2010-2019
Ikollkom Dejjem Magħkom l-Ispirtu s-Santu bħala l-Gwida Tagħkom
April 2018


Ikollkom Dejjem Magħkom l-Ispirtu s-Santu bħala l-Gwida Tagħkom

X’ don inkomparabbli jiksbu dawk kollha li għandhom il-fidi f’ Ġesù Kristu. Dan id-don huwa l-Ispirtu s-Santu.

F’ dan il-jum ta’ Ħadd il-Għid, ħsibijietna jinsabu fuq il-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej Ġesù Kristu u l-qabar vojtli jagħti t-tama lil kull bniedem li jemmen fit-trijonf ta’ Kristu fuq dik li setgħet kienet telfa ċerta. Jiena nemmen, flimkien mal-Appostlu Pawlu, li hekk kif Alla “qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħna, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fina.”1

Iqajjem tfisser li jerġa’ jagħti l-ħajja. Bl-istess mod li Kristu jerġa’ jagħti l-ħajja lil ġisimna wara l-mewt fiżika permezz tal-qawwa tal-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, Huwa wkoll jista’ jqajjimna jew jagħtina lura l-ħajja mill-mewt spiritwal.2 Fil-ktieb ta’ Mosè, aħna naqraw dwar Adam li esperjenza dan it-tip ta’ qawmien: “Adam tgħammed, u l-ispirtu ta’ Alla niżel fuqu, u b’ hekk huwa twieled mill-Ispirtu, u l-ispirtu tiegħu reġa’ ħa l-ħajja.”3

X’ don inkomparabbli jiksbu dawk kollha li għandhom il-fidi f’ Ġesù Kristu. Dan id-don huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina dak li t-Testment il-Ġdid isejjaħlu “ħajja fi Kristu.”4 Iżda jista’ jkun li xi kultant aħna ma napprezzawx biżżejjed don bħal dan?

Ħuti, huwa privileġġ straordinarju li “jkollna … l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna”5 kif jidher fl-esperjenza li ġejja.

L-Uffiċjal Frank Blair

Waqt il-Gwerra fil-Korea, l-Uffiċjal Frank Blair serva fuq vapur li kien qed jittrasporta t-truppi li kienu stazzjonati fil-Ġappun.6 Il-vapur ma kienx kbir biżżejjed biex fuqu jissejjaħ xi ħadd bħala kappillan; għalhekk il-kaptan staqsa lil Brother Blair biex jagħmilha ta’ kappillan b’ mod mhux uffiċjali, wara li osserva li dan iż-żagħżugħ kien bniedem ta’ fidi u prinċipju, u li kien rispettat ħafna mill-membri kollha tal-ekwipaġġ.

L-Uffiċjal Blair

L-Uffiċjal Blair kiteb: “Il-vapur tagħna nqabad f’ tifun mill-aktar qawwi. Il-mewġ kien għoli madwar 45 pied. Jiena kont ninsab għassa … u f’ dak il-ħin waħda mit-tliet magni tagħna waqfet taħdem u ġie rrapportat li kien hemm xquq fil-linja ċentrali tal-vapur. Aħna kien baqgħalna żewġ magni, li waħda minnhom ukoll bdiet taħdem nofs kedda. Konna ninsabu fi problema mill-aktar serja.”

L-Uffiċjal Blair temm l-għassa tiegħu u kien sejjer fis-sodda meta l-kaptan ħabbattlu fuq il-bieb. Huwa staqsieh, “Jekk jogħġbok tista’ titlob għal dan il-vapur?” Bla dubju, l-Uffiċjal Blair aċċetta li jagħmel dan.

