2010-2019
Għada l-Mulej se Jagħmel Ħwejjeġ tal-Għaġeb f’Nofskom
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Għada l-Mulej se Jagħmel Ħwejjeġ tal-Għaġeb f’Nofskom

Komplu ħobbu. Komplu ppruvaw Komplu afdaw. Komplu emmnu. Komplu ikbru. Żgur li ssibu l-għajnuna divina, illum, għada u għal dejjem.

Ħuti, għandkom idea—għandkom ħjiel—kemm aħna nħobbukom? Għal 10 sigħat sħaħ intom segwejtuna, għajnejkom fissi fuq kull wiċċ li deher quddiem dan il-pulptu, iżda għal dawk l-istess 10 sigħat sħaħ, aħna konna ninsabu bilqiegħda nsegwu minn wara dan il-pulptu, għajnejna jħarsu lejkom. Intom verament timlew ruħna b’ ferħ mill-aktar kbir, kemm jekk intom fost il-21,000 li tinsabu miġburin hawn fiċ-Ċentru tal-Konferenza, jew li tinsabu fost il-miġemgħa li hemm fid-djar tal-laqgħat u l-kappelli, jew finalment fost il-miljuni li jinsabu fid-djarhom madwar id-dinja, probabilment imdawrin ma’ skrin ta’ xi kompjuter tal-familja. Intom tinsabu hawn, intom tinsabu hemm, siegħa wara siegħa, lebsin l-aħjar ħwejjeġ ta’ nhar ta’ Ħadd, filwaqt li tkunu l-aħjar li tistgħu tkunu. Intom tkantaw u titolbu. Intom tisimgħu u temmnu. Intom il-miraklu ta’ din il-Knisja. U aħna nħobbukom..

X’ konferenza ġenerali mill-isbaħ għadu kif kellna. Aħna lkoll ġejna speċjalment imberkin bil-preżenza tal-President Monson u l-messaġġi profetiċi tiegħu. President, aħna nħobbuk, nitolbu għalik, nirringrazzjawk u fuq kollox, aħna nsostnuk. Aħna grati li ġejna mgħallmin minnek u mill-kunsilliera meraviljużi tiegħek u minn daqstant mexxejja mill-aqwa, kemm irġiel kif ukoll nisa, li aħna għandna. Smajna mużika verament inkomparabbli. Kellna min b’ ħerqa kbira talab għalina lkoll. L-Ispirtu tal-Mulej verament kien jinsab hawn bil-kotra. X’ tmiem il-ġimgħa ispirat kellna f’dak kollu li aħna esperjenzajna.

Bħalissa, jien qed nara xi ftit problemi quddiemi. Waħda minnhom hu l-fatt li jiena l-unika persuna li baqa’ biex tisimgħu qabel intom tmorru tieklu dak il-ġelat li jkollkom dejjem lest għal meta tintemm il-konferenza ġenerali. Il-problema potenzjali l-oħra tidher f’ dan ir-ritratt li jiena rajt m’ilux fuq l-internet.

Dinosawru jiġri wara t-tfal

Nitlob skuża lit-tfal kollha li bħalissa jinsabu jistaħbaw taħt il-pultruna, iżda l-fatt hu li ħadd minna ma jrid li għada, jew pitgħada, ma jibqax iħoss aktar is-sentimenti sbieħ li ħassejna f’ din it-tmiem il-ġimgħa. Jeħtieġ inżommu sod mas-suġġerimenti spiritwali li ħassejna u t-tagħlim ispirat li smajna. Iżda hija ħaġa inevitabbli li wara tant mumenti divini f’ ħajjitna, aħna, għax hekk hemm bżonn, nerġgħu lura fid-dinja, biex ngħidu hekk, fejn se nħabbtu wiċċna ma’ ċirkustanzi anqas ideali.

L-awtur tal-Lhud widdibna dwar dan meta huwa kiteb, “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa.”1 Din it-taqbida ħarxa li tiġi wara d-dawl tat-tagħlim nistgħu nesperjenzawha b’ ħafna modi, u nistgħu nesperjenzawha lkoll kemm aħna. Bla dubju kull missjunarju li qatt serva ma damx ma nduna li l-ħajja fl-għalqa tal-missjoni ma tixbahx eżattament l-atmosfera rraffinata li hemm fiċ-ċentru għat-taħriġ missjunarju. L-istess nistgħu ngħidu għalina lkoll wara li aħna noħorġu minn sezzjoni ħelwa fit-tempju jew fit-tmiem ta’ xi laqgħa sagramentali mill-aktar spiritwali.

