2010-2019
L-imħabba Safja: Il-Veru Sinjal ta’ Kull Dixxiplu Veru ta’ Ġesù Kristu.
April 2018


L-imħabba Safja: Il-Veru Sinjal ta’ Kull Dixxiplu Veru ta’ Ġesù Kristu.

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa bbażat fuq l-imħabba tal-Missier u s-Salvatur għalina u l-imħabba tagħna lejhom u lejn xulxin.

Aħna nħobbu u nimmissjaw lill-President Thomas S. Monson, u aħna nħobbu u nsostnu lill-President Russell M. Nelson. Il-President Nelson għandu post speċjali f’ qalbi.

Meta jiena kont għadni missier żagħżugħ, it-tifel iż-żgħir tagħna, li kellu ħames snin, darba waħda ġie d-dar mill-iskola u staqsa lil ommu, “Missieri x’ tip ta’ xogħol jagħmel?” Imbagħad huwa spjega li sħabu l-ġodda fil-klassi bdew jitkellmu dwar ix-xogħol li jagħmel missierhom. Wieħed minnhom qal li missieru kien kok tal-pulizija tal-belt, filwaqt li ieħor, bi kburija ddikjara li missieru kien il-kap ta’ kumpanija kbira.

Għalhekk staqsewh dwar missieru, ibni sempliċiment wieġeb, “Missieri jaħdem ġo uffiċċju fuq il-kompjuter.” Imbagħad, meta nnota li t-tweġiba tiegħu ma tantx kienet impressjonat lil sħabu l-ġodda, huwa kompla, “Però, missieri huwa l-kap tal-univers.”

Nimmaġina li l-konverżazzjoni li kellhom waqfet hemmhekk.

Jiena għedt lil marti, “Wasal iż-żmien li ngħallmuh aktar dettalji mill-pjan tas-salvazzjoni u min hu verament fuq kulħadd.”

Iżda hekk kif aħna bdejna ngħallmu l-pjan tas-salvazzjoni lil uliedna , l-imħabba tagħhom lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn is-Salvatur bdiet tikber meta huma bdew jitgħallmu li huwa pjan ta’ mħabba. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa bbażat fuq l-imħabba tal-Missier u s-Salvatur għalina u l-imħabba tagħna lejhom u lejn xulxin.

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland qal: “L-ewwel kmandament kbir fl-eternità kollha hu li nħobbu lil Alla b’ qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’ moħħna kollu—dak huwa l-ewwel kmandament kbir. Iżda l-ewwel verità kbira fl-eternità kollha hi li Alla jħobbna lkoll b’ qalbu kollha, b’ moħħu kollu u bil-qawwa u s-setgħa Tiegħu kollha. Dik l-imħabba hija l-blata tal-pedament tal-eternità, u għandha tkun il-blata tal-pedament tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.”1

Bħala l-blata tas-sisien tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, l-imħabba safja hija meħtieġa minn kull dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.

Il-profeta Mormon għallem, “Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”2

L-imħabba verament hija s-sinjal veru ta’ kull dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.

Il-veri dixxipli jħobbu jservu. Huma jafu li meta huma jaqdu lil ħaddieħor huma jkunu qed jesprimu l-imħabba vera tagħhom u jwettqu patt li huma għamlu fil-magħmudija.3Hi x’inhi s-sejħa tagħhom fil-Knisja jew l-irwol tagħhom fil-komunità, huma jħossu fihom xewqa akbar li jħobbu u jaqdu lill-Mulej u lil xulxin.

Il-veri dixxipli jħobbu jaħfru. Huma jafu li l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur jagħmel tajjeb għad-dnubiet u l-iżbalji kollha ta’ kull wieħed u waħda minna.Huma jafu li l-prezz li Huwa ħallas “jinkludi fih kollox.” Jagħmel tajjeb għat-taxxi, għall-pagamenti, għall-kummissjonijiet kollha u l-ħlas kollu relatat mad-dnubiet, mal-iżbalji jew man-nuqqasijiet tagħna. Il-veri dixxipli jsibuha faċli li jaħfru u faċli li jitolbu maħfra.

Għeżież ħuti, jekk intom qed issibuha diffiċli biex issibu l-qawwa li taħfru, toqogħdux taħsbu x’ għamlilkom ħaddieħor iżda aħsbu x’ għamel għalikom is-Salvatur, u intom issibu l-paċi fil-barkiet feddejja tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Il-veri dixxipli jħobbu jissottomettu lilhom infushom lill-Mulej bil-paċi f’ qalbhom. Huma umli u sottomessi għaliex iħobbuh. Huma għandhom il-fidi li jaċċettaw b’ mod sħiħ ir-rieda Tiegħu, mhux biss f’ dak li jagħmel iżda wkoll skont il-mod u l-ħin Tiegħu. Il-veri dixxipli jafu li l-veri barkiet mhumiex dejjem dak li jridu huma iżda pjuttost dak li jrid għalihom il-Mulej.

Il-veri dixxipli jħobbu lill-Mulej aktar milli jħobbu d-dinja u huma determinati u sodi fil-fidi tagħhom. Huma jibqgħu sodi u fermi f’ dinja konfuża li dejjem tinbidel. Il-veri dixxipli jħobbu jisimgħu l-leħen tal-Ispirtu u tal-profeti u ma jħallux l-ilħna tad-dinja jħawduhom. Il-veri dixxipli jħobbu “jieqfu f’ postijiet qaddisa”4 u jħobbu jqaddsu l-postijiet li jkunu fihom. Kull fejn imorru, huma jwasslu l-imħabba tal-Mulej u l-paċi f’ qalb ħaddieħor. Il-veri dixxipli jħobbu jobdu l-kmandamenti tal-Mulej u huma jobdu għaliex iħobbu lill-Mulej. Hekk kif huma jħobbu u jżommu l-patti tagħhom, qalbhom tiġġedded u l-istess natura tagħhom tinbidel.

