Ministeru Ispirat
L-aqwa mod kif aħna nistgħu nirċievu l-Ispirtu s-Santu huwa meta aħna niffokaw fuq il-ħidma tagħna li nservu lil ħaddieħor. Hu għalhekk li aħna għandna r-responsabbiltà tas-saċerdozju li nservu f’ isem is-Salvatur.
Għeżież ħuti, jiena grat għall-privileġġ li jiena għandi li nkellimkom hawnhekk f’ din il-konferenza ġenerali storika. Aħna sostnejna lill-President Russell M. Nelson bħala s-17-il l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Hekk kif jiena kelli l-barka li naħdem kuljum miegħu, jiena ħassejt fija l-Ispirtu jikkonfermali li l-President Nelson hu msejjaħ minn Alla biex imexxi l-vera Knisja tal-Mulej.
Hija wkoll ix-xhieda tiegħi li l-Mulej sejjaħ lill-Presbiteru Gerrit W. Gong u lill-Presbiteru Ulisses Soares biex huma jservu bħala membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Jiena nħobbhom u nsostnihom. Permezz tal-ministeru tagħhom, huma se jbierku għadd ta’ ħajjiet madwar id-dinja u nies minn kull ġenerazzjoni.
Madankollu hemm raġuni oħra għalfejn din il-konferenza hija waħda storika.Il-President Nelson ħabbar pass ispirat ‘il quddiem fil-pjan organizzat tal-Mulej għall-Knisja Tiegħu. Dak il-pjan jinkludi fih struttura ġdida għall-kwora tas-saċerdozju fl-oqsma u fl-utied biex aħna nkunu nistgħu nwettqu aħjar ir-responsabbiltajiet tagħna tas-saċerdozju. Dawk ir-responsabbiltajiet għandhom kollha x’ jaqsmu mal-mod kif bħala nies li nħaddnu s-saċerdozju aħna nieħdu ħsieb ta’ wlied Missierna.
Il-pjan tal-Mulej għall-Qaddisin Tiegħu, biex b’ imħabba jipprovdilhom l-għajnuna, ħa diversi forom differenti matul is-snin.Fl-ewwel żminijiet ġewwa Nauvoo, il-Profeta Joseph Smith kellu bżonn ta’ mod organizzat kif seta’ jieħu ħsieb in-numru kbir ta’ membri tal-Knisja ġodda, li kienu verament foqra u fil-bżonn, li kienu qed jaslu fil-belt. Fosthom kien hemm erbgħa mill-bużnanniet tiegħi—l-Eyrings, il-Bennions, ir-Romneys u s-Smiths. Il-Profeta organizza mod kif il-membri setgħu jieħdu ħsieb lil dawk il-Qaddisin skont il-post li fih huma kienu qed joqogħdu. Ġewwa l-istat ta’ Illinois dawk id-diviżjonijiet tal-belt kienu jissejħu “oqsma.”
Hekk kif il-Qaddisin bdew jaqsmu l-pjanuri, il-mod organizzat kif huma bdew jieħdu ħsieb xuxlin bdew isejħulu “kumpaniji.” Wieħed mill-bużnanniet tiegħi, min-naħa ta’ missieri, kien għadu kif wasal lura mill-missjoni tiegħu meta huwa ltaqa’ ma’ waħda minn dawk il-kumpaniji li kienet qed tivvjaġġa fil-post li llum huwa magħruf bħala Oklahoma. Huwa tant kien qed iħossu dgħajjef, minħabba l-mard, li hu u sieħbu spiċċaw mteddew fuq daharhom ġewwa l-karru żgħir tar-roti.
Il-mexxej tal-kumpanija bagħat żewġ tfajliet biex jgħinu f’ dak kollu li kien hemm bżonn f’ dak il-karru abbandunat.Waħda minnhom, sister żagħżugħa li kienet ikkonvertiet ġewwa l-Isvizzera, ħarset lejn wieħed mill-missjunarji u ħasset fiha kompassjoni. Huwa ġie salvat mill-membri ta’ dik il-kumpanija ta’ Qaddisin. Huwa rkupra biżżejjed biex kompla sejjer bil-pass il-kumplament tat-triq lejn il-Wied ta’ Salt Lake, fejn kompla jimxi t-triq flimkien mat-tfajla żagħżugħa li kienet għadha kif salvatu. Huma t-tnejnsaru jħobbu lil xulxin u żżewġu. Huwa sar il-bużnannu tiegħi Henry Eyring, u hija saret il-bużnanna tiegħi Maria Bommeli Eyring.
