2010-2019
Il-Kworum tal-Presbiteri
April 2018


Il-Kworum tal-Presbiteri

Li fil-qasam ikollna kworum wieħed tas-Saċerdozju Melkisedeku jgħaqqad lill-aħwa tas-saċerdozju biex huma jwettqu flimkien l-aspetti kollha tal-ħidma tas-salvazzjoni.

Ftit biss wara li l-Knisja ġiet organizzata f’ din l-aħħar dispensazzjoni, il-Mulej iddikjara f’ rivelazzjoni, “U permezz tat-talba ta’ fidi tagħkom intom għandkom tirċievu l-liġi tiegħi, sabiex tkunu tafu kif għandkom tiggvernaw il-knisja tiegħi u kif twettqu kollox b’ mod xieraq quddiemi.”1 Fil-Knisja, dan il-prinċipju bqajna nimxu warajh—u dik il-wegħda baqgħet tiġi onorata mill-Mulej—sal-ġurnata tal-lum. Mudelli biex infasslu fuqhom l-organizzazzjoni u s-servizz tas-saċerdozju issa ilhom ħafna, minn żmien għall-ieħor, jiġu żvelati lilna, u jmorru lura għall-Profeta Joseph Smith meta l-uffiċċji u l-kwora tas-saċerdozju ġew stabbiliti fi żmienna. Ċertu raffinar sinifikanti ġie żvelat u implimentat fi żminijiet li fihom kienu Presidenti fost l-oħrajn Brigham Young, John Taylor u Spencer W. Kimball, fejn jirrigwarda l-Kworum tat-Tnax, is-Sebgħin, il-qassis il-kbar u uffiċċji u kwora oħra kemm fis-Saċerdozju Melkisedeku kif ukoll fis-Saċerdozju Aroniku.2 Illum, f’ dikjarazzjoni storika li smajna ftit minuti ilu, il-President Russell M. Nelson ħabbar aktar tibdil kruċjali.

Ippermettuli nirrepeti xi partijiet mid-dikjarazzjoni tiegħu: “Illejla aħna se nħabbru ċertu ristrutturar sinifikanti fil-kwora tagħna tas-Saċerdozju Melkisedeku biex aħna nkunu nistgħu nwettqu l-ħidma tal-Mulej b’ mod aktar effettiv. F’ kull qasam, il-qassisin il-kbar u l-presbiteri issa se jkunu magħqudin flimkien fil-kworum tal-Presbiteri … [u] l-istruttura tal-kworum [tal-qassisin il-kbar tal-wited] se tkun ibbażata fuq is-sejħiet kurrenti tas-saċerdozju.”

Il-President Nelson kompla:

“Dawn il-modifiki ilna nistudjawhom xhur sħaħ. Aħna ħassejna bżonn urġenti li ntejbu l-mod kif nieħdu ħsieb il-membri tagħna. … Biex nagħmlu dan b’ mod aħjar, jeħtieġ li aħna nsaħħu l-kwora tagħna tas-saċerdozju biex inkunu nistgħu nagħtu direzzjoni akbar lill-ministeru ta’ mħabba u nissapportjaw lill-Mulej f’ dak li Huwa għandu f’ moħħu għall-Qaddisin Tiegħu.

“Dan it-tibdil huwa ispirat mill-Mulej. Hekk kif aħna nimplimentawh, aħna nkunu aktar effettivi milli qatt konna qabel.”3

Taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza, il-Presbiteru Ronald A. Rasband u jien se nsemmu xi ftit dettalji oħra li nittamaw li jaslu biex iwieġbu l-mistoqsijiet li intom jista’ jkollkom.

Il-Kwora tal-Presbiteri u l-Qassisin il-Kbar

L-ewwel, biex inkun ċar, x’inhuwa t-tibdil għall-grupp tal-qassisin il-kbar u l-kwora tal-presbiteri? Fl-oqsma, il-membri tal-kwora tal-presbiteri u l-gruppi tal-qassisin il-kbar issa se jkunu miġburin flimkien fi kworum wieħed tas-Saċerdozju Melkisedeku bi presidenza waħda tal-kworum. Dan il-kworum, li se jikber kemm fin-numru kif ukoll fl-unità, se jibda jissejjaħ “il-kworum tal-presbiteri.” Il-gruppi tal-Qassisin il-Kbar mhumiex se jibqgħu aktar. Il-kworum tal-presbiteri jinkludi fih il-presbiteri kollha u lill-presbiteri prospettivi fil-qasam, kif ukoll il-qassisin il-kbar li bħalissa mhux qed iservu fil-veskovat, fil-presidenza tal-wited, fil-kunsill ogħla jew bħala patrijarki attivi. Il-kworum tal-qassisin il-kbar fil-wited se jkun magħmul minn dawk il-qassisin il-kbar li qed iservu fil-presidenza tal-wited, fil-veskovati, fil-kunsill ogħla jew huma patrijarki attivi.

