Nitħejjew Biex Niltaqgħu ma’ Alla
Meta aħna nfittxu ċerti responsabbiltajiet maħtura b’ mod divin, fis-sewwa, fl-għaqda u fl-ugwaljanza, aħna nkunu qed nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.
Eliza R. Snow, meta bdiet titkellem dwar id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland (li għaliha hi kienet preżenti), hija qalet: “Wieħed verament jista’ jgħid li ċ-ċerimonji ta’ dik id-dedikazzjoni kienu ppreparati minn qabel, iżda l-ebda bniedem mortali mhu kapaċi jiddeskrivi l-manifestazzjonijiet divini li dehru f’ dak il-jum memorabbli. Xi wħud dehrulhom l-anġli, filwaqt li dawk kollha preżenti setgħu jħossu li kien hemm fosthom preżenza divina, u qalb kull wieħed u waħda minna mtliet b’ ferħ li diffiċli tiddeskrivih u bi glorja kbira.”1
Il-manifestazzjonijiet divini li seħħew fit-Tempju ta’ Kirtland kienu fundamentali għall-għan tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu li ġġib fis-seħħ is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet.2 Hekk kif aħna nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla, aħna nistgħu nsiru nafu x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħna li ġew maħtura b’ mod divin billi nagħtu ħarsa lejn l-imfietaħ sagri li ġew irrestawrati fit-Tempju ta’ Kirtland.
Fit-talba dedikatorja, il-Profeta Joseph Smith, b’ umiltà, talab lill-Mulej “biex taċċetta din id-dar … li inti tlabtna biex nibnu.”3
Ġimgħa wara, f’ Ħadd il-Għid, il-Mulej deher f’ viżjoni mill-aktar meraviljuża u aċċetta t-tempju Tiegħu. Dan seħħ fit-3 ta’ April, 1836, eżattament kważi 182 sena minn dan il-Ħadd il-Għid. Kien ukoll żmien l-Għid.Fi tmiem din il-viżjoni, dehru tliet profeti tal-qedem, Mosè, Elijas u Elija, u magħhom ġabu ċerti mfietaħ li kienu essenzjali biex jiġi fis-seħħ l-għan tal-Mulej għall-Knisja rrestawrata Tiegħu f’ din id-dispensazzjoni.Dan l-għan ġie definit b’ mod sempliċi iżda elokwenti bħala l-ġabra ta’ Iżrael, li nissiġillaw il-poplu tiegħu bħala familji, u li nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.4
Li dehru kemm Elija kif ukoll Mosè kienet ħaġa “li tixbah b’ mod impressjonanti … lit-tradizzjoni Lhudija, li tgħid li Mosè u Elija se jerġgħu lura flimkien f’ ‘l-aħħar taż-żmien.’”5 Fid-duttrina tagħna, din id-dehra ġabet fis-seħħ ir-restawrazzjoni fundamentali ta’ ċerti mfietaħ “mogħtija … għall-aħħar żminijiet u għall-aħħar darba, f’ din id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.”6
It-Tempju ta’ Kirtland, kemm bħala lokalità kif ukoll bħala daqs, relattivament ma kienx xi wieħed prominenti wisq. Iżda jekk inħarsu lejn is-sinifikat enormi tiegħu lejn l-umanità, kien wieħed li ħalla warajh impatt etern. Profeti tal-qedem irrestawraw ċerti mfietaħ tas-saċerdozju għall-ordinanzi eterni tas-salvazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dan irriżulta f’ ferħ tal-għaġeb għal ħafna membri fidili.
Dawn l-imfietaħ jipprovdu l-“qawwa mill-għoli”7 għal ċerti responsabbiltajiet maħtura b’ mod divin li jikkonstitwixxu l-għan ewlieni tal-Knisja.8 F’ dak il-jum tal-Għid meraviljuż ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland, ġew irrestawrati tliet imfietaħ:
L-ewwel, Mosè deher u ta l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja, li hija fil-fatt ħidma missjunarja .9
It-Tieni, Elijas deher u ta l-imfietaħ tad-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, li tinkludi fiha r-restawrazzjoni tal-patt Abrahamiku.10 Il-President Russell M. Nelson għallem li l-għan tal-imfietaħ tal-patt hu li jħejji lill-membri għas-saltna ta’ Alla. Huwa qal, “Aħna nafu min aħna u nafu x’ jistenna minna Alla.”11
It-Tielet, Elija deher u ta l-imfietaħ tal-qawwa tas-siġill f’ din id-dispensazzjoni, li hija l-ħidma tal-istorja tal-familja u l-ordinanzi tat-tempju li jwasslu s-salvazzjoni kemm lill-ħajjin kif ukoll lill-mejtin.12
Taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax, jeżistu tliet kunsilli eżekuttivi fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja li jissorveljaw dawn ir-responsabbiltajiet maħtura b’ mod divin ibbażati fuq l-imfietaħ li ġew irrestawrati fit-Tempju ta’ Kirtland. Dawn huma l-Kunsill Eżekuttiv Missjunarju, il-Kunsill Eżekuttiv tas-Saċerdozju u l-Familja, u l-Kunsill Eżekuttiv tal-Istorja tal-Familja.
