li jistgħu jagħmlu.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-veru ministeru jista’ jiġi fis-seħħ billi nimministraw individwu wara individwu, fejn l-imħabba tkun l-unika motivazzjoni. Il-valur, il-mertu u l-meravilja tal-ministeru sinċier hu li verament jibdel ħajjet in-nies! Meta niftħu qalbna u nkunu lesti li nħobbu, ninkludu, inħeġġu u nfarrġu lil ħaddieħor, il-qawwa tal-ministeru ssir waħda irreżistibbli. Bl-imħabba bħala l-motivazzjoni tagħna, iseħħu l-mirakli u aħna dejjem insibu modi kif inġibu lura lil ħutna “neqsin” u huma jerġgħu jibdew iħaddnu għal kollox l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Is-Salvatur huwa l-eżempju tagħna f’ kollox—mhux biss f’ dak li għandna nagħmlu iżda għalfejn aħna għandna nagħmlu dan.8 “Ħajtu fid-dinja kienet stedina għalina—biex ngħollu ħarsitna ftit aktar ‘il fuq, biex ninsew il-problemi tagħna u ngħinu lil ħaddieħor.”9 Hekk kif aħna naċċettaw l-opportunità biex b’ qalbna kollha nimministraw lil ħutna, aħna nkunu mberkin ħalli nsiru aktar spiritwalment raffinati, aktar f’ armonija mar-rieda ta’ Alla u aktar kapaċi nifhmu l-pjan Tiegħu biex jgħin lil kull wieħed u waħda minna nerġgħu lura ħdejh. Aħna nkunu aktar lesti li nagħrfu l-barkiet Tiegħu u aktar ħerqana li nestednu dawk il-barkiet lil ħaddieħor. Qlubna jkantaw flimkien b’ leħen wieħed:

Feddej, irrid inħobb lil ħija

Kif jien naf li tħobbni int,

Fik insib id-dawl, il-qawwa

Serv tiegħek irrid inkun.

Feddej, irrid inħobb lil ħija—

Warajk se nimxi Mulej.10

Jalla aħna nuru l-gratitudni u l-imħabba tagħna lejn Alla billi nimministraw b’ imħabba fost ħutna eterni.11 Ir-riżultat se jkun wieħed ta’ għaqda għaliex aħna nibdew inħossuna kif ħassewhom in-nies fl-Amerka tal-qedem 100 sena wara d-dehra tas-Salvatur f’ arthom.

“U ġara li ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’ qalb il-poplu.

“… Ma kien hemm la għira u lanqas ġlied … u verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla.”12

B’ ferħ, jiena naqsam ix-xhieda personali tiegħi li dan it-tibdil rivelatorju huwa ispirat minn Alla u li, hekk kif aħna nħaddnuh b’ qalbna kollha, aħna nsiru aktar preparati biex niltaqgħu ma’ Ibnu, Ġesù Kristu, meta Huwa jerġa’ jiġi.Aħna nersqu aktar viċin li nsiru nies ta’ Sijon u nħossu hena mill-aktar kbira flimkien ma’ dawk li aħna għenna fil-vjaġġ tagħna bħala dixxipli.Li aħna nagħmlu dan hija t-talba umli u ferventi tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.