Il-Presidenza tal-Kworum tal-Presbiteri

Kif għandha tiġi organizzata l-presidenza tal-kworum tal-presbiteri? Il-presidenza tal-wited se teżonera t-tmexxija kurrenti tal-grupp tal-qassisin il-kbar u l-presidenzi tal-kworum tal-presbiteri u se ssejjaħ president ġdid u kunsilliera ġodda tal-kworum tal-presbiteri f’ kull qasam. Il-presidenza l-ġdida tal-kworum tal-presbiteri tista’ tinkludi fiha presbiteri u qassisin il-kbar, ta’ etajiet u esperjenzi diversi, fejn se jservu flimkien fi presidenza waħda tal-kworum. Presbiteru u qassis il-kbir jista’ jservi bħala president tal-kworum jew bħala kunsillier fil-presidenza. Dan mhuwiex kas fejn il-qassisin il-kbar se jieħdu l-ħidma tal-kwora tal-presbiteri. Aħna nistennew li l-presbiteri u l-qassisin il-kbar se jaħdmu flimkien f’ għaqda fil-presidenza tal-kworum u fis-servizz tal-kworum. Dan it-tibdil fil-kworum għandu jiġi implimentat kemm jista’ jkun malajr.

Uffiċċji tas-Saċerdozju fil-Kworum tal-Presbiteri

Allura dan it-tibdil fl-istruttura tal-kworum se jibdel l-uffiċċju tas-saċerdozju li jħaddnu l-membri tal-kworum? Le, dan it-tibdil mhu ħa jikkanċella l-ebda uffiċċju tas-saċerdozju li fih il-membri tal-kworum ġew ordnati fil-passat. Kif tafu, raġel jista’ jiġi ordnat għal diversi uffiċċji tas-Saċerdozju tul ħajtu, u huwa ma jitlef l-ebda ordinazzjoni li ġie ordnat fiha meta huwa jiġi ordnat f’ xi uffiċċju ieħor.Filwaqt li, per eżempju, wieħed li jħaddan is-saċerdozju jaf iservi f’ aktar minn uffiċċju wieħed fi żmien wieħed partikolari, bħal meta qassis il-kbir ikun qed iservi wkoll bħala patrijarka jew bħala isqof, huwa tipikament ma jkunx qed jiffunzjona fl-uffiċċji tas-saċerdozju kollha tiegħu fl-istess ħin. L-isqfijiet u s-Sebgħinijiet, per eżempju, ma jservux b’ mod attiv f’ dawk l-uffiċċji ladarba huma jiġu eżonerati jew ikunu ssejħu bħala emeritu.Għalhekk, hu x’inhu l-uffiċċju jew huma x’inhuma l-uffiċċji tas-Saċerdozju li raġel jista’ jkun iħaddan, waqt li huwa jkun membru tal-kworum tal-presbiteri, huwa jservi bħala presbiteru.

Snin ilu, il-President Boyd K. Packer osserva li “is-saċerdozju huwa akbar minn xi wieħed mill-uffiċċji tiegħu. … Is-saċerdozju mhux diviżibbli. Wieħed presbiteru jħaddan daqstant saċerdozju daqs Appostlu. (Ara D&C 20:38.) Meta raġel jingħata s-saċerdozju, huwa jirċevih kollu kemm hu. Madankollu, hemm ċerti uffiċċji fi ħdan is-saċerdozju—diviżjonijiet ta’ awtorità u responsabbiltà. … Xi kultant aħna nirreferu għal xi uffiċċju bħala ‘ogħla minn’ jew ‘anqas minn’ uffiċċju ieħor. Aktar minn ‘ogħla’ jew ‘anqas’, l-uffiċċji fis-Saċerdozju Melkisedeku jirrappreżentaw oqsma differenti ta’ servizz.”4 L-Aħwa, jiena sinċeriment nittama li aħna qatt ma nitkellmu aktar f’ termini li wieħed “javvanza” għal uffiċċju ieħor fis-Saċerdozju Melkisedeku.

Il-Presbiteri jkomplu jiġu ordnati bħala qassisin il-kbar meta huma jiġu msejħin fil-presidenza tal-wited, fil-kunsill ogħla jew fil-veskovat—jew f’ okkażżjonijiet oħra kif jiġi determinat mill-president tal-wited meta huwa jikkonsidra dan bl-għajnuna tat-talb u b’ ispirazzjoni.Meta ż-żmien ta’ servizz tagħhom fil-presidenza tal-wited, fil-kunsill ogħla jew fil-veskovat jiġi fi tmiemu, il-qassisin il-kbar jerġgħu jingħaqdu fil-kworum tal-presbiteri fil-qasam tagħhom.