L-imħabba safja hija s-sinjal veru ta’ kull dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.

Jiena tgħallimt dwar din l-imħabba safja mingħand ommi. Hija ma kenitx membru tal-Knisja.

Darba waħda, bosta snin ilu, jiena mort inżur lil ommi, li kienet qed tiġġieled il-marda tal-kanċer. Kont naf li hija kienet se tmut, iżda jiena kont qed ninkwieta li kienet qed issofri. Jiena m’għedt xejn, iżda peress li lili kienet tafni sewwa, hija qaltli, “Qed narak imħasseb.”

Imbagħad, b’sorpriża għalija, hija staqsietni b’ leħen fraġli, “Tista’ tgħallimni kif nitlob? Irid nitlob miegħek. Jiena naf li tibda billi l-ewwel tgħid ‘Għażiż Missierna tas-Smewwiet,’ iżda mbagħad x’ għandi ngħid?”

Hekk kif inżilt għarkupptejja ħdejn is-sodda tagħha u hija talbet għalija, l-imħabba li jien ħassejt qatt ma ħassejt bħalha qabel. Kienet imħabba sempliċi, vera u safja. Għalkemm ma kenitx taf dwar il-pjan tas-salvazzjoni, hija kellha f’ qalbha il-pjan personali tagħha ta’ mħabba, il-pjan ta’ mħabba ta’ omm għal binha. Hija kienet muġugħa, saħansitra bilkemm kelllha saħħa titlob.Bilkemm stajt nisma’ leħinha, iżda bla dubju stajt inħoss l-imħabba tagħha.

Niftakar li f’ moħħi bdejt ngħid, “Kif jista’ xi ħadd li jinsab daqstant muġugħ jitlob għal ħaddieħor? Kienet hija l-persuna li kienet verament fil-bżonn.”

Imbagħad feġġet b’ ċarezza f’ moħħi din it-tweġiba: l-imħabba safja. Hija tant kienet tħobbni li nsiet lilha nnifisha.Fl-aktar siegħa diffiċli tagħha, hija kienet tħobbni aktar milli kienet tħobb lilha nnifisha.

Issa, għeżież ħuti, dan mhuwiex preċiżament dak li għamel is-Salvatur? Bla dubju, f’ perspettiva eterna u ferm aktar wiesgħa. Iżda fil-mument li kien qed isofri uġigħ tant kbir, dak il-lejl fil-ġnien, Huwa kien Dak li verament kien jeħtieġ l-għajnuna, hekk kif kien qed isofri b’ mod li aħna lanqas biss nistgħu nimmaġinaw jew nifhmu. Iżda finalment, Huwa nesa s-sofferenza Tiegħu u talab għalina sakemm ħallas il-prezz kollu. Huwa kif irnexxielu jagħmel dan? Minħabba l-imħabba safja Tiegħu għall-Missier, li bagħtu, u l-imħabba Tiegħu għalina. Huwa ħabb lill-Missier u lilna aktar minnu nnifsu.

Huwa patta għal xi ħaġa li Hu m’għamilx. Huwa patta għal dnubiet li Hu ma wettaqx. Għalfejn? L-imħabba safja. Peress li ħallas il-prezz sħiħ, Huwa kien f’ pożizzjoni li joffrilna l-barkiet ta’ dak li Hu ħallas għalih, dejjem jekk aħna nindmu. Għaliex Huwa offrielna dan kollu? Għal darb’oħra, u dejjem, imħabba safja.

L-imħabba safja hija l-veru sinjal ta’ kull dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.

Il-President Thomas S. Monson qal: “Jalla nibdew issa, sewwasew mil-lum, nesprimu l-imħabba tagħna lejn ulied Alla kollha, kemm jekk huma membri tal-familja tagħna, ħbieb tagħna, nies li nafuhom xi ftit kif ukoll nies li lanqas biss nafuhom. Hekk kif inqumu kull filgħodu, ejjew niddeterminaw li nirrispondu b’ imħabba u ġentilezza għal dak kollu li niltaqgħu miegħu f’ ħajjitna.”5

Ħuti, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ mħabba. L-akbar kmandament huwa dwar l-imħabba. Għalija, il-qofol ta’ kollox hija l-imħabba. L-imħabba tal-Missier, li ssagrifika lil Ibnu għalina. L-imħabba tas-Salvatur, li ssagrifika kollox għalina. L-imħabba ta’ omm jew missier li jissagrifikaw kollox għal uliedhom. L-imħabba ta’ dawk li jservu fis-skiet u li mhux magħrufin minn ħafna minna iżda li huma magħrufin sew mill-Mulej. L-imħabba ta’ dawk li jaħfru lil kulħadd dejjem. L-imħabba ta’ dawk li jagħtu aktar milli jirċievu.

Jiena nħobb lil Missieri tas-Smewwiet. Jiena nħobb lis-Salvatur tiegħi. Jiena nħobb l-evanġelju. Jiena nħobb din il-Knisja. Jiena nħobb lill-familja tiegħi. Jiena nħobb din il-ħajja sabiħa. Għalija, il-qofol ta’ kollox hija l-imħabba.

Jalla għal kull wieħed u waħda minna dan il-jum ta’ tifkira tal-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur ikun għalina jum ta’ tiġdid spiritwali. Jalla dan il-jum ikun għalina l-bidu ta’ ħajja mimlija mħabba, “il-blata tal-pedament tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.”

Jalla qalbna tkun mimlija bl-imħabba safja ta’ Kristu, is-sinjal veru ta’ kull dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu. Din hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.