2010-2019
Kunsilli tal-Familja
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Kunsilli tal-Familja

Meta l-ġenituri jkunu mħejjijin u l-ulied jisimgħu u jipparteċipaw fid-diskussjoni, il-kunsill tal-familja jkun verament qed jaħdem.

Ħuti, l-ironija li tkun ġenitur hi li jidher li aħna nsiru verament tajbin fl-irwol tagħna meta wliedna jkunu kibru. Illejla se naqsam magħkom xi ħaġa li xtaqt li jiena fhemt aħjar meta Barbara u jien bdejna nrabbu l-ulied prezzjużi tagħna.

Tul il-ministeru appostoliku tiegħi, jiena spiss għamilt enfażi fuq il-qawwa u l-importanza tal-kunsilli tal-Knisja, inkluż il-kunsilli tal-missjoni, tal-wited, tal-qasam u dak tal-awżiljarji.

Jiena nemmen li l-kunsilli huma l-aktar mod effettiv biex niksbu riżultati tajbin. Barra minn hekk, jien naf li l-kunsilli huma l-mod li jogħġob lill-Mulej u li Huwa ħoloq kull ħaġa li hawn fl-univers permezz ta’ kunsill tas-smewwiet, kif imsemmi fl-iskrittura mqaddsa.1

Madankollu, s’issa, jien għadni qatt ma tkellimt f’ konferenza ġenerali dwar l-aktar kunsill bażiku u fundamentali—u forsi l-aktar wieħed importanti—fost il-kunsilli kollha: il-kunsill tal-familja.

Il-kunsilli tal-familja minn dejjem kienu meħtieġa. Huma, fil-fatt, eterni. Fl-eżistenza primortali tagħna aħna konna nagħmlu parti minn kunsill tal-familja, meta konna ngħixu mal-ġenituri tagħna tas-smewwiet bħala wlied spirti.

Kunsill tal-familja, meta jitmexxi b’ imħabba u bi kwalitajiet li jixbhu lil ta’ Kristu, jibbilanċja l-impatt tat-teknoloġija moderna li ħafna drabi żżommna lura milli nqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien u li wkoll għandha t-tendenza li twassal il-ħażen ġewwa djarna.

Jekk jogħġobkom ftakru li l-kunsilli tal-familja huma differenti mil-lejla d-dar mal-familja li nagħmlu nhar ta’ Tnejn. L-iljieli d-dar jiffukaw primarjament fuq it-tagħlim tal-evanġelju u fuq l-attivitajiet tal-familja. Il-kunsilli tal-familja, mill-banda l-oħra, nistgħu nagħmluhom f’ kull jum ieħor tal-ġimgħa, u huma primarjament laqgħa li fiha l-ġenituri jisimgħu—lil xulxin u lil uliedhom.

Jien nemmen li hemm mill-inqas erba’ tipi ta’ kunsilli tal-familja:

L-ewwel, kunsill tal-familja ġenerali li jikkonsisti mill-membri kollha tal-familja.

It-tieni, kunsill eżekuttiv tal-familja magħmul minn omm u missier.

It-Tielet, kunsill tal-familja limitat li jikkonsisti minn ġenituri u wieħed jew waħda mill-ulied.

Ir-raba’, kunsill tal-familja wiċċ imb’wiċċ li jikkonsisti minn wieħed mill-ġenituri u xi ħadd mill-ulied.

F’ dawn it-tipi kollha ta’ kunsilli tal-familja, jeħtieġ li fihom nitfu l-mowbajls ħalli kulħadd ikun jista’ jħares lejn xulxin u jisma’ lil xulxin. Matul il-kunsilli tal-familja u f’ ħinijiet xierqa oħra, tafu tippreferu li jkollkom xi qoffa biex fiha tqiegħdu l-mowbajls tagħkom ħalli meta l-familja tinġabar flimkien, kulħadd—inkluż l-Omm u l-Missier—ikunu jistgħu jpoġġu l-mowbajls u t-teblits fil-qoffa. Wara li jagħmlu dan, huma jkunu jistgħu jiddiskutu flimkien mingħajr it-tentazzjoni li jwieġbu xi messaġġ fuq il-Facebook, li jibgħatu xi sms jew li jaraw xi email li jkunu għadhom kif irċevew.

Ippermettuli sabiex fil-qosor naqsam magħkom kif kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ kunsill tal-familja jista’ verament jaħdem.

L-ewwel, il-kunsill tal-familja komplet jinkludi fih lill-membri kollha tal-familja.

Il-pamflet tal-Knisja li jismu Il-Familja Tagħna jiddikjara, “Il-membri ta’ dan il-kunsill jistgħu jiltaqgħu flimkien biex jiddiskuti l-problemi tal-familja, jagħtu ħarsa lejn il-finanzi, jagħmlu ċerta pjanijiet, jissapportjaw u jsaħħu lil xulxin u jitolbu għal xulxin f’ unit tal-familja.”2

Dan il-kunsill għandu jiltaqa’ f’ ħin li jiġi skedat minn qabel u ħafna drabi huwa aktar formali mit-tipi l-oħra ta’ kunsill tal-familja.