Direzzjoni għall-President tal-Kworum tal-Presbiteri

Min imexxi l-ħidma tal-president tal-kworum tal-presbiteri? Il-president tal-wited jippresedi fuq is-Saċerdozju Melkisedeku fil-qasam tiegħu. Għalhekk, il-president tal-kworum tal-presbiteri huwa direttament responsabbli għall-president tal-wited, li jipprovdilu t-taħriġ u l-gwida mill-presidenza tal-wited u permezz tal-kunsill ogħla. L-isqof, bħala l-qassis il-kbir li jippresedi fil-qasam, jiltaqa’ wkoll regolarment mal-president tal-kworum tal-presbiteri. L-isqof jiddiskuti miegħu u jagħtih ċerta direzzjoni xierqa rigward kif l-aħjar għandu jservi u jbierek lill-membri tal-qasam, hekk kif jaħdmu f’ armonija mal-organizzazzjonijiet kollha fil-qasam.5

L-Għan ta’ Dan it-Tibdil

X’inhu l-għan tat-tibdil fil-kwora tas-Saċerdozju Melkisedeku? Li f’ qasam ikollna kworum wieħed tas-Saċerdozju Melkisedeku jwassal għall-għaqda bejn dawk li jħaddnu s-saċerdozju biex huma jwettqu l-aspetti kollha tal-ħidma tas-salvazzjoni, fosthom il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja li qabel kienet tiġi kkoordinata mill-gruppi tal-qassisin il-kbar. Dan jagħti ċ-ċans lill-membri tal-kworum ta’ kull età, ġejjin minn liema ambjent tal-ħajja ġejjin, biex jibbenefikaw mill-perspettiva u l-esperjenza ta’ xulxin u ta’ dawk li jinsabu fi stadji differenti tal-ħajja.Jipprovdi wkoll aktar opportunitajiet għal dawk li jħaddnu s-saċerdozju ta’ ċerta esperjenza li jispiraw u jgħallmu lil ħaddieħor, fosthom lill-presbiteri prospettivi, lill-membri l-ġodda, l-adulti żgħażagħ u lil dawk li qed jerġgħu lura fil-Knisja.Ma nistax nesprimi b’ mod adegwat kemm jiena verament kuntent li nikkontempla l-irwol li l-kwora tal-presbiteri se jkollhom fil-futur, li aktar ma jmur aktar qed isir importanti,.L-għerf, l-esperjenza, il-kapaċità u s-saħħa li nistgħu nsibu f’ dawk il-kwora jfissru bidu ġdid u standard ġdid għas-servizz tas-saċerdozju madwar il-Knisja kollha.

Għoxrin sena ilu waqt il-konferenza ġenerali, jiena semmejt storja li l-ewwel darba li qalha kien il-Presbiteru Vaughn J. Featherstone tas-Sebgħin u li nemmen li tajjeb li jiena nerġa’ nirrakkontaha hawnhekk illum.

Fl-1918 Brother Ġorġ Goates kien bidwi li kien ikabbar il-pitravi ġewwa Leħi, Utah. Dik is-sena x-xitwa ġiet kmieni u spiċċat iffriżat ħafna miż-żerriegħa tal-pitravi tiegħu.Għal Ġorġ u ibnu ż-żgħir Francis, il-ħsad kien wieħed kwiet u diffiċli. Sadattant, faqqgħet epidemija tal-influwenza. Il-marda qerrieda ħasdet il-ħajja tat-tifel ta’ Ġorġ, Charles, u ta’ tlieta mit-tfal iż-żgħar ta’ Charles—żewġt ibniet ċkejknin u tifel. F’ sitt ijiem biss, l-imnikket Ġorġ Goates għamel tliet vjaġġi separati sa Ogden, Utah, biex jieħu lura d-dar l-iġsma għad-difna.Fi tmiem dan iż-żmien mill-aktar terribbli, Ġorġ u Francis ħejjew il-karru tagħhom u rħewlha lura lejn l-għalqa tal-pitravi.

“Tul it-triq huma ltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ karrijiet mimlijin pitravi fi triqithom lejn il-fabbrika u li kienu misjuqin mill-bdiewa tal-inħawi. Hekk kif bdew għaddejjin, kull sewwieq tal-karru beda jxejjer waqt li jsellem: ‘Aw, Ziju Ġorġ,’ ‘Jiddispjeċini ħafna, Ġorġ,’ ‘Żmien diffiċli, Ġorġ,’ ‘Veru għandek il-ħbieb, Ġorġ.’

