2010-2019
L-Ordinanzi tas-Salvazzjoni Jwasslulna Dawl Meraviljuż
April 2018


L-Ordinanzi tas-Salvazzjoni Jwasslulna Dawl Meraviljuż

Jekk intom tipparteċipaw fl-ordinanzi u tonoraw il-patti marbutin magħhom intom tirċievu dawl mill-aktar meraviljuż.

Ħuti, jiena nifraħ magħkom fl-evanġelju, jew fid-duttrina ta’ Kristu.

Wieħed ħabib tiegħi darba staqsa lill-Presbiteru Neil L. Andersen, li dak iż-żmien kien għadu membru tas-Sebgħin, kif huwa kien ħassu meta kien tkellem quddiem 21,000 ruħ fiċ-Ċentru tal-Konferenza. Il-Presbiteru Andersen wieġeb, “Tħossok eċċitat mhux minħabba l-21,000 ruħ ta’ quddiemek; iżda minħabba l-15 il-Aħwa li jkunu jinsabu bilqiegħda warajk.” Dak il-ħin tbissimt, iżda issa qed inħoss dak li ddeskriva hu. Jiena verament inħobb u nsostni lil dawn il-15-ir raġel bħala profeti, bassâra u rivelaturi.

Il-Mulej qal lil Abraham li permezz tan-nisel tiegħu u permezz tas-saċerdozju, il-familji kollha tad-dinja se jkunu mberkin “bil-barkiet tal-Evanġelju, … sewwasew bil-ħajja eterna” (Abraham 2:11; ara wkoll versi 2–10).

Dawn il-barkiet imwiegħda tal-evanġelju u s-saċerdozju ġew irrestawrati fid-dinja, u mbagħad, fl-1842, il-Profeta Joseph Smith amministra l-għotja mqaddsa lil numru limitat ta’ rġiel u nisa. Mercy Fielding Thompson kienet waħda minnhom. Il-Profeta qalilha, “Din l-għotja mqaddsa se tgħaddik minn ġod-dalma għal dawl mill-aktar meraviljuż.”1

Illum nixtieq niffoka fuq l-ordinanzi tas-salvazzjoni, li lilkom u lili jwasslulna dawl mill-aktar meraviljuż.

Ordinanzi u Patti

F’ Leali lejn il-Fidi aħna naqraw: “Ordinanza hija att sagru u formali mwettaq bl-awtorità tas-saċerdozju.L-ordinanzi li huma essenzjali għall-eżaltazzjoni tagħna … jissejħu l-ordinanzi tas-salvazzjoni. Jinkludu l-magħmudija, il-konferma, l-ordinazzjoni għas-Saċerdozju Melkisedeku (għall-irġiel), l-għotja mqaddsa tat-tempju u s-siġill taż-żwieġ.”2

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem, “L-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni li huma amministrati fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej … jikkonstitwixxu metodi awtorizzati li permezz tagħhom il-barkiet u l-qawwiet tas-sema jistgħu jsiru parti mill-ħajja individwali tagħna.”3

Bħal munita b’ żewġt uċuħ, l-ordinanzi kollha tas-salvazzjoni huma akkumpanjati minn patti li aħna nagħmlu ma’ Alla. Alla wegħedna ċerti barkiet jekk aħna b’ fedeltà nonoraw dawn il-patti.

Il-profeta Amuleki ddikjara, “Issa … huwa ż-żmien … li titħejjew biex tiltaqgħu ma’ Alla” (Alma 34:32). Kif nitħejjew? Billi nirċievu b’ mod den l-ordinanzi. Għandna wkoll, kif qal il-President Russell M.Nelson, “inkomplu mexjin fit-triq tal-patt.” Il-President Nelson kompla, “L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti Miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwassal biex jinfetaħ bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal kollha madwar id-dinja.”4

John u Bonnie Newman, bħal ħafna minnkom, huma reċipjenti tal-barkiet spiritwali li wegħidna l-President Nelson. Darba waħda f’ jum il-Ħadd, wara li kienet għadha kif attendiet il-Knisja flimkien mat-tliet uliedhom ċkejknin, Bonnie qalet lil John, li ma kienx membru tal-Knisja, “Ma nistax nibqa’ sejra hekk waħdi. Inti trid tiddeċiedi jekk tridx tibda tiġi magħna l-knisja jew inkella tagħżel int xi knisja li fiha nistgħu nattendu flimkien, iżda t-tfal jeħtieġ li jkunu jafu li missierhom iħobb ukoll lil Alla.” Il-Ħadd ta’ wara u l-Ħdud kollha ta’ wara, John mhux biss attenda l-knisja magħhom; huwa wkoll serva, fejn għadda snin twal idoqq il-pjanu f’ ħafna oqsma, fergħat u Primarji. Jiena kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ John f’ April tal-2015, u f’ dik il-laqgħa, aħna ddiskutejna li l-aħjar mod kif huwa seta’ juri l-imħabba tiegħu lejn Bonnie kien li jeħodha t-tempju, iżda dan ma setax iseħħ qabel ma huwa jitgħammed.