Ftakru li meta Mosè niżel mill-esperjenza mill-aktar unika tiegħu fuq il-Muntanja Sinaj, huwa sab li l-poplu tiegħu kien “tħassar” u “malajr warrbu mit-triq.”2 Huma kienu jinsabu f’ qiegħ il-muntanja, għaddejjin jibnu għoġol tad-deheb, biex ikunu jistgħu jadurawh, preċiżament fil-mument meta Ġehova, fuq l-għoli tal-muntanja, kien qed jgħid lil Mosè, “Ma jkollokx allat oħra għajri,” u “La tagħmilx għalik suriet minquxa.”3 Dak inhar Mosè ma kienx kuntent bil-merħla tiegħu ta’ wlied Iżrael li kienu ilhom jiġġerrew!

Tul il-ministeru Tiegħu fid-dinja, Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni sal-Għolja tat-Trasfigurazzjoni, fejn, l-iskrittura tgħid, “wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.”4 Is-smewwiet infetħu, niżlu profeti mill-qedem u tkellem Alla l-Missier.

Wara esperjenza daqstant ċelestjali, x’ sab jistennih Ġesù meta niżel minn fuq il-muntanja? Mela, l-ewwel Huwa sab li kien hemm argument bejn id-dixxipli Tiegħu u l-avversarji tagħhom dwar barka li ma kenitx ħadmet kif huma xtaqu fuq wieħed tfajjel. Imbagħad Huwa pprova jikkonvinċi lit-Tnax—u jidher li kollu għalxejn—li Huwa dalwaqt kien se jiġi f’ idejn il-mexxejja tal-lokal li kienu se joqtluh. Imbagħad xi ħadd semma li kien wasal żmien li fih titħallas it-taxxa, li l-ħlas tagħha kellu jsir fil-pront. Imbagħad Huwa kellu jċanfar lil xi wħud mill-aħwa għaliex kienu qed jargumentaw dwar min fosthom kien l-akbar fis-saltna Tiegħu. U dan wasslu biex f’ ħin minnhom Huwa qal, ”Ja nies bla fidi … kemm se ndum nissaportikom?”5 Huwa kellu l-opportunità li jistaqsi dik il-mistoqsija aktar minn darba tul il-ministeru Tiegħu. Mhux ta’ b’ xejn kien iħares bil-quddiem biex imur jitlob fis-solitudni tal-quċċata tal-muntanji!

Għax naf li aħna lkoll se jkollna ngħaddu minn esperjenzi eżaltanti biex imorru nħabbtu wiċċna maċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja, ippermettuli noffrilkom ftit kliem ta’ inkuraġġiment hekk kif din il-konferenza ġenerali qed tiġi fi tmiemha.

L-ewwel nett, jekk fil-jiem li ġejjin intom ma tarawx biss il-limitazzjonijiet ta’ dawk ta’ madwarkom iżda taraw ukoll ċerti elementi f’ ħajjitkom li mhumiex daqstant kompatibbli mal-messaġġi li għadkom kif smajtu f’ din it-tmiem il-ġimgħa, jekk jogħġobkom taqtgħux qalbkom. L-evanġelju, il-Knisja, u dawn il-konferenzi meraviljużi ta’ darbtejn fis-sena huma intenzjonati biex jagħtuna t-tama u l-ispirazzjoni. Mhumiex intenzjonati biex jaqtgħulna qalbna. Huwa l-avversarju biss, l-għadu tagħna lkoll, li jipprova jikkonvinċina li l-ideali li ssemmgħu waqt il-konferenza ġenerali mhumiex realistiċi u jispiċċaw inikktuna, li l-bnedmin mhux veru jistgħu jittjiebu, li mhux veru li dak li jkun jista’ javvanza. U għalfejn Luċifru jitkellem hekk? Għaliex huwa jaf li huwa ma jistax jitjieb, li huwa ma jistax javvanza, li dinjiet bla tmiem huwa qatt ma jista’ jkollu f’ futur aħjar. Huwa bniedem miżerabbli marbut b’ ċerta limitazzjonijiet eterni, u jridkom tkunu miżerabbli bħalu. Mela, taqax għalih. Permezz tad-don tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u l-qawwa tas-sema biex tgħinna, aħna nistgħu nitjiebu, u l-aqwa ħaġa dwar l-evanġelju hi li aħna se niġu mberkin talli nippruvaw, anke meta aħna ma jirnexxilniex.