Għandna nibdew b’ talba, għax inkella dan jispiċċa sempliċiment estenzjoni ta’ konverżazzjoni li aħna nkun diġà bdejna xi mkien ieħor. Jekk jogħġobkom innutaw li kunsill tal-familja mhux dejjem jeħtieġ li jkollu xi bidu jew tmiem formali.

Meta l-ġenituri jkunu mħejjijin u l-ulied jisimgħu u jipparteċipaw fid-diskussjoni, il-kunsill tal-familja jkun verament qed jaħdem.

Hi x’inhi s-sitwazzjoni partikolari tal-familja tagħna, huwa importanti ħafna li aħna nifhmu ċ-ċirkustanzi uniċi ta’ kull membru tal-familja. Minkejja li lkoll kemm aħna jaf ikollna l-istess DNA, jaf ikun hemm sitwazzjonijiet u ċirkustanzi fostna li jafu jagħmluna verament differenti minn xulxin u li jeħtieġu l-kollaborazzjoni mibnija fuq il-kompassjoni tal-membri tal-kunsill tal-familja.

Per eżempju, id-diskors, l-opinjoni u l-imħabba kollha fid-dinja jafu ma jsolvux xi problema medika jew xi sfida emozzjonali li xi membru jew membri tal-familja jafu qed iħabbtu wiċċhom magħha. F’ mumenti bħal dawn, il-kunsill tal-familja jsir post ta’ unità, lealtà, u sapport kollu mħabba hekk kif infittxu l-għajnuna lil hinn mill-familja biex insibu soluzzjoni.

L-aħwa, speċjalment l-akbar fost l-ulied, jistgħu jkunu verament dawk li li t-tfal ċkejkin jadaw fihom jekk il-ġenituri jużaw il-kunsill tal-familja biex jingaġġaw l-għajnuna u s-sapport tagħhom tul iż-żminijiet ta’ diffikultà.

F’ dan is-sens, familja tixbah ħafna lil qasam. Meta l-isqof jinvolvi lill-membri tal-kunsill tal-qasam, huwa jista’ jsolvi l-problemi u jwettaq ħafna ġid b’ modi li żgur ma kienx jirnexxilu jagħmel mingħajr l-għajnuna tagħhom. Bl-istess mod, il-ġenituri jeħtieġ li jinvolvu lill-membri kollha tal-familja meta huma jkunu qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi u l-avversità. B’ dan il-mod, il-qawwa tal-kunsill tal-familja nagħtuha ċans taħdem. Meta l-membri tal-kunsill iħossuhom li huma parti minn xi deċiżjoni, huma jissapportjawha u bis-saħħa ta’ dan nistgħu naraw iseħħu ċerti riżultati pożittivi speċifiċi.

Mhux kull kunsill tal-familja jikkonsisti minn żewġ ġenituri u t-tfal. Il-kunsill tal-familja tagħkom jaf jidher differenti ħafna mill-kunsill tal-familja tagħna meta aħna konna qed inrabbu s-sebat itfal tagħna. Illum il-kunsill tal-familja tagħna jikkonsisti biss minni u Barbara, sakemm ma nagħmlux kunsill tal-familja estiż li jinkludi fih l-ulied adulti tagħna, in-nisa u l-irġiel tagħhom u xi kultant it-tfal tagħhom u t-tfal tat-tfal tagħhom.

Dawk li huma single u anke l-istudenti li jgħixu ‘l bogħod minn darhom jistgħu jimxu wara l-mudell tal-kunsill divin billi jinġabru flimkien ma’ sħabhom u ma’ dawk li jgħixu magħhom u jiddiskutu flimkien.

Ikkunsidraw kif tista’ tinbidel l-atmosfera ġewwa appartament jekk dawk li jgħixu fih jiltaqgħu regolarment biex jitlobu, jisimgħu, jiddiskutu u jippjanaw flimkien.

Kulħadd jista’ jadatta kunsill tal-familja biex jieħu vantaġġ ta’ dan il-mudell divin li twaqqaf minn Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna.

Kif innutajna qabel, minn żmien għall-ieħor kunsill tal-familja estiż jista’ jkun verament ta’ għajnuna. Kunsill tal-familja estiż jista’ jikkonsisti min-nanniet u t-tfal adulti li ma għadhomx joqogħdu ġewwa d-dar. Anke jekk in-nanniet jew it-tfal adulti joqogħdu ‘l bogħod, huma jistgħu jipparteċipaw fil-kunsilli tal-familja permezz tat-telefon, tal-iSkype jew tal-FaceTime.