Wara li dam jattendi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għal 39 sena, John tgħammed fl-2015. Sena wara, John u Bonnie ġew issiġillati ġewwa t-Tempju ta’ Memphis, Tennessee, 20 sena wara li hija rċeviet l-għotja mqaddsa tagħha. Robert, binhom ta’ 47 sena, qal dwar missieru, “Rajt lil missieri verament jifjorixxi minn dak inhar li huwa rċieva s-saċerdozju.” Bonnie kompliet, “John minn dejjem kien persuna kuntenta u ferrieħa, iżda issa li rċieva l-ordinanzi u qed jonora l-patti tiegħu wassluh biex isir bniedem aktar ġentili.”

L-Att tal-Fidwa ta’ Kristu u l-Eżempju Tiegħu

Bosta snin ilu, il-President Boyd K. Packer widdibna, “Imġieba tajba mingħajr l-ordinanzi tal-evanġelju la tista’ tifdi u lanqas teżalta l-umanità.”5 Fil-fatt, aħna mhux biss għandna bżonn l-ordinanzi u l-patti biex nerġgħu lura għand Missierna, iżda neħtieġu wkoll lill-Ibnu, Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Is-Sultan Benjamin għallem li huwa biss permezz u f’ isem Kristu li wlied il-bniedem jistgħu jiksbu s-salvazzjoni (ara Mosiah 3:17; ara wkoll Artikli tal-Fidi 1:3).

Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, Ġesù Kristu fdiena mill-konsegwenzi tal-Waqgħa ta’ Adam u għamilha possibbli li aħna nindmu u eventwalment niksbu l-eżaltazzjoni. Permezz ta’ ħajtu, Huwa ta eżempju lilna lkoll biex nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni, li fihom “tidher il-qawwa tad-divinità” (D&C 84:20).

Wara li s-Salvatur irċieva l-ordinanza tal-magħmudija biex “iġib fis-seħħ is-sewwa kollha” (ara 2 Nephi 31:5–6), Satana ġarrbu. Bl-istess mod, it-tentazzjoni tagħna ma tintemmx wara l-magħmudija jew wara s-siġill, iżda jekk aħna nirċievu l-ordinanzi sagri u nonoraw il-patti marbutin magħhom, dan iwassal biex jimliena b’ dawl meraviljuż u jagħtina l-qawwa li nirreżistu u negħlbu t-tentazzjoni.

Twissija

Isaija bassar li fl-aħħar jiem, “tniġġset l-art … għax … bidlu l-ordinanza” (Isaija 24:5; ara wkoll D&C 1:15).

Twissija marbuta ma’ dan, żvelata lill-Profeta Joseph Smith, kienet li xi wħud “jersqu lejja, il-Mulej, b’ fommhom, … u huma jgħallmu l-kmandamenti tal-bniedem bħala duttrina, jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha ta’ tajbin” (Joseph Smith—History 1:19).

Pawlu wkoll widdeb li ħafna se jkunu li se “jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha ta’ tajbin: nies bħal dawn aħarbuhom” (2 Timotju 3:5). Nirrepeti, nies bħal dawn aħarbuhom.

Il-ħafna distrazzjonijiet u tentazzjoni tal-ħajja huma bħal “ilpup ħattafa” (Mattew 7:15). Huwa r-ragħaj il-veru li jħejji, jipproteġi u jwiddeb lin-nagħaġ u lill-merħla meta jkun resqin lejhom l-ilpup (ara Ġwanni 10:11-12). Bħala assistenti tar-ragħaj li nippruvaw nimitaw il-ħajja perfetta tar-Ragħaj it-Tajjeb, aħna mhux ukoll rgħajja ta’ ruħna kif ukoll ta’ ħaddieħor? Bl-għajnuna tal-kunsill tal-profeti, bassâra u rivelaturi, li għadna kemm sostnejna, u bil-qawwa u d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna nkunu nistgħu nilmħu l-ilpup ġejjin lejna jekk aħna inkunu dejjem attenti u preparati. B’ kuntrast għal dan, meta aħna ma nkunux rgħajja diliġenti ta’ ruħna u ta’ ruħ ħaddieħor, hemm ċans li nweġġgħu. In-nuqqas ta’ diliġenza titfa’ lilna u lil ħaddieħor fil-periklu. Jien nistieden lilna lkoll biex inkunu rgħajja fidili.

