2010-2019
“Kunu Magħhom u Saħħuhom”
April 2018


“Kunu Magħhom u Saħħuhom”

It-talba tagħna llum hi li kull raġel u mara joħorġu minn din il-konferenza ġenerali b’ impenn biex minn qalbhom jieħdu ħsieb xulxin.

Biex nipparafraża lil Ralph Waldo Emerson, l-aktar mumenti memorabbli fil-ħajja huma dawk li fihom aħna nħossu l-fawra tar-rivelazzjoni.1 President Nelson, jiena ma nafx kemm il-“fawra” aktar aħna kapaċinimmaniġġjaw f’ dan it-tmiem il-ġimgħa.Uħud minna għandna qalbna dgħajfa. Iżda toqgħod tgħid, inti fil-verità anke qalbna tista’ toħdilna ħsieb.X’ profeta meraviljuż!

Fl-ispirtu tad-dikjarazzjonijiet u t-testimonjanzi meraviljużi tal-President Nelson, tal-bieraħ filgħaxija u ta’ dalgħodu, jiena se naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li dan it-tibdil huwa eżempju tar-rivelazzjoni li ilha tiggwida din il-Knisja mill-bidu nett.Madankollu hija wkoll aktar evidenza li l-Mulej qed iħaffef il-ħidma Tiegħu fi żmienha.2

Għal dawk kollha li huma ħerqanin li jitgħallmu d-dettalji ta’ dawn il-ħwejjeġ, jekk jogħġobkom kunu afu li immedjatament hekk kif tintemm din is-sezzjoni tal-konferenza tibda sekwenza li tinkludi, mhux neċessarjament f’ din l-ordni, ittra li tintbagħat mill-Ewwel Presidenza lill-membri kollha tal-Knisja li tagħhom aħna għandna l-indirizz tal-ijmejl. Mal-ijmejl se jkun hemm mehmuż dokument ta’ seba’ paġni b’ mistoqsijiet u tweġibiet għall-mexxejja kollha, kemm tas-saċerdozju kif ukoll dawk awżiljarji.Fl-aħħar, dan il-materjal se jiġi mtella’ immedjatament fuq ministering.lds.org.“Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu.”3

Issa se nitkellem dwar l-essajnment meraviljuż li l-President Russell M. Nelson ta lili u lil Sister ​Jean B. Bingham. Ħuti, hekk kif il-ħidma tal-kwora u l-awżiljarji istituzzjonalment timmatura, hija ħaġa naturali li aħna wkoll għandna nimmaturaw personalment—li individwalment nelevaw ruħna ‘il fuq minn kull rutina mekkanika li tiffunzjona mingħajr ebda sentiment partikolari u minflok ngħaddu biex aħna lkoll insiru dixxipli li dak li nagħmlu nagħmluh minn qalbna, kif wriena nagħmlu s-Salvatur fi tmiem il-ministeru Tiegħu fid-dinja.Hekk kif huwa kien qed iħejji biex iħalli warajh il-grupp żgħir ta’ dixxipli Tiegħu, li kienu għadhom innoċenti u xi ftit konfużi, Huwa ma qagħadx isemmilhom xi lista ta’ xi tużżana affarijiet amministrattivi li kellhom jagħmlu u lanqas ma tahom qabda rapporti x’ jimlew, flimkien mat-tliet kopji tagħhom.Le, Huwa qalilhom fil-qosor x’ kellhom jagħmlu permezz ta’ kmandament fundamentali: “Ħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien. … Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”4

Fi sforz biex iressaqna aktar viċin lejn dan l-ideal tal-evanġelju, dan il-kunċett tal-ministeru tas-saċerdozju u tas-Soċjetà tal-Għajnuna, li għadu kif tħabbar, se jinkludu fih fost ħwejjeġ oħra, l-elementi li ġejjin, li xi wħud minnhom is-Soċjetà tal-Għajnuna diġà ilha timplimenta b’ suċċess kbir.5

