2010-2019
Ngħallmu fid-Dar—Responsabbiltà ta’ Ferħ u Sagra
April 2018


Ngħallmu fid-Dar—Responsabbiltà ta’ Ferħ u Sagra

Jiena nitlob b’ ħerqa li bl-għajnuna ta’ Alla aħna nagħmlu l-almu tagħna kollu biex inkunu għalliema nixbhu lil Kristu fi djarna.

Jien u l-għażiża marti, Julie, rabbejna sitt ulied prezzjużi, u riċentiment erġajna spiċċajna d-dar weħidna. Verament nimmissja li f’ darna jkollna magħna l-ħin kollu lil uliedna.Verament nimmissja ngħallimhom u nitgħallem mingħandhom.

Illum jiena se nindirizza d-diskors tiegħi lil dawk kollha li huma ġenituri u lil dawk li jixtiequ jkunu ġenituri. Ħafna minnkom tinsabu trabbu t-tfal bħalissa.Għal xi oħrajn, daż-żmien jaf ma jdumx wisq ma jasal. U għal xi wħud, il-barka li huma jsiru ġenituri jafu jirċivuha fi żmien futur. Jien nitlob li aħna lkoll nirrikonoxxu kemm hi verament responsabbiltà ta’ ferħ u sagra l-opportunità tagħna li ngħallmu lit-tfal.1

Bħala ġenituri, aħna nintroduċu lil uliedna ma’ Missierna tas-Smewwiet u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu. Aħna ngħinu lil uliedna jgħidu l-ewwel talba tagħhom. Aħna noffrulhom il-gwida u s-sapport tagħna hekk kif huma jidħlu fit-triq tal-patt2 permezz tal-magħmudija. Aħna ngħallmuhom jobdu l-kmandamenti ta’ Alla. Aħna nedukawhom dwar il-pjan Tiegħu għal uliedu u ngħinuhom jirrikonoxxu l-vuċi siekta tal-Ispirtu s-Santu. Ngħidulhom stejjer dwar profeti tal-qedem u nħeġġuhom biex jimxu wara l-profeti ħajjin. Aħna nitolbu biex huma jirnexxu u nġorru magħhom it-tagħbija tagħhom. Aħna nixhdu ma’ wliedna dwar il-barkiet tat-tempju u nagħmlu l-almu tagħna biex inħejjuhom tajjeb ħalli jservu missjoni full-time. B’ imħabba aħna noffrulhom il-kunsill tagħna hekk kif uliedna jsiru huma stess ġenituri. Iżda—anke hawn—aħna qatt ma nieqfu nkunu l-ġenituri tagħhom. Aħna qatt ma nieqfu nkunu l-għalliema tagħhom. Aħna qatt ma niġu eżonerati minn dawn is-sejħiet eterni.

Illum ejjew nikkontemplaw ftit dwar uħud mill-opportunitajiet meraviljużi li aħna għandna li ngħallmu lil uliedna fid-djar tagħna.

Ngħallmu fil-Lejla d-Dar mal-Familja

Ejja nibdew bil-lejla d-dar mal-familja, li kienet xi ħaġa li fid-dar mimlija fidi li jiena trabbejt fiha, kienet verament tingħata prijorità kbira .Jiena ma niftakar l-ebda lezzjoni speċifika li aħna tgħallimna fil-lejla d-dar mal-familja, iżda li niftakar żgur hu li aħna qatt konna nfallu ġimgħa waħda.3 Kont naf x’ kien verament importanti għall-ġenituri tiegħi.4

Niftakar sewwa waħda mill-attivitajiet favoriti tiegħi waqt il-lejla d-dar mal-familja. Missierna kien jistieden li xi ħadd minna biex jagħmel daqsxejn ta’ “Test.” Huwa kien jagħtina għadd ta’ struzzjonijiet bħal, “L-ewwel, mur fil-kċina u iftaħ u agħlaq il-friġġ.Imbagħad mur b’ ġirja sal-kamra tal-banju u aqbad f’ idek par kalzetti minn ġol-kexxun. Imbagħad ejja lura ħdejja, aqbeż tliet darbiet ‘il fuq u ‘l isfel, u għid, ‘Pa, irnexxieli!”

Veru kont nieħu gost meta kien ikun imissni jiena. Jien kont irrid inwettaq b’ suċċess kull ħaġa li hu kien jitlobni nagħmel, u kont verament ngħożż il-mument li fih stajt ngħid, “Pa, irnexxieli!” Din l-attività għenitni nibni l-kunfidenza ġewwa fija u għamlitha faċli għal tifel li lanqas kellu kwiet f’ ġismu li joqgħod attent meta ommu u missieru kienu jgħallmuh xi prinċipju tal-evanġelju.