Esperjenza u Testimonjanza

Is-sagrament huwa ordinanza li tgħinna nibqgħu fit-triq it-tajba, u li nieħdu sehem fih b’ mod den huwa evidenza li aħna qed inżommu l-patti tagħna marbutin mal-ordinanzi l-oħra kollha. Ftit tas-snin ilu, hekk kif jien u marti Anita konna qed inservu fil-Missjoni ta’ Arkansas Little Rock, jiena mort ngħallem flimkien ma’ żewġ missjunarji żgħażagħ. Waqt il-lezzjoni, ir-raġel twajjeb li konna qed ngħallmu qal, “Jiena attendejt il-knisja tagħkom; għalfejn hemm bżonn li tieklu l-ħobż u l-ilma kull nhra ta’ Ħadd? Fil-knisja tagħna, aħna nagħmlu dan darbtejn fis-sena, fl-Għid u fil-Milied, u din hija ħaġa mill-aktar sinifikanti.”

Aħna għednielu li aħna ġejna mitlubin sabiex “niltaqgħu spiss biex nieklu mill-ħobż u nixorbu mill-inbid” (Moroni 6:6; ara wkoll D&C 20:75). Aħna qrajna flimkien Mattew 26 u 3 Nephi 18. Huwa wieġeb li xorta waħda kien għadu ma jistax jara n-neċessità.

Imbagħad aħna qsamna miegħu dan il-paragun: “Immaġina li inti tkun involut f’ aċċident serju tat-traffiku. Inti tweġġa’ u tintilef minn sensik. Jgħaddi xi ħadd minn ħdejk, jarak mitluf minn sensik, u jċempel in-numru tal-emerġenza, 911. Inti tiġi mdewwi u terġa’ tiġi f’ sensik.”

Lil dan ħuna aħna staqsejnieh, “Meta inti terġa’ ssir kapaċi tirrikonoxxi l-ambjent ta’ madwarek, x’ mistoqsijiet taħseb li tistaqsi?”

Huwa qalli, “Inkun nixtieq inkun naf kif jien spiċċajt hemm u min kien dak li sabni. Inkun irrid nirringrazzjah kuljum għaliex salvali ħajti.”

Aħna qsamna ma’ dan ir-raġel twajjeb kif is-Salvatur salva ħajjitna u kemm hemm bżonn li aħna nirringrazzjawh kuljum, kuljum, kuljum!

Imbagħad staqsejnieh, “Għax int taf li Huwa ta ħajtu għalik u għalina, kemm-il darba tixtieq li inti tiekol il-ħobż u tixrob l-ilma bħala emblemi ta’ ġismu u demmu?

Huwa qalilna, “Issa qed nifhem, issa qed nifhem. Iżda ħaġa oħra. Il-Knisja tagħkom mhijiex brijuża daqs tagħna.”

Għal dan aħna weġibna, “X’ tagħmel jekk is-Salvatur Ġesù Kristu jiħdol mill-bieb tiegħek?”

Huwa qal, “Immedjatament, ninżel għarkopptejja.”

Aħna staqsejnieh, “Allura mhux l-istess tħoss meta inti tidħol f’ xi kappella tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—qima lejn is-Salvatur?”

Huwa qalilna, “Issa qed nifhem, issa qed nifhem!”

Dak Ħadd il-Għid huwa ġie l-knisja u baqa’ jattendi sal-lum.

Jiena nistieden lilna lkoll biex nistaqsu lilna nfusna, “X’ ordinanzi, inkluż is-sagrament, jeħtieġ li jien nirċievi u x’ patti jeħtieġ li jien nagħmel, inżomm u nonora?” Jiena nwiegħed li jekk intom tipparteċipaw fl-ordinanzi u tonoraw il-patti marbutin magħhom intom tirċievu dawl mill-aktar meraviljuż. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 414.

  2. True to the Faith: A Gospel Reference (2004), 109; ara wkoll Handbook 2: Administering the Church (2010), 2.1.2.

  3. David A. Bednar, “Always Retain a Remission of Your Sins,” Liahona, Mejju 2016, 60.

  4. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.

  5. Boyd K. Packer, “The Only True Church,” Ensign, Nov. 1985, 82.

Ipprintja