  • Aħna mhux se nibqgħu aktar nużaw il-lingwa tat-tagħlim tad-dar u tat-tagħlim taż-żjajjar. Waħda mir-raġuniet hi li l-biċċa l-kbira tal-isforz tagħna fil-ministeru se jseħħ f’ postijiet lil hinn mid-dar kif ukoll għaliex il-kuntatt tagħna mhux se jiġi ddeterminat billi aħna ngħallmu xi lezzjoni preparata, għalkemm mhemmx dubju li aħna nistgħu ninkludu xi lezzjoni jekk ikun il-bżonn.L-għan ewlieni f’ din l-idea tal-ministeru se tkun, l-istess kif kien intqal dwar in-nies fi żmien Alma, li “ħadu ħsieb in-nies tagħhom … u sostnewhom bis-sewwa kollu.”6

  • Aħna se nkomplu, kemm jista’ jkun possibbli, inżuru d-djar, iżda ċ-ċirkustanzi tal-post, bħan-numri kbar ta’ membri, id-distanza twila, is-sigurtà personali u xi kundizzjonijiet diffiċli oħra jafu jżommuna milli nżuru kull dar kull xahar. Hekk kif qalulna biex nagħmlu snin ilu l-membri tal-Ewwel Presidenza, agħmlu l-aħjar li tistgħu.7 Minbarra l-iskeda li intom stess tistabbilixxu rigward iż-żjarat infushom, il-kalendarju tagħkom jista’ jinkludi fih ukoll telefonati, xi noti miktubin, messaġġi bil-mowbajl, ijmejls, konverżazzjoni bil-vidjo u konverżazzjoni waqt il-laqgħat tal-Knisja, proġetti ta’ servizz li nagħmlu flimkien, attivitajiet soċjali, u għadd kbir ta’ possibiltajiet oħra permezz tal-midja soċjali.Madankollu, nixtieq nenfasizza li dawn il-possibiltajiet ġodda kollha li issa għandna ma jinkludux id-dikjarazzjoni li jiena rajt m’ilux fuq stiker imwaħħla ma’ bamper ta’ karozza.Kienet tgħid, “Jekk jien indoqqlok il-ħorn, ikkunsidraha qisna ġejna d-dar ngħallmuk.” Jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, l-aħwa (ħutna n-nisa qatt ma jkunu ħatja ta’ dan—qed inkellem lil ħuti l-irġiel fil-Knisja), b’ dan it-tibdil kollu aħna rridu li lil ħutna nieħdu ħsiebhom aktar u mhux anqas.

  • B’ dan il-kunċett tal-ministeru aktar ġdid u aktar ibbażat fuq l-evanġelju, jiena nħoss li intom tafu tibdew titħawdu xi ftit dwar x’ se jkun jgħodd għal fuq ir-rapport. Mela, araw li tirrelassaw ruħkom għaliex mhu se jkun hemm l-ebda rapport—tal-anqas mhux ir-rapport “bl-eżatt laħħaqtu sal-aħħar tax-xahar.” Hawnhekk ukoll qed nippruvaw nimmaturaw. L-uniku rapport li se jibda jsir se jkun in-numru ta’ intervisti li l-mexxejja se jkollhom, tul dawk it-tliet xhur, mal-kopji sħab fil-ministeru fil-qasam tagħhom. Minkejja li tinstama’ ħaġa sempliċi, ħbieb tiegħi, dawk l-intervisti huma assolutament mill-aktar kruċjali. Mingħajr dik l-informazzjoni l-isqof żgur ma jistax jirċievi l-informazzjoni li huwa jeħtieġ rigward il-kundizzjoni spiritwali u temporali tan-nies tiegħu. Ftakru: l-aħwa fil-ministeru jirrappreżentaw lill-veskovat u l-president tal-kworum tal-presbiteri; huma ma jeħdux posthom. L-imfietaħ ta’ isqof u ta’ president tal-kworum imorru lil hinn minn dan il-kunċett tal-ministeru.

  • Peress li dan ir-rapport huwa differenti minn kwalunkwe ħaġa li qatt issottomettejtu fil-passat, ippermettuli nenfasizza li aħna fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja ma rridux inkunu nafu kif jew fejn jew meta intom tagħmlu kuntatt man-nies tagħkom; irridu nkunu nafu biss u jimpurtana biss li intom tagħmlu dan u li tberkuhom b’kull mod li tistgħu.

