2010-2019
Il-Profeti Jitkellmu bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu
April 2018


Il-Profeti Jitkellmu bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu

Li aħna għandna l-profeti huwa sinjal tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu. Huma jgħarrfuna bil-wegħdiet u l-vera natura ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, tinsabu fejn tinsabu, jien nixtieq nesprimi l-gratitudni sinċiera u profonda tiegħi għall-vot ta’ sosteniment li wrejtu lbieraħ. Minkejja li ma nħossnix elokwenti biżżejjed, anzi nħossni tqil f’fommi bħal Mosè, jiena nikkonsla fil-kliem li qallu l-Mulej:

“Min għamel fomm il-bniedem? Min għamel l-imbikkem, it-trux, u l-agħma u ‘l min jara? M’hux jien, il-Mulej?

“Mela issa mur, u jien inkun ma’ fommok u ngħallmek x’għandek tgħid” (Eżodu 4:11–12; ara wkoll vers 10).

Jien insib il-faraġ ukoll fl-imħabba u s-sapport tal-maħbuba marti. Hija kienet dejjem għalija eżempju ta’ tjubija, ta’ mħabba u devozzjoni totali lejn il-Mulej kif ukoll għalija u għall-familja tiegħi. Jiena nħobbha b’ qalbi kollha u jien grat għall-influwenza pożittiva li għandha fuqi.

Ħuti, jien irrid nixhed magħkom li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ta’ Alla fid-dinja. Jiena qatt ma rajt bniedem li jaf iħobb u ħanin daqsu.Minkejja li ħassejtni daqstant inadegwat għal din is-sejħa sagra, kliemu u l-ħarsa kollha ħlewwa f’ għajnejh hekk kif huwa estendieli din ir-responsabbiltà wasslu biex jiena nħossni mħaddan fl-imħabba tas-Salvatur. Grazzi, President Nelson. Jiena nsostnik u nħobbok.

Mhijiex verament barka li f’ dan iż-żmien li qed ngħixu fih aħna għandna fid-dinja profeti, bassâra u rivelaturi li jfittxu li jsiru jafu r-rieda tal-Mulej u jimxu warajha?  Hija ħaġa mill-aktar konfortanti li nafu li aħna ma ninsabux weħidna fid-dinja, minkejja l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja. Li aħna għandna l-profeti huwa sinjal tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu. Huma jgħarrfuna bil-wegħdiet u l-vera natura ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu għall-poplu Tagħhom. Jiena tgħallimt dan mill-esperjenzi personali tiegħi.

Tmintax-il sena ilu, jien u marti rċevejna telefonata mingħand il-President James E. Faust, li dak iż-żmien kien it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza. Huwa sejjaħli biex inservi bħala president tal-missjoni u lil marti bħala s-sieħba tiegħi fil-Portugal. Huwa qalilna li kull ma kien baqagħlna biex nibdew il-missjoni kienu biss sitt ġimgħat. Minkejja li aħna ma ħassejniex li konna preparati u adegwati biżżejjed, aħna aċċettajna din is-sejħa.Dak iż-żmien l-aktar ħaġa li kienet qed tinkwetana kienet kif konna se niksbu l-visa li kienet meħtieġa biex aħna nservu f’ dak il-pajjiż għaliex, skont l-esperjenzi li kellna fil-passat, aħna konna nafu li l-proċess kien jieħu minn sitta sa tmien ġimgħat biex jitlesta.

Il-President Faust imbagħad staqsiena jekk aħna kellniex fidi li l-Mulej seta’ jwettaq miraklu u li aħna stajna nsolvu l-problema tal-visa fi żmien aktar qasir. It-tweġiba tagħna kienet iva, u aħna bdejna nagħmlu l-arranġamenti b’ mod immedjat. Aħna ħejjejna d-dokumenti meħtieġa għall-visas, ħadna magħna lit-tlitt itfal żgħar tagħna u mingħajr ma tlifna ħin morna għand il-konsulat.Hemmhekk ġiet tiltaqa’ magħna mara verament minn tagħna. Waqt li bdiet tifli l-karti tagħna u bdiet tipprova tifhem sewwa x’ konna se mmorru nagħmlu l-Portugal, hija daret fuqna u staqsietna, “Intom verament se tgħinu lin-nies tal-pajjiż tiegħi?” Aħna weġibnieha li hekk hu u spjegajna li aħna konna se nirrappreżentaw lil Ġesù Kristu u se nixhdu dwaru u dwar il-missjoni divina Tiegħu fid-dinja.Erba’ ġimgħat wara erġajna morna hemmhekk, irċevejna l-visas tagħna u wasalna fl-għalqa tagħna tal-missjoni fi żmien sitt ġimgħat, kif talabna nagħmlu profeta tal-Mulej.

Ħuti, mill-qiegħ ta’ qalbi, jiena nixhed li l-profeti jitkellmu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Huma jixhdu dwar Kristu u l-missjoni divina Tiegħu fid-dinja. Huma jirrappreżentaw il-moħħ u l-qalb tal-Mulej u huma msejħin biex jirrappreżentawh u biex jgħallmuna x’ għandna nagħmlu biex nerġgħu lura ħalli ngħixu fil-preżenza ta’ Alla u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. Aħna niġu verament imberkin hekk kif neżerċitaw il-fidi tagħna u nimxu wara t-tagħlim tiegħu. Jekk nimxu warajhom, ħajjitna tkun aktar ferħana u anqas ikkumplikata, id-diffikultajiet u l-problemi tagħna nsibuhom aktar faċli biex inġorruhom, u aħna noħolqu korazza spiritwali madwarna li tipproteġina mill-attakki tal-għadu fi żmienna.

F’ dan il-jum tal-Għid, jiena nixhed b’ mod solenni li Ġesù Kristu qam mill-mewt, Huwa jgħix, u Hu jmexxi l-Knisja Tiegħu fid-dinja permezz tal-profeti, bassâra u rivelaturi Tiegħu. Jiena nixhed li Huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja u li permezz Tiegħu aħna nistgħu niġu salvati u eżaltati fil-preżenza tal-għażiż Alla tagħna. Jiena nħobbu; jiena nadurah. Jiena nixtieq nimxi warajh u nagħmel ir-rieda Tiegħu u nsir aktar bħalu. Jiena b’ umiltà ngħid dan kollu fl-isem sagru ta’ Sidna Ġesù Kristu, amen.