Bħalma l-Mulej Ħafer Lilkom, Hekk Agħmlu Intom Ukoll
Aħna lkoll nistgħu nirċievu paċi li diffiċli tiddiskriviha, kif ukoll sħubija mas-Salvatur tagħna, hekk kif aħna nitgħallmu biex liberament naħfru lil dawk li dinbu kontrina.
“Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.
“Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar.
“Imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.
“U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.
“In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom, L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?
“Mhuwiex hawn, imma qam.”1
Għada, Ħadd il-Għid, aħna niftakru b’ mod speċjali f’ dak li Ġesù Kristu għamel għalina: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”2 Eventwalment, aħna nqumu mill-mewt bħalma qam Hu, biex ngħixu għal dejjem.
Permezz tal-miraklu tal-Att tal-Fidwa sagru ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu wkoll nirċievu r-rigal tal-maħfra ta’ dnubietna u tal-għemejjel ħżiena tagħna, jekk aħna naċċettaw l-opportunità u r-responsabbiltà tal-indiema. U jekk aħna nirċievu l-ordinanzi neċessarji, inżommu l-patti tagħna u nobdu l-kmandamenti, aħna nistgħu nirċievu l-ħajja eterna u l-eżaltazzjoni.
Illum, jien nixtieq niffoka fuq il-maħfra, rigal essenzjali u prezzjuż li ġie offrut lilna mis-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu.
Darba waħda billejl, f’Diċembru 1982, jien u marti, Terry, qomna maħsudin hekk kif beda jdoqq it-telefon tad-dar tagħna f’ Pocatello, Idaho. Hekk kif jiena weġibt it-telefon, stajt nisma’ biss lil xi ħadd jibki. Finalment, smajt lil oħti b’ leħinha miksur tgħidli, “Miet Tommy.”
Wieħed sewwieq xurban, li kien qed isuq b’ veloċità ta’ aktar minn 135 km fis-siegħa, baqa’ għaddej bl-addoċċ minn fuq id-dawl l-aħmar f’ subborg ta’ Denver, Kolorado. Huwa baqa’ dieħel b’ qawwa ġewwa l-karozza misjuqa minn ħija ż-żgħir, Tommy, u spiċċa qatel fil-post kemm lilu kif ukoll lil martu, Joan. Huma kienu sejrin lura d-dar ħdejn iż-żagħżugħa bintom wara riċeviment tal-Milied.
Jien u marti immedjatament qbadna ajruplan għal Denver u bqajna sejrin dritt fil-kamra mortwarja. Aħna nġbarna mal-ġenituri tiegħi u ma’ ħuti u flimkien bkejna t-telfa tal-għeżież tagħna Tommy u Joan. Konna tlifniehom minħabba att kriminali bla sens. Qalbna kienet maqsuma, u ġo fija bdiet tinbet ċerta rabja għal dak iż-żagħżugħ li kien wassal għal mewthom.
Tommy kien jaħdem bħala avukat fid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u kien destinat li jkun difensur kbir għall-protezzjoni tal-artijiet u r-riżorsi naturali tal-Amerikani Nattivi fis-snin li ġejjin.
Wara li kien għadda ftit taż-żmien, instama’ l-każ fil-qorti għal dak iż-żagħżugħ li kien instab responsabbli ta’ qtil bla intenzjoni permezz ta’ vettura. Fid-dulur u n-niket kontinwu tagħhom, il-ġenituri tiegħi u oħti l-kbira, Katy, attendew is-smiegħ fil-qorti. Il-ġenituri tas-sewwieq xurban kienu hemm ukoll, u wara li spiċċa s-smiegħ fl-awla, huma poġġew bilqiegħda fuq bank u nfexxew jibku. Il-ġenituri tiegħi u oħti kienu jinsabu bilqiegħda viċin tagħhom hekk kif huma bdew jippruvaw jikkontrollaw l-emozzjoni tagħhom. Wara ftit tal-ħin, il-ġenituri tiegħi u oħti qamu minn fejn kienu u marru fuq il-ġenituri tas-sewwieq u qasmu magħhom kliem ta’ faraġ u maħfra. L-irġiel ħadu b’ idejn xulxin; in-nisa żammew idejn xulxin; ilkoll bdew iħossu sens kbir ta’ diqa u d-dmugħ niżel ma’ ħaddejhom kollha u lkoll għarfu li fil-fatt ż-żewġ familji kienu sofrew immens. Ommi, missieri u Katy ħadu f’ idejhom is-sitwazzjoni permezz tal-qawwa siekta li kellhom fihom u l-kuraġġ li huma kellhom u wrew lil familja tagħna x’ inhi verament il-maħfra.