Snin wara, meta n-nies kienu staqsewha dwar id-diffikultà kbira li ħabbtu wiċċhom magħha meta huma qasmu l-kontinent, hija wieġbet, “U le, ma kenitx diffiċli. Waqt li konna qed nimxu, aħna għaddejna t-triq kollha nitkellmu dwar x’ miraklu verament kien li t-tnejn li aħna rnexxielna nsibu l-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu. Kien l-aktar żmien ta’ ferħ li jiena niftakar.”
Minn dak iż-żmien sal-lum, il-Mulej uża varjetà sħiħa ta’ modi li permezz tagħhom Huwa għen lill-Qaddisin Tiegħu jieħdu ħsieb xulxin. Issa Huwa berikna bi kwora aktar b’ saħħithom u magħqudin f’ livell tal-qasam u tal-wited—kwora li jaħdmu f’ koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet kollha tal-qasam.
L-oqsma muniċipali, il-kumpaniji u l-kwora msaħħin, kollha kemm huma, kienu jeħtieġu tal-anqas żewġ affarijiet biex jirnexxu skont l-intenzjoni tal-Mulej lijara li l-Qaddisin Tiegħu jieħdu ħsieb xulxin bil-mod li jieħu ħsiebhom Hu. Huma jirnexxu meta l-Qaddisin iħossu fihom l-imħabba ta’ Kristu għal xulxin aktar milli l-interess personali tagħhom. L-iskrittura dan issejjaħlu “karità … l-imħabba pura ta’ Kristu” (Moroni 7:47). U huma jirnexxu meta l-Ispirtu s-Santu jiggwida lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb lil ħuthom, biex huma jkunu jafu x’ inhu dak li l-Mulej jaf li huwa l-aħjar għal dik il-persuna li Huwa qed jipprova jgħin.
Diversi drabi f’ dawn l-aħħar ġimgħat, il-membri tal-Knisja aġexxew fil-preżenza tiegħi bħallikieku huma antiċipaw x’ kien se jagħmel il-Mulej, kif ġie mħabbar illum. Ippermettuli nagħtikom biss żewġ eżempji ta’ dan. L-ewwel, diskors sempliċi waqt laqgħa sagramentali minn għalliem ta’ 14-il sena fis-Saċerdozju Aroniku li jifhem x’ jistgħu jwettqu dawk li jħaddnu s-saċerdozju fis-servizz tagħhom f’ isem il-Mulej. It-tieni, wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku li, bl-imħabba ta’ Kristu, ħassu ispirat li jmur iservi familja.
L-ewwel ippermettuli ngħidilkom x’ qal dak iż-żagħżugħ li kien qed jitkellem waqt il-laqgħa sagramentali tal-qasam. Jiena kont ninsab hemm. Ippruvaw ftakru meta intom stess kellkom 14-il sena u araw jekk taħsbux li huwa jaf ferm aktar milli wieħed jistenna minn żagħżugħ tal-età tiegħu:
“Verament kien ta’ pjaċir għalija li jiena nifforma parti mill-kworum tal-għalliema fil-qasam tagħna, li meta s-sena l-oħra jien għalaqt 14-il sena sirt membru fih. Għalliem xorta waħda għandu r-responsabbiltajiet kollha li għandu djaknu bid-differenza li magħhom jiżdiedu xi oħrajn ġodda.
“Peress li xi wħud minna huma għalliema, oħrajn fostna għadhom qed jitħejjew biex isiru għalliema, u kull membru tal-Knisja huwa mbierek permezz tas-saċerdozju, għalhekk huwa importanti għalina lkoll li nkunu nafu aktar dwar id-dmirijiet ta’ għalliem.
“Qabel kollox, fid- Duttrina u Patti 20:53 hemm miktub “Id-dmir tal-għalliem hu li jħares dejjem lill-membri tal-knisja, u jkun magħhom u jsaħħahom.’