Il-President Gordon B. Hinckley tana dan il-kunsill: “Jekk għandkom xi dubju dwar il-virtù tal-lejla d-dar mal-familja, ippruvawha. Iġbru lil uliedkom madwarkom, għallmuhom, aqsmu t-testimonjanza tagħkom magħhom, aqraw flimkien l-iskrittura u ħudu gost flimkien.”5

Dejjem se ssibu oppożizzjoni biex intom tagħmlu din il-lejla d-dar mal-familja.6 Minkejja dan, jiena nistedinkom biex issibu mod kif idduru mal-ostakli li jista’ jkollkom u tagħtu prijorità lil-lejla d-dar mal-familja—u araw li ingredjent ewlieni jkun li tieħdu gost flimkien.

Ngħallmu permezz tat-Talb tal-Familja

It-talb tal-familja huwa opportunità ewlenija biex fiha aħna ngħallmu.

Kemm jogħġobni l-mod li missier il-President N. Eldon Tanner uża biex jgħallmu waqt it-talba tal-familja. Il-President Tanner qal dan:

“Niftakar lejla partikolari meta aħna konna ninsabu għarkupptejna waqt it-talba tal-familja, missieri talab lill-Mulej, ‘Eldon illum għamel xi ħaġa li ma messux għamel; hu jiddispjeċih, u jekk inti taħfirlu, huwa ma jerġax.’

“Dan għenni biex jien inkun determinat li ma nerġax aktar nagħmel dak li kont għamilt—ferm aktar milli kieku huwa lili kien tani xi kastig fiżiku.”7

Bħala daqsxejn ta’ tifel, xi kultant jiena kont nirrita ruħi bl-ammont ta’ drabi li aħna konna nitolbu flimkien bħala familja, u kont ngħid lili nnifsi, “M’għadniex kemm tlabna ftit tal-minuti ilu?” Illum, bħala ġenitur, jiena naf li żgur qatt ma nistgħu ngħidu li tlabna biżżejjed bħala familja.8

Jien minn dejjem impressjonajt ruħi bil-mod li bih Missierna tas-Smewwiet introduċa lil Ġesù Kristu bħala l-Iben il-Maħbub Tiegħu.9 Jiena nieħu gost nitlob għal uliedi b’ isimhom hekk kif huma jisimgħuni nesprimi lili nnifsi ma’ Missierna tas-Smewwiet dwar kemm huma għeżież għalija. Jidher li m’hemmx żmien aħjar biex aħna nikkomunikaw l-imħabba tagħna lejn uliedna milli meta aħna nitolbu magħhom jew minn meta aħna nberkuhom.Meta l-familji jinġabru biex jitolbu b’ umlità flimkien, huma jitgħallmu lezzjonijiet mill-aktar sinifikanti u dejjiema.

Ngħallmu f’ Kull Ħin

Bħala ġenituri, li ngħallmu jixbah lil dak it-tabib dejjem lest biex jara l-pazjenti. Dejjem jeħtieġ li aħna nkunu lesti biex ngħallmu lil uliedna għaliex aħna qatt ma nistgħu nkunu nafu meta se tiġina l-opportunità li nagħmlu dan.

Ġesù jgħallem lill-mara ħdejn il-bir

Aħna bħas-Salvatur, li ħafna drabi Huwa “ma għallimx ġewwa xi sinagoga iżda f’ xi post informali, waqt li n-nies kienu għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum—waqt li kien qed jiekol xi ikla mad-dixxipli Tiegħu, waqt li kien ħdejn il-bir biex jimla l-ilma, jew meta kien għaddej minn ħdejn siġra tat-tin.”10

Sena ilu, ommi qaltli li l-aqwa żewġ konverżazzjonijiet dwar l-evanġelju li hija qatt kellha ma’ ħija l-kbir, Matt, kienu meta hija kienet qed titwi l-ħwejjeġ kif ukoll waqt li kienet qed issuq biex tieħdu għand id-dentist.Waħda mill-ħafna affarijiet li jiena kont nammira dwar ommi hi kemm hija kienet dejjem tkun lesta li tgħallem lil uliedha.

Hija qatt ma waqfet tgħallimna fl-irwol tagħha ta’ omm. Meta jiena kont qed inservi bħala isqof, ommi, li dak iż-żmien kellha 78 sena, qaltli li kelli bżonn naqta’ xagħri. Hija kienet taf li jien kelli nkun ta’ eżempju għall-oħrajn, u ma qagħditx lura milli tgħidli dan.Inħobbok, Ma!

