2010-2019
Kristu l-Mulej Illum Qam mill-Imwiet
April 2018


Kristu l-Mulej Illum Qam mill-Imwiet

Illum Ħadd il-Għid. B’ qima u b’ solennità jiena nixhed dwar Kristu l-ħaj—Huwa li “miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum.”

Għeżież ħuti, meta t-tfal tagħna kienu għadhom żgħar, jien kont noqgħod ngħidilhom l-istejjer ta’ qabel jorqdu dwar il-ġriewi tal-kaċċa u kont ukoll noqgħod niħħammja għanjiet għal qabel l-irqad, fosthom “Kristu l-Mulej Illum Qam mill-Imwiet.”1 Xi kultant jiena kont nieħu gost nibdel il-kliem: Issa wasal il-ħin li tmur torqod—hallelujah. Normalment it-tfal tagħna ma kinux idumu wisq biex jorqdu; jew għallinqas kienu jafu li jekk jien kont naħseb li huma jkunu raqdu, jiena kont nieqaf inkanta.

L-ebda kliem—għalinqas il-kliem tiegħi—ma jista’ jagħmel ġieħ biżżejjed għas-sentiment tal-għaġeb li jiena ħassejt meta l-President Russell M. Nelson, b’ imħabba, żammli jdejja f’ idejh, bl-għażiża tiegħi Susan ħdejja, u estednieli din is-sejħa sagra mingħand il-Mulej li ħallietni ċċassat għax ma kontx qed nistennieha u minħabba fiha għaddejt ħafna mumenti f’ dawn l-aħħar jiem nikbi bil-ferħ.

Dan Ħadd il-Għid, jiena se nkanta bil-ferħ, “Alleluia.” L-għanja tal-imħabba feddejja tas-Salvatur tagħna mqajjem mill-imwiet2 tiċċelebra l-armonija tal-patti (li jgħaqqduna ma’ Alla u ma’ xulxin) u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu (li tgħinna ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nisimgħu mill-istigazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu3).

Flimkien, il-patti tagħna u l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna jqawwuna u jagħmluna aktar nobbli. Flimkien, jgħinuna nibqgħu sodi u nħallu warajna l-ħażen. Flimkien, huma jsaffu, jippreservaw, iqaddsu u jifdu.

Il-Profeta Joseph Smith qal: “Għal xi wħud jaf jidher li hija duttrina pjuttost xi ftit kuraġġjuża żżejjed li aħna nitkellmu dwar—qawwa li tirreġistra jew torbot fid-dinja u torbot fis-smewwiet. Madankollu, fiż-żminijiet kollha tad-dinja, kull darba li l-Mulej ta dispensazzjoni tas-saċerdozju lil kwalunkwe bniedem, din il-qawwa minn dejjem ġiet mogħtija wkoll lilhom.”4

U l-istess illum. Il-patti u l-ordinanzi sagri, li ma nsibuhom imkien aktar, nistgħu nirċevuhom f’ 159 dar imqaddsa tal-Mulej fi 43 pajjiż differenti. Il-barkiet imwiegħda niksbuhom permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrat u tad-duttrina u l-awtorità rrestawrata, li jirriflettu l-fidi u l-ubbidjenza tagħna u l-wegħdiet tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu għalina fil-ġenerazzjonijiet tagħna, f’ din il-ħajja u fl-eternità.

Għeżież ħuti f’ kull ġens, razza u lsien madwar din il-Knisja dinjija tagħna, aħna nirringrazzjawkom għall-fidi, għat-tama u l-karità ħajja tagħkom f’ dak kollu li intom tagħmlu.Grazzi talli sirtu ġabra ta’ nies b’ testimonjanza u esperjenza kbira tal-evanġelju rrestawrat.

Għeżież ħuti, aħna nappartjenu lil xulxin. Aħna nistgħu “norbtu qlubna flimkien f’ għaqda u fi mħabba”5 f’ kull ħaġa u f’ kull post.6 Hekk kif il-Mulej Ġesù Kristu jistieden lil kull wieħed u waħda minna, ninsabu fejn ninsabu, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, jekk jogħġobkom “ejjew u araw.”7

Illum jiena b’ umiltà nwiegħed l-enerġija u l-fakultà kollha ta’ ruħi,8 jiġri x’ jiġri, lis-Salvatur tiegħi, lill-għażiża tiegħi Susan u lill-familja tagħna, lil Ħuti u lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħuti.

Kull ħaġa tajba u eterna hija ċċentrata fuq ir-realtà ħajja ta’ Alla l-Missier Etern tagħna li tant iħobbna u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, u l-Att tal-Fidwa Tiegħu, u jixhed għal dan kollu l-Ispirtu s-Santu.9 Illum Ħadd il-Għid. B’ qima u b’ solennità jiena nixhed dwar Kristu l-ħaj—Huwa li “miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema.”10 Huwa l-Alfa u l-Omega11—magħna fil-bidu, Huwa se jkun magħna sat-tmiem.

Jiena nixhed dwar il-profeti tal-aħħar jiem, mill-Profeta Joseph Smith sal-profeta għażiż tagħna l-President Russell M. Nelson, li lilu aħna b’ ferħ kbir insostnu. Kif ikantaw it-tfal tagħna tal-Primarja, “Imxu wara l-profeta; huwa jaf it-triq.”12 Jiena nixhed li, kif imbassar fl-iskrittura mqaddsa, inkluż fil-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu, “is-saltna tal-Mulej reġgħet għal darb’oħra ġiet imwaqqfa fid-dinja, bi tħejjija għat-Tieni Miġja tal-Messija.”13 Fl-isem imqaddes u sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.