Illum Aħna Fejn Ninsabu Biex Inwettqu Dawn ir-Responsabbiltajiet Maħtura b’ Mod Divin?
L-ewwel, rigward ir-restawrazzjoni tal-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael minn idejn Mosè, illum il-ġurnata, hawn kważi 70,000 missjunarju mxerrdin madwar id-dinja jippridkaw l-evanġelju Tiegħu biex jiġbru flimkien il-maħturin Tiegħu.Dan huwa l-bidu tat-twettiq tal-ħidma kbira u meraviljuża li Nefi ppreveda kemm fost il-Ġentili kif ukoll fost id-dar ta’ Israel. Nefi ra żmienna meta l-Qaddisin ta’ Alla se jkunu f’ kull naħa tad-dinja, iżda n-numri tagħhom se jkunu żgħar minħabba l-ħażen. Madankollu, huwa ppreveda li huma se jkunu “armati permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja.”13 Meta tħares lejh mil-lenti tal-istorja qasira tal-Knisja rrestawrata, l-isforz missjunarju kien wieħed mill-aktar sinjifikanti. Aħna qed naraw tiġi fis-seħħ il-viżjoni ta’ Nefi. Minkejja li n-numri tagħna huma relattivament żgħar, aħna se nkomplu għaddejin bl-isforz tagħna u nilħqu lil dawk li se jwieġbu għall-messaġġ tas-Salvatur.
It-tieni, deher Elijas u ta d-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, fejn iddikjara li fina u fin-nisel tagħna l-ġenerazzjonijiet kollha li ġejjin warajna se jkunu mberkin. F’ din il-konferenza, ġiet ippreżentata ċerta gwida sinifikanti biex tassisti fit-trawwim tal-Qaddisin u tħejjihom għas-saltna ta’ Alla.14 It-tħabbira fis-sezzjoni tas-Saċerdozju rigward il-kwora tal-presbiteri u tal-qassisin il-kbar se twassal għal qawwa u awtorità akbar fis-saċerdozju. It-tagħlim tad-dar u taż-żjajjar, li issa se nsejħulu “ministeru,” kif ġejna mgħallmin b’ mod elokwenti f’ din is-sezzjoni, se jħejji lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex jiltaqgħu ma’ Alla.
It-tielet, Elija ta l-imfietaħ tas-siġill ta’ din id-dispensazzjoni. Għal dawk minna li ninsabu ngħixu f’ dawn iż-żminijiet, hija ħaġa fenomenali kemm kibret il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja. Dan ir-ritmu se jkompli u se jkompli jiżdied sat-Tieni Miġja tas-Salvatur, għax jekk le “id-dinja tispiċċa tinqered għal kollox fil-miġja tiegħu.”15
Il-ħidma tal-istorja tal-familja, imbierka b’ mod divin permezz tat-teknoloġija, kibret drammatikament f’ dawn l-aħħar snin. Ma jkunx għaqli jekk aħna nkunu kompjaċenti dwar din ir-responsabbiltà maħtura b’ mod divin u nistennew li z-Zija Ġanna jew xi membru ieħor tal-familja tagħna jieħdu ħsiebha huma. Ippermettuli naqsam magħkom il-kummenti sinċiera tal-President Joseph Fielding Smith: “Ħadd mhu eżentat minn dan l-obbligu kbir. Huwa meħtieġ mill-appostlu daqs kemm hu meħtieġ mill-aktar presbiteru jew oħt umli.Il-post li wieħed ġej minnu jew id-distinzjoni jew iż-żmien twil li wieħed ilu jservi fil-Knisja … ma jintitolaw lil ħadd biex jinjora s-salvazzjoni tal-mejtin tiegħu.”16
Illum aħna għandna kemm tempji madwar id-dinja kollha kif ukoll ir-riżorsi tal-fondi ta’ assistenza għal min iżur it-tempju biex jgħinu lil dawk fil-bżonn li joqogħdu ‘l bogħod minn xi tempju.
Bħala individwi, ikun tajjeb jekk aħna nevalwaw tajjeb l-isforzi tagħna fil-ħidma missjunarja, fil-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja u fit-tħejjija tagħna biex niltaqgħu ma’ Alla.
