Kollox Jirrivolvi Madwar in-Nies
Il-Knisja hija dwarkom, id-dixxipli tal-Mulej—dawk li jħobbuh u jimxu warajh u li ħadu fuqhom ismu.
Waqt li konna qed nippreparaw għall-bini tat-Tempju manjifiku ta’ Pariġi, Franza, jiena kelli esperjenza li ma nista’ ninsieha qatt. Fl-2010, meta kienet instabet il-propjetà għat-tempju, is-sindku tal-belt talab biex jiltaqa’ magħna biex isir jaf aktar dwar il-Knisja tagħna. Din il-laqgħa kienet pass mill-aktar importanti biex aħna stajna niksbu l-permess tal-bini.Aħna metikolożimament ħejjejna preżentazzjoni li kienet tinkludi diversi stampi impressjonanti ta’ tempji tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. It-tama mill-aktar ferventi tiegħi kienet li s-sbuħija arkitettonika tagħhom tasal biex tipperswadi lis-sindku jissapportja l-proġett tagħna.
B’ sorpriża għalija, is-sindku indika li aktar milli joqgħod jara l-preżentazzjoni tagħna, hu u t-tìm tiegħu kienu jippreferu jagħmlu investigazzjoni huma stess biex isibu x’ tip ta’ knisja aħna konna. Ix-xahar ta’ wara, aħna erġajna ġejna mistednin għandu biex nisimgħu rapport mogħti minn kunsillier tal-belt li inzertat wkoll li kienet professur tal-istorja reliġjuża. Hija qalet, “Aktar minn kollox, aħna ridna nifhmu min huma verament il-membri tal-knisja tagħkom. L-ewwel, aħna attendejna waħda mil-laqgħat sagramentali tagħkom. Aħna poġġejna bilqiegħda fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella u osservajna bir-reqqa n-nies fil-kongregazzjoni u x’ kienu qed jagħmlu. Imbagħad iltqajna mal-ġirien tagħkom—dawk li jgħixu madwar iċ-ċentru tal-wited tagħkom—u aħna tlabniehom jgħidulna l-Mormoni x’ tip ta’ nies huma.”
“Għalhekk x’inhuma l-konklużjonijiet tagħkom?” staqsejt jiena, xi ftit jew wisq anzjuż. Hija wieġbet, “Aħna skoprejna li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija l-aktar knisja fost il-knejjes l-oħra kollha li nafu bihom li tixbah il-Knisja oriġinali ta’ Ġesù Kristu.” Jiena kważi kont se noġġezzjona, “M’intix għal kollox korretta! Mhijiex l-aktar knisja li tixbahha; fil-fatt din il-Knisja hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu—l-istess Knisja, il-vera Knisja!” Iżda jiena gdmit ilsieni u minflok offrejt talba siekta ta’ gratitudni. Imbagħad is-sindku qalilna li, skont ir-riċerka tagħhom, hu u t-tìm tiegħu m’għandhom l-ebda oġġezzjoni għall-bini ta’ tempju fil-komunità tagħhom.
Illum, meta naħseb dwar dik l-esperjenza mirakoluża, inħossni grat għall-għerf u l-ispirtu ta’ dixxerniment tas-sindku. Huwa kien jaf li l-ħaġa importanti biex tifhem il-Knisja mhijiex li tħares lejha skont id-dehra minn barra tal-bini tagħha jew saħansitra li tħares lejha bħala istituzzjoni organizzata verament tajjeb, iżda pjuttost li tħares lejn il-miljuni ta’ membri fidili tagħha, li kuljum jagħmlu l-almu tagħhom biex jimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu.
Id-definizzjoni tal-kelma Knisja nistgħu nsibuha f’ passaġġ fil-Ktieb ta’ Mormon li jiddikjara, “U huma [jiġifieri d-dixxipli tal-Mulej] li tgħammdu f’ isem Ġesù bdew jissejħu l-knisja ta’ Kristu.”1
Fi kliem ieħor, il-knisja tirrivolvi madwar in-nies. Hija dwarkom, id-dixxipli tal-Mulej—dawk li jħobbu u jimxu warajh u li ħadu fuqhom ismu permezz ta’ patt li huma għamlu.
Il-President Russell M. Nelson darba xebbah il-Knisja ma’ karozza sabiħa. Aħna lkoll nieħdu gost meta l-vettura tagħna tkun nadifa u tleqq. Iżda l-għan ta’ karozza mhuwiex li tispikka bħala vettura mill-isbaħ; huwa li n-nies imorru fejn għandhom imorru fil-karozza.2 Bl-istess mod, aħna, il-membri tal-Knisja, napprezzaw li jkollna postijiet ta’ qima mill-isbaħ li huma nodfa u miżmumin sewwa, u aħna nieħdu gost ingawdu programmi li jiffunzjonaw b’ mod tajjeb.Iżda dawn huma sempliċiment sistemi ta’ sapport. L-għan uniku tagħna hu li nistiednu lil ulied Alla jersqu lejn Kristu u niggwidawhom fit-triq tal-patt. Xejn mhu aktar importanti minn hekk. Il-ħidma tagħna tirrivolvi madwar in-nies u l-patti.