F’ dak il-mument, l-Uffiċjal Blair seta’ talab sempliċiment, “Missierna tas-Smewwiet, jekk jogħġbok bierek il-vapur tagħna u żommna ‘l bogħod mill-periklu,” u mbagħad mar jorqod. Minflok, huwa talab biex jara kien hemmx xi ħaġa li huwa seta’ jagħmel biex forsi jiżgura li l-vapur jitbiegħed mill-periklu. Bi tweġiba għat-talba ta’ Brother Blair, l-Ispirtu s-Santu ħeġġu sabiex imur fejn kien hemm il-pont, jitkellem mal-kaptan u jsir jaf aktar. Huwa sab li l-kaptan kien qed jipprova jiddetermina kif seta’ jħaddem malajr kemm jista’ jkun il-magni li kien għad baqa’. L-Uffiċjal Blair mar lura fil-kabina tiegħu biex jerġa’ jitlob.

Huwa talab, “X’ nista’ nagħmel jien biex titnaqqas il-problema tal-magni?”

Fi tweġiba għal dan, l-Ispirtu s-Santu qallu b’ leħen sieket li huwa kellu jmur dawra mal-vapur u josserva ħalli jikseb aktar informazzjoni. Huwa reġa’ lura ħdejn il-kaptan u talab il-permess biex imur dawra mal-gverta tal-bastiment. Imbagħad, b’ ħabel ta’ sikurezza marbut ma’ qaddu, huwa ħareġ barra fil-maltempata.

Hekk kif kien wieqaf fil-poppa, huwa seta’ jara l-iskrejjen enormi ‘l fuq mill-ilma meta l-vapur spiċċa mgħolli fuq mewġa. Waħda minnhom biss bdiet taħdem sewwa, u kienet qed iddur b’ veloċità mill-aktar qawwija. Wara li osserva dan kollu, l-Uffiċjal Blair reġa’ mar jitlob. It-tweġiba ċara li huwa rċieva kienet li l-magna tajba li kien għad baqa’ kienet qed taħdem iżżejjed u kien hemm bżonn li l-veloċità tagħha tonqos. Għalhekk huwa reġa’ lura ħdejn il-kaptan u għamel ir-rakkomandazzjoni tiegħu. Il-kaptan kien sorpriż, filwaqt li qallu li l-inġinier tal-vapur kien għadu kemm issuġġerixxa bil-kontra—li huma jżidu l-veloċità tal-magna t-tajba ħalli joħorġu kemm jista’ jkun malajr mill-maltempata. Madankollu, il-kaptan għażel li jimxi mas-suġġeriment tal-Uffiċjal Blair u jnaqqas il-veloċità tal-magna. Sa filgħodu, il-vapur kien jinsab f’ ilmijiet kalmi ‘l bogħod minn kull periklu.

Bilkemm kienu għadhom għaddew sagħtejn li l-magna t-tajba ma waqfitx taħdem għal kollox. B’ nofs magna biss taħdem, il-vapur irnexxielu jasal bil-ħniena sal-port.

Il-kaptan qal lill-Uffiċjal Blair, “Li kieku ma naqqasniex il-veloċità ta’ dik il-magna fil-ħin li naqqasnieha, konna se nispiċċaw nitilfuha f’ nofs il-maltempata.”

Mingħajr dik il-magna żgur ma kienx jirnexxielna ninnavigaw il-vapur. Il-vapur kien jispiċċa jinqaleb u jegħreq. Il-kaptan irringrazzja lil dan l-uffiċjal żagħżugħ Qaddis tal-Aħħar Jiem u qal li hu kien jemmen li għax mexa mas-suġġerimenti spiritwali tal-Uffiċjal Blair wasal biex salva l-vapur u l-ekwipaġġ tiegħu.

Din żgur hija storja mill-aktar drammatika. Filwaqt li ċ-ċans li aħna nispiċċaw f’ sitwazzjoni daqshekk drammatika huwa żgħir ħafna, din l-istorja fiha linjigwida mill-aktar importanti dwar kif aħna nistgħu nirċievu l-gwida tal-Ispirtu b’ mod aktar frekwenti.