“Fuq l-aħħar karru kien hemm … Jasper Rolfe ta’ wiċċu kollu nemex. Bi tbissima huwa sellimlu u qallu: ‘Dak kollox, lestejna, Ziju Ġorġ.’

“Brother Goates dar fuq Francis u qallu: ‘Nixtieq nista’ ngħid l-istess għal tagħna.’

“Meta huma waslu quddiem ix-xatba tar-razzett, Francis qabeż minn fuq il-karru tal-pitravi u fetaħ ix-xatba hekk kif missieru saq għal ġo l-għalqa. Ġorġ ġibed ir-riedni, waqqaf il-karru, … u ħares ħarsa mal-għalqa. …Ma kinex hemm pitrava waħda mal-għalqa kollha. Imbagħad induna x’ ried ifisser Jasper Rolfe meta huwa qallu: ‘’Dak kollox, lestejna, Ziju Ġorġ!’

“Ġorġ niżel minn fuq il-karru, qabad f’ idu ponn ħamrija kannella mill-aktar rikka li kien verament iħobb, u mbagħad … qoxra tal-pitravi, u għal mument ħares lejn dawn is-simboli ta’ xogħlu, bħallikieku ma riedx jemmen lil għajnejh.

“Imbagħad huwa poġġa bilqiegħda fuq gozz qxur tal-pitravi—dan ir-raġel li fi żmien sitt ijiem ġarr erba’ mill-maħbubin tiegħu lejn id-dar biex jidfinhom—dan ir-raġel meraviljuż li dejjem baqa’ sod, li qatt ma ħarab minn dmiru u qatt ma qata’ qalbu waqt dan iż-żmien mill-aktar ta’ niket—inxteħet bilqiegħda fuq gozz qxur tal-pitravi u nfexx jibki bħal tarbija.

“Imbagħad huwa qam, mesaħ għajnejh, … ħares ‘il fuq lejn is-sema u qal: ‘Grazzi, Missier, għall-presbiteri tal-qasam tagħna.’”6

Iva, grazzi lil Alla għall-irġiel tas-saċerdozju u għas-servizz li huma għad iridu jagħtu biex jgħinu lill-individwi u l-familji u jistabbilixxu Sijon.

L-Ewwel Presidenza, il-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u l-Presidenza tas-Sebgħin ilna żmien mhux ħażin nikkunsidraw dan it-tibdil.Bl-għajnuna ta’ ħafna talb, wara studju bir-reqqa dwar is-sisien skritturali tal-kwora tas-saċerdozju u l-konferma li din hija r-rieda tal-Mulej, aħna ħadna din id-deċiżjoni b’ mod unanimu f’ dak li fir-realtà huwa pass ieħor fl-estensjoni tar-Restawrazzjoni. F’ dan kollu tidher biċ-ċar id-direzzjoni tal-Mulej u din tagħmilni verament ferħan hekk kif jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi dwar is-saċerdozju Tiegħu u l-ordinazzjoni tagħkom f’ dak is-saċerdozju, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 41:3.

  2. Ara, per eżempju, William G. Hartley, “The Priesthood Reorganization of 1877: Brigham Young’s Last Achievement,” f’ My Fellow Servants: Essays on the History of the Priesthood (2010), 227–64; “To the Seventies,” f’ James R. Clark, miġ., Messages of the First Presidency of The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints (1965), 352–54; Hartley, “The Seventies in the 1880s: Revelations and Reorganizing,” f’ My Fellow Servants, 265–300; Edward L. Kimball, Lengthen Your Stride: The Presidency of Spencer W. Kimball (2005), 254–58; Susan Easton Black, “Early Quorums of the Seventies,” f’ David J. Whittaker u Arnold K. Garr, eds., A Firm Foundation: Church Organization and Administration (2011), 139–60; Richard O. Cowan, “The Seventies’ Role in the Worldwide Church Administration,” f’ A Firm Foundation, 573–93.

  3. Russell M. Nelson, “Introductory Remarks,” Liahona, Mejju 2018, 54.

  4. Boyd K. Packer, “What Every Elder Should Know—and Every Sister as Well: A Primer on Principles of Priesthood Government,” Tambuli, Nov. 1994, 17, 19.

  5. Ara Handbook 2: Administering the Church (2010), 7.3.1.

  6. D. Todd Christofferson, “The Priesthood Quorum,” Liahona, Jan. 1999, 47; ara wkoll Vaughn J. Feautherstone, “Now Abideth Faith, Hope, and Charity,” Ensign, Lulju 1973, 36–37.