Bħala missier, jiena nħossni nimmotiva ruħi meta personalment nistudja u nixtarr l-iskrittura sabiex inkun kapaċi nwieġeb kull meta wliedi jew in-neputijiet tiegħi jipprovduli xi opportunità spontajna ta’ tagħlim.11 Uħud mill-aqwa mumenti ta’ tagħlim jibdew b’ sempliċiment mistoqsija jew ħsieb f’ qalb xi membru tal-familja.”12 F’ dawk il-mumenti aħna nkunu qed nisimgħu?13

Verament togħġobni l-istedina tal-Appostlu Pietru, “Kunu dejjem imħejjijin biex twieġbu lil kull min jistaqsikom għalfejn għandkom daqshekk tama ġewwa fikom.”14

Meta jiena kont għadni żagħżugħ, jien u missieri konna nieħdu gost nisfidaw lil xulxin biex naraw minn kellu l-aktar qabda ta’ id b’ saħħitha.Aħna konna nagħfsu kemm nistgħu id xulxin sakemm il-wiċċ jibda jitkerrah bl-uġigħ . Naf li din il-ħaġa taf ma tidhirx daqstant divertenti, iżda għal xi raġuni dak iż-żmien konna nieħdu gost biha. Wara waħda minn dawn il-battalja, missieri ħares f’ għajnejja u qalli, “Idejk b’ saħħithom ħafna, Ibni.Nittama li jdejk dejjem ikunu b’ saħħithom biżżejjed li qatt ma jmissu lil xi tfajla b’ xi mod li mhuwiex xieraq.”Imbagħad huwa stedinni biex nibqa’ moralment nadif u ngħin lil ħaddieħor jagħmel l-istess.

Il-Presbiteru Douglas L. Callister qal dan dwar missieru: “Darba waħda waqt li kien qed isuq lura lejn id-dar, missieri b’ mod spontanju qalli, ‘Illum ħallast id-dieċmi.Fuq iċ-ċekk tad-dieċmi jiena ktibt “grazzi”. Jiena grat ħafna lejn il-Mulej talli jbierek lill-familja tagħna.”

Il-Presbiteru Callister imbagħad ta ġieħ lill-għalliem tiegħu, missieru: “Huwa għallimni kemm bl-għemil kif ukoll bl-attitudni ta’ ubbidjenza tiegħu.”15

Naħseb li tkun ħaġa għaqlija li xi kultant aħna nistaqsu lilna nfusna, “X’ għandi ngħallem, jew x’ qiegħed ngħallem, lil uliedi permezz ta’ għemili kif ukoll bl-attitudni ta’ ubbidjenza tiegħi?”

Ngħallmu waqt l-Istudju tal-Iskrittura mal-Familja

L-istudju tal-iskrittura mal-familja huwa forum ideali biex aħna ngħallmu d-duttrina fid-dar.

Il-President Russell M. Nelson qal, “Mhux biss il-ġenituri għandhom jiddependu fuq il-kelma tal-Mulej, iżda huma għandhom il-mandat divin li jgħallmuha lil uliedhom.”16

Hekk kif jien u Julie konna qed inrabbu lil uliedna, aħna ppruvajna nkunu konsistenti u kreattivi. Sena partikolari, aħna ddeċidejna li bħala familja naqraw flimkien il-Ktieb ta’ Mormon bl-Ispanjol. Jista’ jkun li kien minħabba f’ hekk li l-Mulej sejjaħ lill-uliedna kollha li servew missjoni full-time biex iservu f’ missjoni fejn il-lingwa li kellhom jitkellmu kienet l-Ispanjol? Es posible.

Jien verament ħassejtni kommoss meta Brother Brian K. Ashton qalli li hu u missieru kienu qraw flimkien kull paġna tal-Ktieb ta’ Mormon meta huwa kien fl-aħħar sena tiegħu fl-iskola sekondarja. Brother Ashton verament iħobb l-iskrittura. Tinsab miktuba f’ moħħu u f’ qalbu. Missieru żera’ dik iż-żerriegħa ġewwa fih meta Brother Ashton kien għadu żagħżugħ u dik iż-żerriegħa17 kibret f’ siġra b’ għeruq sodi ta’ verità. Brother Ashton għamel l-istess b’ uliedu l-kbar.18 Ibnu ta’ tmien snin, m’ilux staqsieh, “Pa, meta se nibda naqra l-Ktieb ta’ Mormon miegħek?”