Ħuti, bħala Knisja sħiħa aħna għandna opportunità mibgħuta mis-sema li nuru bil-provi x’inhi “reliġjon ġenwina … bla tebgħa quddiem Alla”8—“inġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa” u “infarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ,”9 li nimministraw lir-romol u l-iltiema, lill-miżżewġin u lil dawk li mhumiex, lil min hu b’ saħħtu u min iħossu mitluf, l-imarġinati u minn hu komdu, il-ferħana u l-imdejqin—f’ kelma waħda, lilna lkoll, kull wieħed u waħda minna, għaliex aħna kollha neħtieġu li nħossu l-id kollha mħabba tal-ħbiberija u nisimgħu d-dikjarazzjoni ċerta ta’ fidi. Madankollu, inwiddibkom, li la isem ġdid, la flessibilità ġdida u anqas ir-rapporti ma jagħmlu ebda differenza fis-servizz tagħna sakemm aħna ma nħarsux lejn dan kollu bħala stedina biex nieħdu ħsieb xulxin b’ mod kuraġġuż, ġdid u aktar qaddis, kif għadu kif qalilna l-President Nelson.Hekk kif aħna ngħollu l-għajnejn spiritwali tagħna lejn li aħna ngħixu l-liġi tal-imħabba b’ mod aktar universali, aħna nfakkru l-memorja tal-ġenerazzjonijiet kollha li għal snin twal qdew lil ħuthom b’ dan il-mod. Ippermettuli nsemmi eżempju riċenti ta’ din it-tip ta’ devozzjoni fit-tama li ħafna aktar jifhmu aħjar il-kmandament tal-Mulej biex “inkunu magħhom u nsaħħu”10 lil ħutna.

L-14 ta’ Jannar li għadda, f’ jum il-Ħadd, ftit wara l-5 ta’ filgħaxija, il-ħbieb żgħażagħ tiegħi, Brett u Kristin Hamblin, kienu qed jitkellmu flimkien fid-dar tagħhom ġewwa Tempe, Arizona, wara li Brett kien għadda jum sħiħ iservi fil-veskovat u Kristin għaddiet jum mimli daqs bajda tieħu ħsieb il-ħamest itfal tagħhom.

F’ daqqa waħda, Kristin, li s-sena ta’ qabel kienet dehret likienet rebħet il-battalja tagħha kontra l-marda tal-kanċer, intilfet minn sensiha. Wara telefonata fuq in-numru 911, wasal tìm tal-emerġenza li pprova minn kollox li jerġa’ jġibha lura f’ sensiha. Hekk kif Brett beda jitlob bil-ħerqa, huwa immedjatament għamel żewġ telefonati oħra: waħda lil ommu fejn talabha biex tgħinu bit-tfal, u l-oħra lil Edwin Potter, l-għalliem tiegħu tad-dar. Il-konverżazzjoni sħiħa ma’ dan tal-aħħar kienet kif ġej:

Edwin, meta nnota min kien ċempillu, qal, “Haw’, Brett, x’inqala’?”

It-tweġiba ta’ Brett, b’ leħen xi ftit jgħajjat, kienet sempliċiment “Għandi bżonnok hawn—issa!”

F’ ħin verament qasir li lanqas Brett ma stenna, il-kollega tiegħu fis-saċerdozju kien jinsab wieqaf ħdejh, jgħinu bit-tfal, u mbagħad saq lil Brother Hamblin sal-isptar, wara li segwa lill-ambulanza li kienet qed iġġorr lil Kristin. Hemmhekk, anqas minn 40 minuta wara li hija kienet għalqet għajnejha għall-ewwel darba, it-tobba ddikjaraw lil Kristin mejta.