L-ewwel, fejn tidħol rivelazzjoni, aħna għandna nintonaw ir-riċevitur tagħna mal-frekwenza tas-smewwiet. L-Uffiċjal Blair kien qed jgħix ħajja nadifa u fidila. Li kieku hu ma kienx ubbidjenti, huwa ma kienx ikollu l-kunfidenza spiritwali neċessarja biex jitlob kif huwa għamel ħalli l-vapur jitbiegħed mill-periklu u biex jirċievi gwida daqstant speċifika. Aħna lkoll għandna nagħmlu l-isforz li nġibu ħajjitna f’ armonija mal-kmandamenti ta’ Alla sabiex inkunu nistgħu nħalluh imexxina Hu.

Xi kultant aħna ma nkunux nistgħu nisimgħu s-sinjal li jkun qed jingħata lilna mis-smewwiet għaliex ma nkunux denji. L-indiema u l-ubbidjenza huma l-mod biex aħna nerġgħu niksbu komunikazzjoni ċara. Il-kelma li tintuża fit-Testment il-Qadim għal kelma indem tfisser “tħalliha warajk” jew “tagħtiha dahrek.”7 Meta tħossukom ‘il bogħod minn Alla, kulma tridu huwa biss li tieħdu deċiżjoni li tħallu warajkom id-dnub, u tħarsu dritt lejn is-Salvatur, fejn issibuh jistenniekom, b’ dirgħajh miftuħa. Huwa jinsab ħerqan biex jiggwidakom, u intom tinsab biss talba ‘l bogħod milli terġgħu tirċievu dik il-gwida.8

It-tieni, l-Uffiċjal Blair mhux sempliċiment talab lill-Mulej biex jirrisolvilu l-problema tiegħu. Huwa talab x’ seta’ jagħmel hu biex ikun parti mis-soluzzjoni. Bl-istess mod aħna nafu nistaqu, “Mulej, x’ jeħtieġ nagħmel biex jiena nkun parti mis-soluzzjoni?” Meta aħna nitolbu lill-Mulej, minflok fit-talb tagħna ma noqogħdu nsemmu l-problemi kollha tagħna biex Huwa jsolvihomna, aħna għandna nfittxu modi aktar proattivi kif nistgħu nirċievu l-għajnuna tal-Mulej u nikkommettu ruħna li naġixxu skont il-gwida tal-ispirtu.

Hemm ukoll it-tielet lezzjoni importanti fl-istorja tal-Uffiċjal Blair. Kien possibli li huwa jitlob b’ assigurazzjoni daqstant kalma li kieku huwa ma kienx irċieva qabel il-gwida mingħand l-Ispirtu f’ numru ta’ okkażjonijiet? Il-ħin li fih huma ntlaqtu bit-tifun żgur ma kienx ħin li fih hu joqgħod jitgħallem iħaddem id-don tal-Ispirtu s-Santu u jipprova jara kif jużah. Dan iż-żagħżugħ kien bla dubju qed isegwi metodu li kien uża diversi drabi qabel, inkluż meta huwa kien missjunarju full-time. Aħna neħtieġu l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħna meta l-baħar ikun kalm ħalli aħna mill-ewwel nagħrfu leħnu f’ nofs it-tempesta qalila.

Xi wħud jafu jaħsbu li aħna m’għandniex nistennew li kuljum niġu ggwidati mill-Ispirtu għaliex “mhux sewwa li Alla għandu jikkmandana f’ kollox,” ma mmorux nispiċċaw qaddejja għażżenin.9 Din l-iskrittura, madankollu, ġiet mogħtija lil xi missjunarji tal-ewwel żminijiet li talbu lil Joseph Smith biex jikseb rivelazzjoni li setgħu rċevew huma stess. Fil-vers ta’ qabel, il-Mulej qalilhom biex imorru fl-għalqa tal-missjoni “hekk kif huma jiddiskutu bejniethom u miegħi.” 10