Ngħallmu permezz tal-Eżempju

Finalment, l-aktar tagħlim li nistgħu ngħallmu bħala ġenituri li jħalli l-aktar impatt huwa meta aħna ngħallmu permezz tal-eżempju tagħna. Aħna mitlubin inkunu “ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemna u fl-imġiba tagħna, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.”19

Waqt li m’ilux jien u Julie konna qed nivvjaġġaw flimkien, aħna attendejna l-knisja u rajna b’ għajnejna dan il-vers jiġi fis-seħħ b’ mod ħaj. Raġel żagħżugħ, li kien wasal biex jitlaq biex iservi missjoni, tkellem waqt il-laqgħa tas-sagrament.

Huwa qal, “Intom ilkoll taħsbu li missieri huwa raġel mill-aktar twajjeb, iżda …” Huwa waqaf għal ftit, u jien kont anzjuż biex kien se joħroġ. Huwa kompla u qal, “Ġewwa d-dar missieri hu saħansitra raġel aktar twajjeb.”

Il-familja Stewart

Wara jiena rringrazzjajt lil dan iż-żagħżugħ għall-ġieħ mill-aktar ispirat li huwa ta lil missieru. Imbagħad jiena sirt naf li missieru kien l-isqof tal-qasam. Avolja dan l-isqof kien qed iservi l-qasam tiegħu b’ mod mill-aktar fidil, ibnu ħass li l-aqwa ħidma tiegħu kienet ġewwa d-dar.20

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson qalilna: “Aħna għandna diversi modi kif nistgħu ngħallmu … lill-ġenerazzjoni li għadha tiela’, u għandna niddedikaw l-aqwa ħsieb u sforz tagħna b’ mod li verament nieħdu vantaġġ sħiħ minnhom. Fuq kollox, aħna għandna nkomplu nħeġġu u ngħinu lill-ġenituri tagħna jkunu għalliema aħjar u aktar konsistenti … speċjalment bl-eżempju tagħhom.”21

Hekk jgħallem is-Salvatur.22

Is-sena l-oħra, waqt li konna ninsabu fuq btala maż-żewġ uliedna ż-żgħar, Julie ssuġġeriet li aħna mmoru nwettqu l-magħmudijiet bi prokura kemm fit-Tempju ta’ San Ġorġ kif ukoll f’ dak ta’ San Diego.Jiena bdejt ingerger—miegħi nnifsi—u ngħid, “Aħna nattendu t-tempju ta’ fejn noqogħdu u issa ninsabu fuq btala.Għalfejn ma nagħmlux affarijiet li wieħed jagħmel waqt btala?” Wara l-magħmudijiet, Julie riedet tieħu xi ritratti ħdejn it-tempju. Jiena bdejt ingerger b’ mod sieket—għal darb’oħra. Tistgħu timmaġinaw x’ għamilna wara: ħadna r-ritratti.

Il-familja Durrant fit-Tempju ta’ San Diego Kalifornja
Il-familja Durrant fit-Tempju ta’ San Ġorġ Utah

Julie trid li wliedna jibqgħu jiftakru dak li aħna għamilna biex ngħinu lill-antenati tagħna, u anke jien. Ma kienx hemm għalfejn li aħna ngħallmuhom xi lezzjoni formali dwar l-importanza tat-tempji. Dan aħna konna qed ngħixuh—grazzi għal omm li tħobb it-tempju u trid li wliedha wkoll ikollhom fihom dik l-istess imħabba.

Hekk kif il-ġenituri jgħożżu lil xulxin u joffru l-eżempju tajjeb tagħhom, uliedhom jiġu mberkin għal dejjem.

Konklużjoni

Intom kollha li qed tagħmlu l-almu tagħkom biex tgħallmu fi djarkom, jalla intom issibu l-paċi u l-ferħ fl-isforzi kollha tagħkom. U jekk intom tħossu li għad hemm lok fejn titjiebu jew li teħtieġu aktar preparazzjoni, jekk jogħġobkom b’ umiltà wieġbu għas-suġġerimenti tal-Ispirtu u araw li taġixxu skont dawk l-istess suġġerimenti.23

Il-Presbiteru L. Tom Perry qal, “Il-benesseri ta’ kwalunkwe soċjetà, il-ferħ tan-nies tagħha, il-prosperità tagħhom u l-paċi tagħhom ilkoll huma riżultat tat-tagħlim li t-tfal jieħdu fid-dar.”24

Iva, il-bejta tad-dar tiegħi issa tinsab vojta, iżda jiena xorta għadni ninsab fuq servizz, lest u ħerqan li nsib aktar opportunitajiet prezzjużi li fihom inkun nista’ ngħallem lit-tfal tagħna li issa kibru, lil uliedhom, u xi darba, nittama, anke lil ulied uliedhom.