Mhijiex verament ħaġa meraviljuża li l-isem mogħti permezz ta’ rivelazzjoni lill-Knisja rrestawrata jgħaqqad flimkien l-aktar żewġ elementi importanti f’ kull patt tal-evanġelju? L-ewwel hemm l-isem ta’ Ġesù Kristu. Din il-Knisja hija Tiegħu, u l-Att tal-Fidwa mqaddes Tiegħu u l-patti Tiegħu huma l-unika triq lejn is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. It-tieni isem jirreferi għalina: il-Qaddisin, jew fi kliem ieħor, ix-xhieda Tiegħu u d-dixxipli Tiegħu.
Jiena tgħallimt dwar l-importanza li niffokaw fuq in-nies meta kont qed inservi bħala president tal-wited fi Franza. Fil-bidu tas-servizz tiegħi, f’ moħħi kelli ċerti għanijiet mill-aktar ambizzjużi għall-wited: il-ħolqien ta’ oqsma ġodda, il-bini ta’ djar tal-laqgħat ġodda, u saħansitra l-bini ta’ tempju fl-inħawi tagħna. Meta sitt snin wara jiena ġejt eżonerat, l-ebda wieħed minn dawn l-oġġettivi ma kien ġie fis-seħħ. Jiena stajt ħassejtni li kont fallejt kompletament li kieku, matul dawk is-sitt sin, l-oġġettivi tiegħi ma kenux inbidlu qatigħ.
Hekk kif jiena kont ninsab bilqiegħda fuq in-naħa ta’ quddiem fil-jum li fih ġejt eżonerat, jiena ħassejtni verament kommoss bis-sens profond ta’ gratitudni u sodisfazzjon. Jiena ħarist f’ wiċċ il-mijiet ta’ membri li kien hemm preżenti. Niftakar li ħassejt bħal esperjenza spiritwali tgħaqqadni ma’ kull wieħed u waħda minnhom.
Quddiemi kien hemm dawk l-aħwa, irġiel u nisa, li daħlu fl-ilmijiet tal-magħmudija, li fosthom kien hemm uħud li jiena ffirmajt l-ewwel rakkomandazzjoni tagħhom biex huma setgħu jirċievu l-ordinanzi sagri fit-tempju, u dawk iż-żgħażagħ u koppji li jiena ddistingwejt u eżonerajt bħala missjunarji full-time.Kien hemm ħafna oħrajn li jiena għent waqt li huma kienu jinsabu għaddejjin minn ċerti sfidi u avversità f’ ħajjithom. Jiena ħassejt imħabba ta’ bejn l-aħwa mill-aktar intensa għal kull wieħed u waħda minnhom.Jiena sibt il-vera ferħ tiegħi fis-servizz tiegħi lilhom u l-fidi tagħhom fis-Salvatur u l-lealtà tagħhom lejh.
Il-President M. Russell Ballard għallem, “L-aktar ħaġa importanti fir-responsabbiltajiet tagħna fil-Knisja mhijiex l-istatistika li tiġi rrapportata jew il-laqgħat li nagħmlu iżda jekk in-nies individwali—hekk kif ngħinuhom wieħed wieħed, waħda waħda—ġewx verament elevati, inkoraġġuti u ultimament mibdula.”3
Għeżież ħuti, aħna verament nies attivi fl-evanġelju, jew aħna sempliċiment nies li għandna ħafna x’ nagħmlu fil-Knisja? L-aktar ħaġa importanti hi li aħna nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur f’ kollox. Jekk nagħmlu dan, aħna nibdew b’ mod naturali niffokaw fuq l-individwi, aktar milli nwettqu ċerti affarijiet biex sempliċiment inkunu għamilniehom u nimplimentaw il-programmi.
Intom ġieli staqsejtu lilkom infuskom dwar x’ jiġri li kieku s-Salvatur kellu jżur il-qasam jew il-fergħa tagħkom il-Ħadd li ġej? Tgħid Huwa x’ jagħmel? Tgħid Huwa joqgħod jinkwieta biex ikun jaf jekk l-istampi humiex tajbin biżżejjed jew jekk is-siġġijiet humiex qegħdin f’ posthom sewwa fil-klassi? Jew Huwa jsib lil xi ħadd li Hu jista’ jħobb, jgħallem jew ibierek? Probabbilment Huwa jmur ifittex lil dak il-membru l-ġdid jew jagħti merħba lil xi ħabib, lil xi ħadd marid jew li għandu bżonn tal-faraġ, jew lil xi żagħżugħ dgħajjef li għandu bżonn lil min jelevah u jinkoraġġih.
