2010-2019
Min Jibqa’ Jżomm Sħiħ sal-Aħħar, Dan Isalva
April 2018


Min Jibqa’ Jżomm Sħiħ sal-Aħħar, Dan Isalva

Ejjew inkunu fidili għal dak li nemmnu fih u li nafu.

Għeżież ħuti, jiena napprezza ħafna l-opportunità li għandi li nesprimi magħkom uħud mis-sentimenti tiegħi.

Bosta snin ilu, jien u marti konna preżenti għaċ-ċerimonja inawgurali tal-wirja interattiva tat-tfal fil-Mużew tal-Istorja tal-Knisja ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President Thomas S. Monson resaq lejna u hekk kif ħadilna b’ idejna, huwa qal, “Ibqgħu rreżistu, u toħorġu rebbieħa żgur”—tagħlima mill-aktar profonda li, bla dubju, aħna lkoll nistgħu naffermaw il-verità tagħha.

Ġesù Kristu aċċertana li “min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva.”1

Li nibqgħu nirreżistu jfisser “li nibqgħu fermi fl-impenn tagħna li nkunu leali lejn il-kmandamenti ta’ Alla minkejja t-tentazzjoni, l-oppożizzjoni u l-avversità.”2

Anke dawk li esperjenzaw f’ ħajjthom esperjenzi spiritwali mill-aktar qawwija u li taw servizz b’ mod mill-aktar fidil jistgħu xi darba jaqbdu triq ħażina jew ma jibqgħux aktar attivi jekk huma ma jibqgħux jirreżistu sat-tmiem. Jalla aħna bla ebda tlaqliq dejjem inżommu f’ moħħna u f’ qalbna l-frażi “Dan qatt mhu se jiġri lili.”

Meta Ġesù għallem ġewwa Kafarnahum, “bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.

“Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax, Tridux titilqu intom ukoll?”3

Jien nemmen li llum, Ġesù Kristu qed jistaqsi lilna lkoll li għamilna ċerti patti sagri Miegħu, “Tridux titilqu intom ukoll?”

Jien nitlob li aħna lkoll, b’ riflessjoni profonda dwar dak li hemm jistenniena fl-eternitajiet, inwieġbu kif wieġeb Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”4

Ejjew inkunu fidili lejn dak li nemmnu fih u lejn dak li nafu. Jekk aħna m’aħniex ngħixu skont l-għarfien li għandna, ejjew nwettqu bidla f’ ħajjitna. Il-midinbin li jibqgħu jippersistu fid-dnubiet tagħhom, u ma jindmux, jispiċċaw jgħoddsu dejjem aktar u aktar fil-ħmieġ, sakemm Satana jieħu l-kontroll assolut tagħhom, sinifikament jipperikola l-opportunità tagħhom li jindmu, li jiksbu l-maħfra u li jitbierku bil-barkiet kollha tal-eternità.

Jiena smajt ħafna jippruvaw jiġġustifikaw għalfejn huma waqfu jipparteċipaw b’ mod attiv fil-Knisja u spiċċaw tilfu l-viżjoni korretta tal-għan tal-vjaġġ tagħhom f’ din id-dinja. Jiena nitlobhom sabiex jirriflettu u jerġgħu lura, għaliex jien nemmen li ħadd mhu se jkun kapaċi joħroġ b’ xi skuża quddiem Sidna Ġesù Kristu.

Meta aħna tgħammidna, aħna għamilna ċerti patti—m’għamilnihomx ma’ kwalunkwe bniedem iżda mas-Salvatur, fejn aħna qbilna li “nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, b’ determinazzjoni li nservuh sat-tmiem.”5

L-attendenza tagħna fil-laqgħat sagramentali hija waħda mill-modi ewlenin kif aħna nistgħu nevalwaw id-determinazzjoni tagħna li nservuh, il-fortitudni spiritwali tagħna, u t-tkabbir tal-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu.

Li nieħdu sehem fis-sagrament hija l-aktar ħaġa importanti li aħna nagħmlu f’ jum is-Sabbath. Ftit qabel ma miet, il-Mulej spjega din l-ordinanza lill-Appostli Tiegħu. Huwa għamel l-istess fil-Kontinent Amerikan. Huwa jgħidilna li jekk aħna nieħdu sehem f’ din l-ordinanza, din tkun testimonjanza lill-Missier li aħna dejjem se niftakru fih u Huwa jwiegħed li, minħabba f’ hekk, aħna jkollna l-Ispirtu Tiegħu magħna.6

Fit-tagħlim ta’ Alma ż-Żgħir lill-ibnu Xiblon, nistgħu nsibu ċertu kunsill għaqli u ċerti twissijiet li jgħinuna nibqgħu fidili lejn il-patti tagħna:

“Ara li inti ma titkabbarx; iva, ara li inti ma tiftaħarx bl-għerf tiegħek, jew bil-qawwa tiegħek.

“Tkellem b’ ċarezza, iżda toqgħodx tenfasizza żżejjed; u ara wkoll li inti tikkontrolla l-passjonijiet kollha tiegħek, sabiex timtela bl-imħabba; ara li ma titgħażżinx.”7

Bosta snin ilu, meta kont ninsab fuq vaganza, jien ridt immur bil-kenura għall-ewwel darba. Jien krejt kenura, u b’ entużjażmu kbir fuqi, inżilt biha fil-baħar.