Is-Sewwa, l-Għaqda u l-Ugwaljanza quddiem il-Mulej jipprovdu s-Sisien għal Dawn ir-Responsabbiltajiet Sagri
Rigwrad is-sewwa, din il-ħajja hija ż-żmien li fih aħna lkoll nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.17 Il-Ktieb ta’ Mormon jipprovdi eżempji varji tal-konsegwenzi traġiċi li jesperjenzaw dawk l-individwi jew gruppi li ma jżommux il-kmandamenti ta’ Alla.18
Tul ħajti, il-kwistjonijiet u l-problemi tad-dinja aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jikbru fl-estremità tagħhom—minn ħwejjeġ frivoli u trivjali għal ħwejjeġ immorali mill-aktar serji.Hija ħaġa ta’ min jammiraha meta l-immoralità mhux konsenswali tiġi esposta u kkundannata.19 Din it-tip ta’ immoralità mhux konsenswali tmur kontra l-liġijiet ta’ Alla u tas-soċjetà.Dawk li jifhmu l-pjan ta’ Alla għandhom ukoll jopponu l-immoralità konsenswali, li hija wkoll dnub. Il-proklamazzjoni tal-familja lid-dinja twissina “li l-individwi li jiksru l-patti tal-kastità, li jabbużaw lill-mara jew raġel tagħhom jew lil uliedhom [jew, fil-fatt, lil xi ħadd ieħor, hu min hu] … xi darba għad iridu jagħtu rendikont quddiem Alla.”20
Hekk kif inħarsu madwarna, aħna naraw id-devastazzjoni tal-ħażen u l-vizzju kull fejn inħarsu. Jekk, bħala individwi, aħna verament jimpurtana mill-ġudizzju finali meta se niġu ġġudikati mis-Salvatur, jeħtieġ li aħna nfittxu l-indiema. Jiena nibża’ li ħafna nies m’għadhomx aktar iħossuhom responsabbli lejn Alla u m’għadhomx iduru lejn l-iskrittura jew lejn il-profeti għall-gwida. Jekk aħna, bħala soċjetà, nikkontemplaw il-konsegwenzi tad-dnub, żgur li għandu jkun hemm oppożizzjoni pubblika massiva kontra l-pornografija u l-oġġettifikazzjoni tan-nisa.21 Kif Alma qal lil ibnu Kurjantun fil-Ktieb ta’ Mormon, “Il-ħażen qatt ma kien ferħ.”22
Rigward l-unità, is-Salvatur iddikjara, “Jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”23 Aħna nafu li l-ispirtu tat-tilwim ġej mix-xitan.24
Fi żmienna, il-kmand skritturali biex inkunu magħqudin ħafna drabi jiġi injorat, u għal ħafna nies l-enfażi huwa fuq it-tribaliżmu,25 ħafna drabi bbażat fuq l-istatus, is-sess, ir-razza u l-ġid tal-persuni partikolari. F’ ħafna pajjiżi, jekk mhux fil-maġġoranza tagħhom, in-nies huma maqsumin skont kif huma jgħixu. Fil-Knisja tal-Mulej, l-unika kultura li aħna nħaddnu u ngħallmu hija l-kultura tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-unità li aħna nfittxu hija li nkunu ħaġa waħda mas-Salvatur u mat-tagħlim Tiegħu.26
Hekk kif aħna nħarsu lejn l-għanijiet ewlenin tal-Knisja, huma kollha bbażati fuq l-ugwaljanza f’ għajnejn il-Mulej 27 u li nimxu wara l-kultura tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Rigward il-ħidma missjunarja, il-kwalifiċi prinċipali għall-magħmudija huma li wieħed iċekken lilu nnifsu quddiem Alla u jersaq quddiemu b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien.28 Il-livell ta’ edukazzjoni, il-ġid materjali, jew l-oriġni ta’ minn fejn ġejja l-persuna lanqas biss jiġu kkunsidrati.
Barra minn hekk, il-missjunarji,b’ umiltà, jservu fejn huma jiġu msejħin. Il-mod kif huma jservu ma jiddependix mill-istandards tad-dinja skont l-istatus tagħhom jew skont it-tħejjija tagħhom għall-karrieri futuri tagħhom. Huma jservu b’ qalbhom kollha u b’ moħħhom kollu u bis-setgħa u l-qawwa tagħhom kollha jmorru jservu fejn huma jintbagħtu . Huma ma jagħżlux lis-sħab missjunarji tagħhom, u huma jfittxu b’ diliġenza li jiżviluppaw kwalitajiet jixbhu lil Kristu,29 li huma fil-qalba tal-kultura ta’ Ġesù Kristu.