Meta fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kien hemm kontroversja dwar min kien intitolat għall-barkiet tas-smewwiet u min ma kienx, il-Mulej iddikjara lill-Profeta Joseph Smith, “Fis-sewwa ngħidlek, id-doni ta’ Alla huma mogħtja għall-benefiċċju ta’ dawk li jħobbuni u jżommu … l-kmandamenti tiegħi, u għalihom li jippruvaw jagħmlu dan.”6 Għiduli ħaġa, m’aħniex aħna kollha grati ta’ din il-provista żejda “u … nippruvaw nagħmlu dan”! Din hija ħaġa li timliena bil-kuraġġ għaliex xi kultant dak hu dak kollu li aħna nkunu nistgħu noffru! Huwa ta’ faraġ għalina l-fatt li jekk Alla kellu jippremja biss lill-qaddisin perfetti, Huwa ma tantx ikollu wisq lil min jippremja.

Jekk jogħġobkom għada ftakru, u fil-jiem kollha ta’ wara għada, li l-Mulej ibierek lil dawk li jridu jitjiebu, li jaċċettaw il-bżonn li jobdu l-kmandamenti u jippruvaw iżommuhom, li jgħożżu l-virtujiet li jixbhu lil ta’ Kristu u jagħmlu dak kollu li jistgħu skont il-kapaċitajiet tagħhom biex jiksbuhom. Jekk f’ din it-tfittxija tagħkom intom tiżolqu, l-istess jiżloq ħaddieħor; is-Salvatur jinsab hemm biex jgħinkom tibqgħu għaddejjin. Jekk taqgħu, itolbuh jgħinkom ħalli terġgħu tqumu. Itolbuh kif għamel Alma, “O Ġesù, … ikollok ħniena minni.”7 Huwa jgħinkom terġgħu tqumu fuq saqajkom. Huwa jgħinkom tindmu, issewwu dak kollu li jkun jeħtieġ issewwu, u tibqgħu għaddejjin. Ma ddumux ma jkollkom is-suċċess li tkunu qed tfittxu.

“Dak li tixtiequ minni jingħatalkom,” iddikjara l-Mulej.

“… Araw li tafdaw f’ dak l-Ispirtu li jmexxikom biex tagħmlu dak li hu sewwa—iva, li tagħmlu dak li hu ġust, li timxu b’ umiltà, li tiġġudikaw b’ mod ġust. …

“… [Imbagħad] dak kollu li tixtiequ minni fis-sewwa, … intom tirċievuh.”8

Kemm togħġobni din id-duttrina! Qed terġa’ tgħidilna li aħna se nkunu mberkin minħabba ix- xewqa tagħna li nagħmlu t-tajjeb, sewwasew hekk kif nippruvaw nagħmlu dak kollu li nistgħu. U tfakkarna li biex nikkwalifikaw għal dawk il-barkiet, jeħtieġ inkunu ċerti li ma nċaħħduhomx lil ħaddieħor: jeħtieġ nimxu ma’ ħaddieħor b’ mod ġust u mhux b’ inġustizzja; jeħtieġ nimxu b’ umiltà, mhux b’ arroganza, mhux b’ suppervja; jeħtieġ niġġudikaw b’ mod xieraq, u mhux biex nuru li aħna aħjar minn ħaddieħor, jew b’ mod xejn xieraq.

Ħuti, l-ewwel kmandament kbir fl-eternità kollha hu li nħobbu lill Alla b’ qalbna, bil-qawwa u bis-setgħa tagħna kollha u b’ moħħna kollu—Dak hu l-ewwel kmandament kbir. Iżda l-ewwel verità kbira fl-eternità kollha hi li Alla lilna jħobbna b’ qalbu, bil-qawwa u bis-setgħa kollha Tiegħu u b’ moħħu kollu. Dik l-imħabba hija l-blata tal-pedament tal-eternità, u għandna tkun il-blata tal-pedament tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fil-fatt hija biss permezz ta’ din iċ-ċertezza tbaqbaq ġewwa ruħna li aħna jista’ jkollna l-kunfidenza li nibqgħu nemmnu, li nibqgħu nippruvaw nitjiebu, li nibqgħu nfittxu l-maħfra ta’ dnubietna u li nibqgħu nestendu din il-grazzja lill-proxxmu tagħna.