Hekk kif Brett infaqa’ jibki, Edwin sempliċiment għannqu miegħu u beka miegħu—għal ħin twil mhux ħażin. Imbagħad, hekk kif ħalla lil Brett jgħaddi ħin fin-niket ma’ membri oħra tal-familja li kienu għadhom kif inġabru hemm, Edwin saq sad-dar tal-isqof biex jgħidlu x’ kien għadu kif ġara. Dan l-isqof meraviljuż mar immedjatament l-isptar filwaqt li Edwin saq sad-dar tal-familja Hamblins. Hemmhekk, hu u martu, Charlotte, li kienet marret ukoll tiġri hemm, qagħdu jilagħbu mal-ħamest itfal tal-familja Hamblin li issa kienu spiċċaw bla omm, li l-età tagħhom kienet tvarja minn 12-il sena sa 3 snin.Huma temgħuhom l-ikla ta’ filgħaxija, għaddew ħin ikantaw flimkien magħhom b’ mod spontanju u għenuhom ilestu biex jidħlu fis-sodda.

Aktar tard Brett qalli, “L-aktar ħaġa meraviljuża f’ dan kollu mhijiex li Edwin ġie meta jiena sejjaħtlu. F’ emerġenza dejjem issib nies lesti jgħinuk. Le, l-aktar ħaġa meraviljua f’ dan kollu kienet li kien hu li ġie f’ moħħi.Kien hemm aktar nies li jiena kont naf. Kristin għandha ħuha u oħtha li joqogħdu anqas minn tliet mili ‘l bogħod. Aħna għandna isqof meraviljuż, l-aqwa li jista’ jkollna. Iżda r-relazzjoni bejni u bejn Edwin tant hija mill-aqwa li jien istintivament ħassejt li kelli nsejjaħlu meta kelli bżonn l-għajnuna. Il-Knisja pprovditilna mod strutturat kif aħna nistgħu ngħixu aħjar it-tieni kmandament—li nħobbu, inservu u niżviluppaw relazzjoni ma’ ħutna li jgħinuna nersqu aktar viċin Alla.”11

Dwar dik l-esperjenza, Edwin qal dan, “Presbiteru Holland, l-ironija f’ dak kollu hi li Brett dam l-għalliem tad-dar tal-familja tagħna ferm aktar milli kont ilni l-għalliem tagħhom jiena. Maż-żmien, huwa kien jiġi jżurna aktar bħala ħabib milli fuq xi essajnment. Huwa kien ta’ eżempju kbir għalija, l-akbar eżempju ta’ kif għandu jkun raġel attiv u involut li jħaddan is-saċerdozju.Marti, u wliedi s-subien—ma nħarsux lejh bħala xi ħadd li għandu l-obbligu li jiġi għandna b’ xi messaġġ fl-aħħar tax-xahar; aħna nħarsu lejh bħala ħabib li joqgħod ftit passi ‘l bogħod minna, kantuniera bogħod, li jagħmel dak kollu li jista’ biex iberikna.Jien kuntent li nista’ npattilu xi ftit mid-dejn li għandi lejh.”12

Ħuti, jien ningħaqad magħkom waqt li nsellem lil kull għalliem tal-inħawi u għalliem tal-qasam u għalliem tad-dar u għalliema taż-żjajjar li ħabbew u qdew b’ fedeltà kbira tul l-istorja tagħna. It-talba tagħna llum hi li kull raġel u mara—u l-ġuvintur u t-tfajliet akbar tagħna—iħallu din il-konferenza ġenerali aktar lesti biex b’ impenn u mħabba jieħdu ħsieb xulxin, fejn il-motivazzjoni tagħhom li jagħmlu dan tkun biss l-imħabba safja ta’ Kristu. Minkejja dak li aħna lkoll naħsbu li huma l-limitazzjonijiet u l-inadegwatezzi tagħna—u aħna lkoll għandna ċerti sfidi—madankollu, jalla aħna naħdmu spalla ma’ spalla ma’ Sid l-għalqa,13 fejn ngħinu lil Alla u l-Missier tagħna lkoll bil-biċċa xogħol tant kbira li Huwa għandu li jisma’ t-talb, jipprovdi l-faraġ, jixxotta d-dmugħ u jsaħħaħ l-irkupptejn imriegħda.14 Jekk aħna nagħmlu dan, aħna nkunu nixbhu aktar lid-dixxipli vera ta’ Kristu, kif suppost inkunu. F’ dan Ħadd il-Għid, li aħna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu,15 hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.