“Imbagħad, fid- Duttrina u Patti 20:54–55 hemm miktub:
“‘U araw li ma jkunx hemm għemejjel ħżiena fil-knisja, ma jkunx hemm ebusija ta’ qalb bejnietkom, u ma jkunx hemm gideb, zekzik jew kliem velenuż;
“U araw li l-membri tal-knisja jiltaqgħu flimkien ta’ spiss, u araw ukoll li l-membri kollha jagħmlu dmirhom.’”
Dan iż-żagħżugħ kompla:
“Il-Mulej qed jgħidilna li r-responsabbiltà tagħna mhijiex biss li nieħdu ħsieb il-Knisja iżda wkoll li nieħdu ħsieb in-nies li huma parti mill-Knisja bil-mod kif jieħdu ħsiebhom Kristu għaliex din hija l-Knisja Tiegħu. Jekk aħna qed nippruvaw inżommu l-kmandamenti, għandna nkunu twajbin bejnietna, inkunu onesti, inkunu ħbieb ta’ vera u ngawdu l-kumpanija ta’ xulxin, u mbagħad aħna nkunu kapaċi jkollna magħna l-Ispirtu u nkunu nistgħu nsiru nafu x’ iridna nagħmlu Missierna tas-Smewwiet. Jekk ma nagħmlux dan, mela aħna ma nistgħux nwettqu s-sejħa tagħna.”
Huwa kompla biex qal:
“Meta għalliem jagħżel li jagħti eżempju tajjeb billi jkun għalliem tad-dar tajjeb, billi jilqa’ lill-membri fil-knisja, iħejji s-sagrament, jgħin fid-dar u jkun wieħed li jġib il-paċi, huwa jkun qed jagħżel li jonora s-saċerdozju tiegħu u jwettaq is-sejħa tiegħu.
“Li nkunu għalliema tajbin ma jfissirx biss li nkun responsabbli biss meta nkunu fil-knisja jew fl-attivitajiet tal-Knisja. L-Appostlu Pawlu għallem, ‘Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa’ (1 Timotju 4:12).”
Imbagħad dan iż-żagħżugħ qal:
“Mhux importanti fejn ninsabu jew x’ qegħdin nagħmlu, għax aħna nistgħu nkunu ta’ eżempju tas-sewwa f’ kull ħin u f’ kull post.
“Jiena u missieri għalliema tad-dar tal-familja Brown.1 Kull darba li mmorru għandhom, jiena verament nieħu gost niltaqa’ magħhom u nsir nafhom aħjar. Ħaġa li jien verament inħobb dwar il-familja Brown hi li kull meta aħna mmorru għandhom, huma jkunu lesti li joqogħdu jisimgħuna u huma wkoll ikollhom stejjer vera tajbin x’ jaqsmu magħna.
“Meta aħna nsiru nafu tajjeb lin-nies fil-qasam tagħna, grazzi għat-tagħlim tad-dar, ikun aktar faċli li aħna nwettqu tajjeb id-dmir l-ieħor tagħna ta’ għalliem, li hu li nilqgħu lill-membri fil-knisja. Li n-nies iħossuhom milqugħin u parti minna fil-knisja jgħin lill-membri kollha tal-qasam iħossuhom maħbubin u mħejjijin biex jieħdu s-sagrament.
“Wara li huma jilqgħu lill-membri li jkunu ġew il-knisja, l-għalliema mbagħad kull nhar ta’ Ħadd jgħinu fit-tħejjija tas-sagrament.Jiena verament inħobb ngħaddi u nħejji s-sagrament f’ dan il-qasam għaliex kulħadd huwa verament riverenti. Jiena dejjem inħoss l-Ispirtu meta jiena nħejji u ngħaddi s-sagrament. Hija verament barka għalija li jiena nista’ nagħmel dan kull nhar ta’ Ħadd.
“Ċertu servizz, bħal meta aħna ngħaddu s-sagrament, huwa xi ħaġa li n-nies jistgħu jarawha b’ għajnejhom u huma jirringrazzjawna talli nagħmlu dan, iżda ċertu servizz ieħor, bħal meta aħna nħejju s-sagrament, ħafna drabi mwettquh mingħajr ma ħadd jinduna bih. Mhuwiex importanti jekk in-nies hux qed jarawna nservu; li hu importanti hu li l-Mulej jaf li aħna nkunu qed inservuh.