Jiena nitlob b’ ħerqa li bl-għajnuna ta’ Alla aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu għalliema nixbhu lil Kristu fi djarna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 68:25; 93:40.

    Il-Presbiteru L. Tom Perry għallem: “L-influwenza tal-avversarju tinsab verament kullimkien u huwa jinsab jattakka, jipprova jdgħajjef u jeqred l-istess sisien tas-soċjetà tagħna, sewwasew il-familja.Il-ġenituri għandhom jirrisolvu li t-tagħlim fid-dar huwa l-aktar responsabbiltà sagra u importanti li huma għandhom” (“Mothers Teaching Children in the Home,” Liahona, Mejju 2010, 30).

    L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallmu: “Ir-raġel u mara miżżewġin għandhom ir-responsabbiltà solenni li jħobbu u jieħdu ħsieb xulxin kif ukoll iħobbu u jieħdu ħsieb uliedhom. ‘L-ulied huma wirt il-Mulej’ (Salm 127:3). Il-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil uliedhom fl-imħabba u fis-sewwa, li jipprovdulhom għall-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom, li jgħallmuhom iħobbu u jaqdu lil xulxin, li josservaw il-kmandamenti ta’ Alla u li jkunu ċittadini li jobdu l-liġijiet ta’ kull fejn jgħixu. L-irġiel u n-nisa miżżewġin—ommijiet u missirijiet—se jinżammu responsabbli quddiem Alla ta’ kemm huma obdew dawn l-obbligi tagħhom” (“Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Mejju 2017, 145).

  2. Ara Russell M. Nelson, “As We Go Forward Together,” Liahona, Apr. 2018, 7.

  3. Il-Presbiteru David A. Bednar qal: “Illum jekk inti tistaqsi lil uliedna s-subien adulti tagħna x’ jiftakru dwar it-talb tal-familja, l-istudju tal-iskrittura mal-familja u l-lejla d-dar mal-familja, jien naħseb li naf kif iweġbuk. Probabbilment huma ma jidentifikaw l-ebda talba partikolari jew xi mument speċifiku li fih studjajna flimkien l-iskrittura jew xi lezzjoni speċifika waqt il-lejla d-dar mal-familja bħala l-mument li jiddefinixxi l-iżvilupp spiritwali tagħhom.Li naħseb li jgħidu li jiftakru hu li bħala familja aħna konna dejjem konsistenti” (“More Diligent and Concerned at Home,” Liahona, Nov. 2009, 19).

  4. Ara “Home Can Be a Heaven on Earth,” Hymns, no. 298.

  5. Teachings of Presidents of the Church: Gordon B. Hinckley (2016), 171.

  6. Ara 2 Nephi 2:11.

  7. N. Eldon Tanner, “Never Be Ashamed of the Gospel of Christ,” Ensign, Fr. 1980, 4.

  8. Ara 3 Nephi 18:21.

  9. Ara Mattew 3:16–17; 3 Nephi 11:6–8; Doctrine and Covenants 18:34–36; Joseph Smith—History 1:17.

  10. “Take Advantage of Spontaneous Teaching Moments,” Teaching in the Savior’s Way (2016), 16. Teaching in the Savior’s Wayjinkludi fih varjetà ta’ ideat u għodod għat-tagħlim fid-dar.

  11. Ara Doctrine and Covenants 11:21; 84:85.

  12. Teaching in the Savior’s Way, 16.

  13. Ara “Listen,” Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2004), 185–86.

  14. 1 Pietru 3:15.

  15. Douglas L. Callister, “Most Influential Teacher—Emeritus Seventy Pays Tribute to Father,” 29 ta’ Aww, news.lds.org.

  16. Russell M. Nelson, “Set in Order Thy House,” Liahona, Jan. 2002, 81.

  17. Ara Alma 32:28–43.

  18. Sister Melinda Ashton tassumi r-responsabbiltà meta żewġha, Brother Ashton, ikun barra mill-belt.

  19. 1 Timotju 4:12; ara wkoll Alma 17:11.

  20. L-isqof Jeffrey L. Stewart iservi fit-Tieni Qasam ta’ Southgate ġewwa San Ġorġ, Utah. Ibnu Samuel jinsab iservi fil-Missjoni ta’ Medellín, il-Kolumbja.

  21. D. Todd Christofferson, “Strengthening the Faith and Long-Term Conversion of the Rising Generation,” laqgħa tat-tmexxija tal-konferenza ġenerali , 27 ta’ Sett, 2017.

  22. Ara 3 Nephi 27:21, 27.

  23. Ara Doctrine and Covenants 43:8–9.

  24. L. Tom Perry, “Mothers Teaching Children in the Home,” 30.