Rimarki Preliminari
Se nħabbru ċertu ristrutturar sinifikanti fil-kwora tagħna tas-Saċerdozju Melkisedeku biex aħna nkunu nistgħu nwettqu l-ħidma tal-Mulej b’ mod aktar effettiv.
Grazzi, Brother Holmes, għall-messaġġ importanti tiegħek.
Għeżież ħuti, aħna verament nimmissjaw lill-President Thomas S. Monson u lill-Presbiteru Robert D. Hales. Madankollu “ejjew ’il quddiem, tal-Mulej immexxu x-xogħol.”1
Jiena veru grat għal kull raġel li jħaddan dan is-saċerdozju mqaddes. Intom it-tama tal-Feddej tagħna, li jixtieq li “kull bniedem ikun jista’ jitkellem f’ isem Alla l-Mulej, sewwasew is-Salvatur tad-dinja.”2 Huwa jrid li wliedu ordnati kollha jirrappreżentawh, jitkellmu f’ ismu, jaġixxu f’ ismu u jbierku l-ħajja ta’ wlied Alla madwar id-dinja, sat-tmiem “sabiex il-fidi wkoll tkun tista’ tikber fid-dinja kollha.”3
Xi wħud minnkom tinsabu sservu fejn il-Knisja ilha stabbilita għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Oħrajn tinsabu sservu fejn il-Knisja hija relattivament ġdida. Għal xi wħud, l-oqsma tagħkom huma kbar. Għal oħrajn, il-fergħat tagħkom huma żgħar u fejn il-membri jkollhom bżonn jivvjaġġaw ħafna. Huma x’ inhuma ċ-ċirkustanzi individwali tagħkom, kull wieħed minnkom huwa membru ta’ kworum tas-saċerdozju b’ mandat divin li jitgħallem u jgħallem, li jħobb u jservi lil ħaddieħor.
Illejla se nħabbru ċertu ristrutturar sinifikanti fil-kwora tagħna tas-Saċerdozju Melkisedeku biex aħna nkunu nistgħu nwettqu l-ħidma tal-Mulej b’ mod aktar effettiv. F’ kull qasam, il-qassisin il-kbar u l-presbiteri issa se jkunu magħqudin flimkien fi kworum wieħed tal-Presbiteri. Dan it-tibdil se jkabbar verament il-kapaċità u l-abbiltà tal-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju li jservu lil ħaddieħor. Il-presbiteri prospettivi se jiġu milqugħin u maħbuba mill-membri ta’ dak il-kworum. F’ kull wited, il-presidenza tal-wited se tkompli tippresedi fuq il-kworum tal-qassisin il-kbar tal-wited. Iżda l-kompożizzjoni ta’ dak il-kworum se tkun ibbażata fuq is-sejħiet kurrenti tas-saċerdozju, kif se jiġi spjegat aktar tard.
Il-Presbiteru D. Todd Christofferson u l-Presbiteru Ronald A. Rasband tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu issa se jgħallmuna aktar dwar dan it-tibdil importanti.
Dawn il-modifiki ilna nistudjawhom għal ħafna xhur. Aħna ħassejna bżonn urġenti li ntejbu l-mod kif nieħdu ħsieb il-membri tagħna u kif nirrapportaw il-kuntatt tagħna magħhom. Biex nagħmlu dan b’ mod aħjar, jeħtieġ li aħna nsaħħu l-kwora tagħna tas-saċerdozju biex inkunu nistgħu nagħtu direzzjoni akbar lill-ministeru ta’ mħabba u nissapportjaw lill-Mulej f’ dak li Huwa għandu f’ moħħu għall-Qaddisin Tiegħu.
Dan it-tibdil huwa ispirat mill-Mulej. Hekk kif aħna nimplimentawh, aħna nkunu aktar effettivi milli qatt konna qabel.
Aħna ninsabu ingaġġati fil-ħidma ta’ Alla s-Setgħan. Ġesù hu l-Kristu! Aħna l-qaddejja umli Tiegħu! Alla jberikkom, l-aħwa, hekk kif aħna nitgħallmu dwar id-dmir tagħna u nwettquh; jiena nitlob dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.