“Bħala għalliema, aħna għandna dejjem nippruvaw insaħħu lill-Knisja, lil sħabna u l-familja tagħna, billi nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna tas-saċerdozju. Mhux dejjem faċli, iżda l-Mulej ma jagħtina l-ebda kmandament mingħajr ‘ma l-ewwel huwa jħejji għalina mod kif nistgħu nwettqu dik il-ħaġa li huwa qed jitlobna nwettqu’ (1 Nephi 3:7).”
Hekk kif dan iż-żagħżugħ kien qed itemm id-diskors tiegħu, jiena komplejt nimmeravilja ruħi bil-maturità u l-għerf tiegħu. Huwa għalaq billi qal, “Jiena naf li aħna nistgħu nitjiebu jekk aħna nagħżlu li nimxu wara Ġesù Kristu.”
Storja oħra ta’ servizz saċerdotali ġiet rakkontata xahar ilu waqt laqgħa sagramentali tal-qasam. Għal darb’oħra, jiena kont preżenti. F’ dan il-każ partikolari, ir-raġel, li kien ilu żmien sew iħaddan s-Saċerdozju Melkisedeku, ma kienx konxju, waqt li kien qed jitkellem, li huwa kien qed jiddeskrivi eżattament dak li l-Mulej jixtieq li jseħħ hekk kif jissaħħu l-kwora tas-saċerdozju. Dan huwa bejn wieħed u ieħor dak li huwa qal:
Dan ir-raġel flimkien ma’ sieħbu fit-tagħlim tad-djar ġew assenjati biex iservu seba’ familji. Kważi ħadd minnhom ma ried min iżurhom. Meta l-għalliema tad-dar marru fl-appartamenti tagħhom, huma rrifjutaw li jiftħulhom il-bieb. Meta huma ċemplulhom bit-telefon, ħadd ma wieġeb. Meta huma ħallewlhom messaġġ, ħadd ma bagħtilhom ieħor lura. Dan is-sieħeb anzjan finalment iddeċieda li bħala parti mill-ministeru tiegħu jiktbilhom ittra. Huwa saħansitra anke beda juża envelops ta’ kulur isfar jgħajjat bit-tama li huma jwieġbu.
Waħda minn dawn is-seba’ familji kienet waħda sister single anqas attiva li kienet emigrat mill-Ewropa. Hija kellha żewġt itfal żgħar.
Wara bosta attentati biex jikkuntattjawha, huwa rċieva messaġġ bil-mowbajl. Hija sempliċiment infurmatu li kellha wisq x’ tagħmel biex tkun tista’ tiltaqa’ mal-għalliema tad-dar.Hija kienet taħdem żewġ impjiegi kif ukoll kienet fil-militar. L-impjieg ewlieni tagħha kien bħala uffiċjal tal-pulizija, u bħala karriera, l-għan tagħha kien li ssir ditektif u mbagħad terġa’ lura lejn pajjiżha u tkompli taħdem hemmhekk.
L-għalliem tad-dar qatt ma rnexxielu jmur iżurha fid-dar tagħha.Huwa kompla kull tant żmien jibgħatilha xi messaġġ. Kull xahar huwa kien jibgħat ittra miktuba bl-idejn, u magħha kien jehmeż xi kartolina sabiħa għal kull wieħed mit-tfal tagħha.
Huwa xorta baqa’ ma rċieva l-ebda tweġiba. Iżda hija kienet taf min kienu l-għalliema tagħha tad-dar, kif setgħet tikkuntattjahom u li huma kienu rġiel li jibqgħu jippersistu fis-servizz tagħhom saċerdotali.
Imbagħad, jum fost l-oħrajn, huwa rċieva messaġġ urġenti mingħandha. Hija kienet verament teħtieġ l-għajnuna. Hija ma kenitx taf minn kien l-isqof, iżda kienet taf min kienu l-għalliema tagħha tad-dar.
Fi ftit jiem, hija kellha tħalli l-istat biex tmur xahar sħiħ fuq eżerċizzju ta’ taħriġ militari. Hija ma setgħetx tieħu lil uliedha magħha. Ommha, li kellha tieħu ħsieb uliedha, kienet għadha kif telqet lejn l-Ewropa biex tieħu ħsieb żewġha, li kellu emerġenza ta’ saħħa.