Il-President George Q. Cannon darba għallem: “Huma kemm huma serji l-isfidi, kbira kemm hi kbira l-miżerja u s-sofferenza, Alla qatt mhu se jħallina weħidna. Qatt ma ħalliena u qatt mhu se jħallina. Dan qatt ma jista’ jagħmlu. Mhuwiex fil-karattru Tiegħu li jagħmel dan. … Huwa dejjem se jkun wieqaf magħna. Aħna nafu ngħaddu minn qalb in-nar iħeġġeġ; nafu ngħaddu minn ilmijiet mill-aktar fondi; iżda m’għandna qatt nitilfu t-tama jew naqtgħu qalbna. Għandna noħorġu minn qalb dawn l-isfidi u d-diffikultajiet bħala bnedmin aħjar u aktar safja.”9

Issa, b’ din id-devozzjoni majestuża mis-sema dejjem preżenti f’ ħajjitna, li dehret b’ mod pur u perfett fil-ħajja, fil-mewt u fl-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu, aħna nistgħu niskappaw il-konsegwenzi kemm tad-dnub kif ukoll tal-istupidaġni—kemm tagħna kif ukoll ta’ ħaddieħor—tkun kif tkun il-forma tagħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jekk aħna noffru qalbna lil Alla, jekk inħobbu lill-Mulej Ġesù Kristu, jekk nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu l-evanġelju, imbagħad għada—u kull jum ieħor—se jkun ultimament jum meraviljuż, anke jekk aħna mhux dejjem nagħrfu dan. Għalfejn? Għaliex Missierna tas-Smewwiet hekk irid li jkun! Huwa jrid iberikna. L-oġġettiv finali tal-pjan tal-ħniena għal uliedu huwa li aħna jkollna ħajja ta’ sodisfazzjon, abbundanti u eterna! Huwa pjan marbut mal-verità “li għal dawk li jħobbu lil Alla, kollox sa jseħħ għall-aħjar tagħhom.”10 Għalhekk komplu ħobbu. Komplu ppruvaw Komplu afdaw. Komplu emmnu. Komplu ikbru. Żgur li ssibu l-għajnuna divina, illum, għada u għal dejjem.

“Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt?” Isaija talab b’ ħerqa.

“Alla jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. …

“…Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom lura, jgħolew ’l fuq bil-ġwienaħ bħall-ajkli. …

“Għax … il-Mulej … Alla, jwiżinhom minn idhom il-leminija, u jgħidilhom: ”La tibżgħux, jiena l-għajnuna tagħkom.”11

Ħuti, jalla Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna iberikkna biex għada niftakru dak li ħassejna llum. Jalla Huwa jberikkna biex dejjem nagħmlu l-almu tagħna bil-paċenzja u bil-persistenza biex nimxu lejn l-ideali li smajna jiġu ddikjarati f’ din it-tmiem il-ġimgħa tal-konferenza, għax nafu li l-imħabba divina u l-għajnuna konstanti Tiegħu se jkunu dejjem magħna anke meta nkunu għaddejjin minn xi żmien diffiċli f’ ħajjitna—anzi, Hu jkun magħna speċjalment meta nkunu għaddejjin minn xi żmien diffiċli.

Jekk l-istandards tal-evanġelju jidhru li huma għoljin ferm u t-titjib personali meħtieġ minna fil-jiem li ġejjin jidher diffiċli li nilħquh, ftakru fil-kliem ta’ kuraġġ li Ġożwè ta lin-nies tiegħu meta kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ futur mill-aktar skuraġġanti. “Tqaddsu,” huwa qal, “għax għada l-Mulej se jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb f’nofskom.”12 Jien  niddikjara magħkom din l-istess wegħda. Hija l-wegħda ta’ din il-konferenza. Hija l-wegħda ta’ din il-Knisja. Hija l-wegħda ta’ Dak li jwettaq dawk l-għeġubijiet, li Huwa nnifsu Hu “Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, ... Il-Prinċep tal-Paċi.”13 Tiegħu jiena nagħti xhieda. Tiegħu jiena xhud. U Għalih din il-konferenza qed tkun bħala testment tal-ħidma kontinwa Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem. F’ isem Ġesù Kristu, amen.