Tgħid Ġesù liema klassijiet jattendi? Ma nkunx sorpriż jekk l-ewwel ma jmur ikun fil-Primarja. Huwa probabbilment jinżel għarkupptejh u jkellimhom waqt li jħares dritt f’ għajnejhom. Huwa jesprimi l-imħabba Tiegħu lejhom, jirrakkontalhom stejjer, jifirħilhom għat-tpinġijiet tagħhom u jixhed dwar Missieru tas-Smewwiet.L-attitudni tiegħu tkun waħda sempliċi, ġenwina u mingħajr affezzjoni. Tgħid aħna għandna nagħmlu l-istess?
Inwegħidkom li hekk kif intom tagħmlu l-almu tagħkom biex tkunu fuq l-aġenda tal-Mulej, xejn ma jsir għalikom aktar importanti milli ssibu lil dawk in-nies li intom tistgħu tgħinu u tbierku. Fil-knisja intom tiffokaw li tgħallmu l-individwi u li tmissulhom qalbhom. L-għan tagħkom li toħolqu esperjenza spiritwali jkun għalikom aktar importanti milli torganizzaw attività perfetta, li tgħinu lill-membri sħabkom aktar importanti milli timmarkaw kemm il-żjara għamiltu. Dak li tagħmlu ma jkunx jirrivolvi madwarkom iżda madwarhom, dawk li aħna nsejħulhom ħutna.
Xi kultant aħna nitkellmu dwar li mmorru l-knisja. Iżda l-Knisja hija aktar minn sempliċiment bini jew xi post partikolari. Hija reali u ħajja fl-aktar bini sempliċi f’ naħa mill-aktar rimota tad-dinja daqs kemm hi reali u ħajja hawnhekk fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja fil-Belt ta’ Salt Lake. Il-Mulej Innifsu qal, “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.”4
Aħna nieħdu l-Knisja magħna kull fejn immorru: ix-xogħol, l-iskola, fuq btala u speċjalment fi djarna. L-istess preżenza u influwenza tagħna tista’ tkun biżżejjed biex aħna nqaddsu kull post li nkunu ninsabu fih.
Jiena niftakar konverżazzjoni li jiena kelli ma’ ħabib li ma kienx membru tal-Knisja tagħna. Huwa ssorprenda ruħu meta sar jaf li kull raġel den fil-Knisja tagħna seta’ jirċievi s-saċerdozju. Huwa staqsa, “Iżda kemm ir-raġel għandkom li jħaddan is-saċerdozju fil-qasam tagħkom?”
Jiena weġibtu, “Bejn 30 u 40.”
Xi ftit imħawwad, huwa kompla, “Fil-kongregazzjoni tagħna, għandna biss qassis wieħed. Għalfejn il-Ħadd filgħodu teħtieġu daqshekk qassisin?”
Sorpriż xi ftit bil-mistoqsija tiegħu, jiena ħassejtni ispirat li nwieġeb, “Naqbel miegħek.Ma naħsibx li nhar ta’ Ħadd fil-knisja għandna bżonn daqshekk nies li jħaddnu s-saċerdozju. Iżda li żgur għandna bżonn hu raġel li jħaddan is-saċerdozju f’ kull dar. U meta ma jkun hemm ħadd fid-dar li jħaddan is-saċerdozju, irġiel oħra li jħaddnu s-saċerdozju jiġu msejħin biex jieħdu ħsieb u jgħinu lil dik il-familja.”
Il-Knisja mhijiex sempliċiment Knisja ta’ nhar ta’ Ħadd. Il-qima tagħna tkompli matul kull jum tal-ġimgħa, inkunu fejn inkunu u nkunu qed nagħmlu x’inkunu qed nagħmlu. Djarna partikolarment huma “is-santwarji ewlenin tal-fidi tagħna.”5Ħafna drabi huwa fi djarna li aħna nitlobu, inbierku, nistudjaw, ngħallmu l-kelma ta’ Alla u nservu b’ imħabba safja. Jiena nista’ nixhed minn esperjenza personali li djarna huma postijiet sagri fejn l-Ispirtu jista’ jgħammar — daqs kemm jista’ jgħammar, u xi kultant aktar, fil-postijietta’ qima formali tagħna.
Jien naqsam it-testimonjanza tiegħi li din il-Knisja hija l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu. Is-saħħa u l-vitalità tagħha huma riżultat tal-għemejjel ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ dixxipli Tiegħu li kuljum jagħmlu l-almu tagħhom li jimxu wara l-eżempju suprem Tiegħu billi jieħdu ħsieb l-oħrajn. Kristu jgħix u Huwa jmexxi din il-Knisja. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta li Huwa għażel biex imexxina u jiggwidana fi żmienna. Dwar dan kollu jiena nixhed f’ isem Ġesu Kristu, amen.