Din l-oħt single anqas attiva kellha biżżejjed flus biex tixtri biljett lejn l-Ewropa għat-tifel iż-żgħir tagħha iżda mhux għat-tifel tagħha ta’ 12-il sena, Eric.2 Hija staqsiet lill-għalliem tagħha tad-dar jekk huwa setax isib xi familja twajba tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex iżommu magħhom id-dar lil Eric għat-30 ġurnata ta’ wara.
L-għalliem tad-dar weġibha b’ messaġġ li huwa kien se jagħmel dak li jista’. Imbagħad huma kkuntattja lill-mexxejja tiegħu tas-saċerdozju. L-isqof, li kien il-qassis il-kbir li jippresedi, approva li huwa jmur jistaqsi lill-membri tal-kunsill tal-qasam, fosthom lill-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna.
Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna malajr sabet erba’ familji Qaddisin tal-Aħħar Jiem twajbin, li kellhom tfal li kienu l-età ta’ Eric, li setgħu jeħduh id-dar tagħhom ġimgħa kull wieħed. Fix-xahar ta’ wara, dawn il-familji temgħu lil Eric, sabulu kamra fl-appartamenti tagħhom, li diġà kienu mimlija sa ruħ ommhom, jew fid-djar żgħar tagħhom, ħaduh magħhom għall-attivitajiet tas-sajf li kienu diġà ppjanaw mal-familja, ħaduh magħhom il-knisja, u inkludewh fil-lejla d-dar tagħhom mal-familja, eċċ.
Il-familji li kellhom tfal l-età ta’ Eric inkludewh ukoll fil-laqgħat u l-attivitajiet tagħhom tal-kworum tad-djakni. Tul dawn it-30 jum, Eric attenda l-Knisja kull nhar ta’ Ħadd għall-ewwel darba f’ ħajtu.
Wara li ommu ġiet lura mit-taħriġ tagħha, Eric kompla jattendi l-knisja, normalment ma’ xi waħda minn dawn l-erba’ familji voluntiera Qaddisin tal-Aħħar Jiem jew inkella ma’ xi membri oħra li għamlu ħbieb miegħu, fosthom l-għalliema taż-żjajjar ta’ ommu. Maż-żmien, huwa ġie ordnat djaknu u beda regolarment jgħaddi s-sagrament.
Issa ejjew nagħtu ħarsa lejn il-futur ta’ Eric. Aħna żgur ma nkunux sorpriżi jekk huwa jsir mexxej fil-Knisja fil-pajjiż li ġejja minnu ommu meta l-familja tiegħu jerġgħu lura hemmhekk—u dan grazzi għal grupp ta’ Qaddisin li ħadmu flimkien f’ unità, taħt id-direzzjoni tal-isqof, fejn servew b’ riżultat tal-karità li kellhom f’ qalbhom u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Aħna nafu li l-karità hija essenzjali għalina biex aħna nkunu nistgħu nsalvaw fis-saltna ta’ Alla. Moroni kiteb, “Jekk intom ma jkollkomx il-karità intom bl-ebda mod ma ssalvaw fis-saltna ta’ Alla” (Moroni 10:21; ara wkoll Ether 12:34).
Aħna nafu wkoll li l-karità hija don li jingħata lilna wara li nkunu għamilna l-almu tagħna kollu. Aħna għandna “nitolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbna, sabiex inkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu” (Moroni 7:48).
Jiena naħseb li l-aqwa mod kif aħna nistgħu nirċievu l-Ispirtu s-Santu huwa meta aħna niffokaw fuq li nservu lil ħaddieħor. Huwa għalhekk li aħna għandna r-responsabbiltà tas-saċerdozju li nservu f’ isem is-Salvatur. Meta aħna naħdmu biex inservu lil ħaddieħor, aħna nibdew naħsbu anqas dwarna nfusna, u l-Ispirtu s-Santu jkun aktar lest li jiġi jżurna u jgħinna fit-tfittxija tagħna biex f’ ħajjitna aħna jkollna d-don tal-karità mogħti lilna.
Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li l-Mulej diġà beda jagħmel pass kbir ‘il quddiem fil-pjan Tiegħu għalina biex aħna nsiru saħansitra aktar ispirati u karitattevoli fis-servizz tal-ministeru saċerdotali tagħna.Jiena grat għall-imħabba Tiegħu, li Huwa jagħtina b’ tant ġenerożità. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.