Dawn il-missjunarji riedu rivelazzjoni speċifika dwar il-pjanijiet tal-vjaġġ tagħhom. Kienu għadhom ma tgħallmux ifittxu huma stess id-direzzjoni tagħhom fi ħwejjeġ personali. Il-Mulej sejjaħ din l-attitudni kif fil-fatt kienet: għażż. Il-membri tal-Knisja tal-ewwel żminijiet probabbilment tant kienu ferħana li kellhom magħhom profeta veru li huma kienu jinsabu fil-periklu li jonqsu li jifhmu kif huma stess setgħu jirċievu rivelazzjoni. Li tkun taf kif tfendi għal rasek spiritwalment ifisser li tisma’ leħen il-Mulej permezz tal-Ispirtu Tiegħu għal ġid tiegħek innifsek.

Alma ta’ dan il-parir lil ibnu “Iddiskuti mal-Mulej f’ dak kollu li tagħmel.”11 Li nistgħu ngħixu b’ dan il-mod—dik li ħafna drabi insejħula “ngħixu permezz tal-Ispirtu”—huwa privileġġ kbir. Iwassal għal sens ta’ kalma u ċertezza kif ukoll biex aħna niksbu frott l-Ispirtu bħall-imħabba, il-ferħ u l-paċi.12

L-abbiltà tal-Uffiċjal Blair li jirċievi rivelazzjoni wasslet biex salvat lilu u lil sħabu l-baħħara minn tempesta qalila. Fi żmienna llum nistgħu naraw madwarna tipi oħra ta’ tempesti mill-aktar qliel. Il-parabbola tas-siġra tal-ħajja li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon13 tipprovdilna immaġni mill-aktar qawwija kif aħna nistgħu niksbu s-sigurtà spiritwali f’ dinja bħal din. Din il-ħolma tiddeskrivi dalma ċpar li tfeġġ biex twassal il-qerda spiritwali lill-membri tal-Knisja li jkunu jinsabu mexjin fi triqthom lura lejn Alla.14

Il-Ħolma ta’ Leħi

Meta nikkontempla din l-immaġni, jiena nimmaġina f’ moħħi folla nies mexjin f’ dik il-mogħdija, xi wħud jiggranfaw b’ idhom il-bastun tal-ħadid, iżda ħafna oħrajn sempliċiment jimxu wara n-nies ta’ quddiemhom. L-aħħar atteġġjament ma jeħtieġx wisq ħsieb jew sforz. Tistgħu sempliċiment tagħmlu u taħsbu dak li qed jagħmel u jaħseb ħaddieħor. Dan l-atteġġjament jaf jidher tajjeb sakemm it-temp huwa xemxi. Iżda l-maltempati tal-qerq u ċ-ċpar tal-falsità jafu jitfaċċaw f’ ħajjitna mingħajr ebda twissija. F’ dawn is-sitwazzjonijiet, li nkunu familjari ma’ leħen l-Ispirtu s-Santu hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt spiritwali.

Il-wegħda qawwija ta’ Nefi hi li “kull min jagħti kas tal-kelma ta’ Alla, u … jżomm sod magħha … qatt ma jinqered; lanqas it-tentazzjoni u l-vleġeġ kollha nar tal-avversarju ma jwassluhom biex jagħmew, sabiex iwassluhom għall-qerda.”15

Li fil-mogħdija intom timxu wara l-passi tan-nies ta’ quddiemkom mhux biżżejjed. Ma nistgħux sempliċiment nagħmlu u naħsbu dak li qed jagħmel u jaħseb ħaddieħor; aħna għandna ngħixu ħajja ggwidata. Ilkoll kemm aħna għandu jkollna jdejna dejjem mal-bastun tal-ħadid. Imbagħad għandna mmorru għand il-Mulej b’ kunfidenza umli, nafu li Huwa “se jaqbadna minn idejna u jmexxina u se jisma’ talbna.”16 F’ isem Ġesù Kristu, amen.