L-iskrittura tiggwidana fl-aktar relazzjonijiet importanti tagħna. Is-Salvatur għallem li l-ewwel kmandament hu li “tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek.” U t-tieni hu li tħobb lil għajrek bħalek innifsek.”30
Is-Salvatur kompla jispjega li kulħadd huwa għajrna.31 Il-Ktieb ta’ Mormon jagħmilha ċara li m’għandux ikun hemm -iti, tribujiet jew klassi differenti ta’ nies.32 Aħna għandna nkunu magħqudin u ugwali quddiem Alla.
L-ordinanzi sagri u r-responsabbiltajiet divini jinbnew fuq din il-premessa. Jiena nistenna li l-esperjenzi tagħkom fit-tempju jkunu simili għal tiegħi. Meta jiena kont inħalli warajja d-dinja tax-xogħol tiegħi ġewwa San Francisco u kont nasal ġewwa t-Tempju ta’ Oakland, jiena kont nesperjenza fija sentiment mill-isbaħ ta’ mħabba u paċi. Raġuni ewlenija kienet li jiena kont inħossni verament viċin Alla u viċin l-għanijiet Tiegħu. L-ordinanzi tas-salvazzjoni kienu l-attenzjoni ewlenija tiegħi, iżda parti sinjifikanti minn dawk is-sentimenti mill-isbaħ kienet l-ugwaljanza u l-unità li kienet tinħass ġewwa t-tempju. Hemmhekk kulħadd ikun liebes ilbies abjad. M’hemmx mod kif tirrikonoxxi b’ mod evidenti x’inhu l-ġid materjali, il-grad jew l-influwenza tan-nies li tara hemm; aħna lkoll aħwa li nċekknu lilna nfusna quddiem Alla.
Fil-kamra sagra tas-siġill, l-ordinanza taż-żwieġ etern hija l-istess għal kulħadd.Jogħġobni l-fatt li koppja li ġejja mill-aktar ambjent umli li tista’ timmaġina u koppja li ġejja mill-aktar ambjent sinjur li tista’ timmaġina jgħaddu t-tnejn eżattament mill-istess esperjenza. Huma jilbsu l-istess imnatar u jagħmlu l-istess patti quddiem l-artal. Huma jirċievu wkoll l-istess barkiet eterni tas-saċerdozju. Dan iseħħ ġo tempju sabiħ mibni bis-saħħa tad-dieċmi tal-Qaddisin biex iservi bħala d-dar sagra tal-Mulej.
Li aħna nwettqu ċerti responsabbiltajiet maħtura b’ mod divin, ibbażati fuq is-sewwa, l-unità u l-ugwaljanza, iwassal għal ferħ personali u għall-paċi fid-dinja u jħejjina għall-ħajja eterna fid-dinja li jmiss.33 Nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.34
Aħna nitolbu li, huma x’ inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom bħalissa, kull wieħed u waħda minnkom titkellmu mal-isqof tagħkom u tkunu denji ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju.35
Aħna grati li ħafna aktar membri jinsabu jitħejjew biex imorru t-tempju. Għal ħafna snin issa, qed ikun hemm tkabbir sinjifikanti fin-numru ta’ adulti denji li jħaddnu rakkomandazzjoni tat-tempju. In-numru ta’ żgħażagħ denji b’ rakkomandazzjoni għal użu limitat kiber drammatikament f’ dawn l-aħħar sentejn. Hija ħaġa mill-aktar ċara li l-membri verament fidili tal-Knisja qatt ma kienu b’ saħħithom daqs kemm huma llum.
Biex nagħlaq, jekk jogħġobkom serrħu moħħkom li l-mexxejja anzjani tal-Knisja, li jippresiedu fuq l-għanijiet maħtura b’ mod divin, jirċievu assistenza divina. Din il-gwida tasal mingħand l-Ispirtu u xi kultant direttament mingħand is-Salvatur. Huma jingħataw iż-żewġ tipi ta’ gwida spiritwali. Jiena grat li rċevejt din it-tip t’ assistenza. Iżda din il-gwida tingħata fil-ħin li jagħżel il-Mulej, linja wara linja u preċett wara preċett,36 meta “l-Mulej omnixxenti deliberatament jagħżel li jgħallimna.”37 Il-gwida f’ isem il-Knisja b’ mod inġenerali tasal biss mingħand il-profeti Tiegħu.
F’ din il-konferenza, aħna lkoll kellna l-privileġġ li nsostnu lill-President Russell M. Nelson bħala l-profeta tagħna u l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. It-Tnax, bħala grupp u b’ mod individwali, kellna esperjenzi spiritwali mill-aktar sinifikanti meta aħna poġġejna idejna fuq ras il-President Nelson u l-President Dallin H. Oaks, li għamilha tal-leħen, ordnah u ddistingwieh bħala l-President tal-Knisja. Jiena nixhed li huwa kien ordnat minn qabel it-twelid u kien ilu jiġi mħejji ħajtu kollha biex ikun il-profeta tal-Mulej fi żmienna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.