Dik it-turija ta’ maħfra f’ dawk il-mumenti wasslet biex qalbi tirtab kif ukoll fetħitli t-triq għall-fejqan. Maż-żmien, jiena tgħallimt kif jien seta’ jkolli qalb li taf verament taħfer. Huwa biss bl-għajnuna tal-Prinċep tal-Paċi li rnexxieli neħles mit-tagħbija li kienet qed tikkawżali daqstant uġigħ. Qalbi dejjem se tibqa’ timmissja lil Tommy u lil Joan, iżda issa l-maħfra se tippermettili li ma nsibhiex diffiċli aktar li jien niftakarkom b’ ferħ. U jiena naf li aħna se nerġgħu nkunu flimkien bħala familja.
Jiena mhux qed nissuġġerixxi li aħna għandna niskużaw ċerta mġieba ħażina. Aħna nafu tajjeb ħafna li l-individwi għandhom jinżammu responsabbli tal-għemejjel kriminali tagħhom u tad-diżubbidjenza ċivili tagħhom. Madankollu, aħna nafu wkoll li, bħala wlied Alla, aħna nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Aħna għandna naħfru wkoll anke meta jkun jidher li dak li jkun ma jistħoqqlux il-maħfra tagħna.
Is-Salvatur għallem:
“Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.
“Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.”3
Aħna lkoll nistgħu nirċievu paċi li diffiċli tiddiskriviha, kif ukoll sħubija mas-Salvatur tagħna, hekk kif aħna nitgħallmu biex liberament naħfru lil dawk li dinbu kontrina. Din is-sħubija twasslilna l-qawwa tas-Salvatur f’ ħajjitna b’ mod qawwi li żgur qatt ma nistgħu ninsew.
L-Appostlu Pawlu għallem:
“Intom il-magħżulin ta’ Alla, … ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar;
“Stabru b’xulxin, u … aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”4
Il-Mulej innifsu ddikjara:
“Għalhekk, jiena ngħidilkom, li intom għandkom taħfru lil xulxin, għaliex dak li ma jaħfirx lil ħuh, l-imġieba tiegħu tispiċċa tikkundannah quddiem il-Mulej; għaliex ġewwa fih ikun hemm l-akbar dnub.
“Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd.”5
It-tagħlim tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, huwa ċar; il-midneb għandu jkun lest li jaħfer lill-oħrajn jekk hu jittama li jikseb il-maħfra.6
Ħuti, hemm xi nies f’ ħajjitna li setgħu weġġgħuna? Ġewwa fina aħna għadna nġorru ċerti sentimenti, li jafu jidhru ġġustifikati, ta’ riżentiment u rabja? Jista’ jkun li aħna qed nippermettu li r-rabja żżommna milli naħfru u ninsew? Jien nistieden lilna lkoll biex naħfru kompletament u nagħtu ċans li jseħħ il-fejqan ġewwa fina. U anke jekk ma nesperjenzawx fina llum din il-maħfra, kunu afu li hekk kif aħna nixtiquha u naħdmu għaliha, aħna nesperjenzawha żgur—bl-istess mod kif eventwalment esperjenzajtha jien wara l-mewt ta’ ħija.
Jekk jogħġobkom ftakru li element essenzjali tal-maħfra jinkludi li naħfru lilna nfusna.
“Dak li nidem minn dnubietu,” qal il-Mulej, “huwa jkun maħfur, u jien, il-Mulej, ma niftakarhomx aktar.”7
Jiena nisħaq magħna lkoll illum biex aħna niftakru u nimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu. Fuq is-salib tal-Golgota, fin-niket Tiegħu, Huwa lissen dan il-kliem, Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”8
Jekk aħna jkollna spirtu ta’ maħfra u naġixxu skont dan l-istess spirtu, kif għamlu l-ġenituri tiegħi u oħti, aħna nistgħu nesperjenzaw il-wegħda tas-Salvatur: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.”9
Jiena nixhed li din il-paċi tasal f’ ħajjitna hekk kif aħna nagħtu kas tat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u nimxu wara l-eżempju Tiegħu billi naħfru lil ħaddieħor. Hekk kif aħna naħfru lill-oħrajn, jiena nwegħidkom li s-Salvatur iqawwina u l-qawwa u l-ferħ Tiegħu jaslu biex jimlew ħajjitna.
Il-qabar vojt. Kristu jgħix. Jiena nafu. Jiena nħobbu. Jiena grat għall-grazzja Tiegħu, li hija l-qawwa li ssaħħaħna li hija suffiċjenti biex tfejjaq kull ħaġa. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.