Wara ftit minuti, ġiet mewġa u qalbitni bil-kenura b’ kollox . Kelli nagħmel daqsxejn ta’ sforz mhux ħażin, bil-moqdief f’ id waħda u l-kenura fl-id l-oħra, biex erġajt nitla’ fuq il-kenura.

Jiena ppruvajt għal darb’oħra naqdef bil-kenura, iżda wara biss ftit minuti, il-kenura reġgħet inqelbet. Jiena webbist rasi u bqajt nipprova għalxejn sakemm xi ħadd li kien jifhem sew fil-kenuri qalli li żgur li kien hemm xi xaqq fuq in-naħa ta’ barra u li b’ hekk il-kenura bdiet timtela bl-ilma u bdiet issir instabbli u impossibbli li tikkontrollaha. Jiena ġbidt il-kenura lejn ix-xatt u neħħejt it-tapp, u hekk hu, minnha ħareġ ammont kbir ta’ ilma.

Jiena naħseb li xi kultant aħna ngħixu ħajjitna nġorru ċerti dnubiet li, bħall-ilma li beda dieħel fil-kenura tiegħi, jimpedixxu l-progress spiritwali tagħna.

Jekk aħna nippersistu fi dnubietna, aħna nispiċċaw ninsew il-patti li aħna għamilna mal-Mulej, avolja nibqgħu kontinwament ninqalbu minħabba l-iżbilanċ li dawk id-dnubiet joħolqu f’ ħajjitna.

Bil-kontra tax-xquq li kien hemm fil-kenura tiegħi, ix-xquq f’ ħajjitna jeħtieġ li nieħdu ħsiebhom. Xi dnubiet jeħtieġ minna sforz akbar biex ninħafru minnhom.

Għalhekk għandna nistaqsu lilna nfusna: Aħna fejn ninsabu fl-attitudni tagħna lejn is-Salvatur u lejn il-ħidma Tiegħu? Tgħid aħna ninsabu fis-sitwazzjoni ta’ Pietru meta huwa ċaħad lil Ġesù Kristu? Jew inkella aħna avvanzajna daqstant li rawwimna fina l-attitudni u d-determinazzjoni li hu kellu wara l-kummissjoni l-kbira li huwa rċieva mingħand is-Salvatur?8

Aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna li nobdu l-kmandamenti kollha u noqogħdu attenti b’ mod partikolari għal dawk li għalina huma l-aktar diffiċli li nobdu. Il-Mulej se jkun magħna, jgħinna fi żminijiet ta’ ħtieġa u dgħjufija, u jekk aħna nuru fina xewqa sinċiera u naġixxu skont din l-istess xewqa, Huwa jwassal biex “iqawwina fil-ħwejjeġ li fihom aħna debboli.”9

L-ubbidjenza tagħtina l-qawwa li negħlbu d-dnub. Għandna wkoll nifhmu li l-prova tal-fidi tagħna teħtieġ minna li aħna nobdu, ħafna drabi bla ma nkunu nafu x’se jkun ir-riżultat.

Jiena se nissuġġerixxi formula li tista’ tgħinna nibqgħu nirreżistu sat-tmiem.

  1. Kuljum, nitlobu u naqraw l-iskrittura.

  2. Kull ġimgħa, nieħdu sehem fis-sagrament b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien.

  3. Kull xahar inħallsu d-dieċmi tagħna u l-offerta tagħna ta’ kull xahar.

  4. Kull sentejn—kull sena għaż-żgħażagħ—inġeddu r-rakkomandazzjoni tagħna tat-tempju.

  5. Tul ħajjitna kollha, inservu fil-ħidma tal-Mulej.

Jalla l-veritajiet kbar tal-evanġelju jsaħħulna moħħna, u jalla aħna nżommu ħajjitna ħielsa mix-xquq li jistgħu jimpedixxu l-vjaġġ tagħna, ‘il bogħod minn kull periklu, fuq il-baħar ta’ dil-ħajja.

Biex niksbu s-suċċess bil-mod kif irid Mulej jeħtieġ li nħallsu prezz għalih, u l-uniku mod biex niksbuh hu billi aħna nħallsu dak il-prezz.

Kemm jiena grat li s-Salvatur tagħna baqa’ jirreżisti sal-aħħar, hekk kif Hu temm iwettaq is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa kbir Tiegħu.

Huwa sofra għad-dnubiet, għall-uġigħ, għad-dwejjaq, għan-niket, għall-mard u għall-biżgħat tagħna, ħalli Huwa jkun jaf kif jista’ jgħinna, kif jista’ jispirana, kif jista’ jfarraġna u kif jista’ jqawwina ħalli aħna nkunu nistgħu nibqgħu nirreżistu u niksbu l-kuruna li hija riservata għal dawk li jibqgħu mhux megħluba.

Il-ħajja hija differenti għal kull wieħed u waħda minna. Aħna lkoll ngħaddu minn mumenti ta’ prova, minn mumenti ta’ ferħ, mumenti li fihom inkunu rridu nieħdu ċerti deċiżjonijiet, mumenti li fihom jeħtieġ negħlbu ċerti ostakli u mumenti li jifhom nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jkollna quddiemna.

Tkun xi tkun is-sitwazzjoni personali tagħna, jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet qiegħed kontinwament jgħidilna, “Jiena nħobbok. Jiena nsostnik. Jiena miegħek. Taqtax qalbek. Indem u ibqa’ rreżisti fit-triq li wrejtek jiena. U jien niżgurak li aħna nerġgħu għal darb’oħra naraw lil xulxin fid-dar ċelestjali tagħna.” F’ isem Ġesù Kristu, amen.