Tafu tikkunsidraw li tagħmlu l-kunsill ġenerali tal-familja fil-jum tal-Ħadd, li huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa; il-familji jistgħu jagħtu ħarsa flimkien lejn il-ġimgħa li tkun għadha kif intemmet u jippjanaw għall-ġimgħa li jkollhom quddiemhom. Dan jaf ikun eżattament dak li l-familja tagħkom teħtieġ biex tgħinkom tagħmlu Jum il-Ħadd l-għaxqa tagħkom.

It-tieni tip tal-kunsill tal-familja huwa l-kunsill eżekuttiv tal-familja li jinvolvi fih biss lill-ġenituri. Tul dan il-ħin flimkien, il-ġenituri jistgħu jagħtu ħarsa flimkien lejn il-bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali u spiritwali ta’ wliedhom u lejn il-progress li huma jkunu qed jagħmlu.

Il-kunsill eżekuttiv tal-familja huwa wkoll ħin tajjeb biex fih il-mara u r-raġel jitkellmu flimkien dwar ir-relazzjonijiet personali tagħhom. Meta l-Presbiteru Harold B. Lee wettaq is-siġill tagħna, huwa għallimna prinċipju li jien naħseb li jista’ jkun ta’ għajnuna għall-koppji kollha. Huwa qal “Qatt tmorru torqdu mingħajr ma tinżlu għarkupptejkom flimkien, iżżommu jdejn xulxin u titolbu flimkien. Dan it-tip ta’ talb jistieden lil Missierna tas-Smewwiet sabiex jagħtina l-kunsill tiegħu permezz tal-qawwa tal-Ispirtu.”

It-tielet tip ta’ kunsill tal-familja huwa l-kunsill limitat tal-familja. Hawnhekk, iż-żewġ ġenituri jqattgħu ħin flimkien ma’ xi ħadd minn uliedhom f’ ambjent li jista’ jkun formali jew inkella informali. Din hija opportunità biex f’ dak il-ħin issir diskussjoni dwar li għandna niddeċiedu minn qabel dwar ċerti ħwejjeġ li wliedna se jagħmlu jew mhux se jagħmlu fil-futur. Meta jittieħdu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet, huma jafu jkunu jixtiequ jirreġistrawhom f’ kas li jkunu jridu jerġgħu jirreferu għalihom fil-futur. Jekk uliedkom iħarsu lejkom bħala dawk li verament tissapportjawhom, din il-laqgħa tal-kunsill tista’ tistabbilixxi ċerta għanijiet u oġġettivi għall-futur. Dan huwa wkoll ħin biex bir-reqqa kollha nisimgħu l-problemi u l-isfidi serji li kull wieħed u waħda minn uliedna jafu qed iħabbtu wiċċhom magħhom bħan-nuqqas ta’ kunfidenza, l-abbuż, il-bullijing jew il-biża’.

Ir-raba’ tip ta’ kunsill tal-familja huwa l-kunsill tal-familja wiċċ imb’wiċċ li jinvolvi fih wieħed mill-ġenituri u wieħed jew waħda mill-ulied. Dan it-tip ta’ kunsill tal-familja ġeneralment iseħħ b’ mod spontanju. Per eżempju, il-ġenitur u t-tifel jistgħu jieħdu vantaġġ ta’ ċerti opportunitajiet informali waqt li jkunu qed jivvjaġġaw flimkien fil-karozza jew jagħmlu xi ħaġa madwar id-dar. Ħarġa ma’ wieħed mill-ulied flimkien mal-missier jew mal-omm tista’ tipprovdi ħin spiritwali u emozzjonali speċjali bejniethom. Skedaw dawn il-mumenti minn qabel sabiex it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw u jħarsu bil-quddiem biex iqattgħu ħin weħidhom flimkien ma’ ommhom u missierhom.

Issa, ħuti, kien hemm żmien meta l-ħitan ta’ djarna kienu jipprovdu d-difiża kollha li konna neħtieġu kontra l-indħil u l-influwenzi ta’ barra. Konna nsakkru l-bibien, nagħlqu t-twieqi u l-kanċelli u nħossuna sikuri u protetti fid-daqsxejn ta’ refuġju li aħna kien ikollna lil hinn mid-dinja ta’ barra.

Dak iż-żmien għadda. Il-ħitan, il-bibien u l-kanċelli fiżiċi ta’ djarna ma jistgħux iwaqqfu l-invażjoni, li bilkemm nindunaw biha, li ġejja mill-Internet, mill-Waj-Faj, mill-mowbjals u n-netwerks. Dawn jistgħu jippenetraw djarna bi ftit klikks u daqqiet fuq il-kijbord.

Fortunatament, il-Mulej ipprovdielna mod kif nistgħu nikkumbattu l-invażjoni tat-teknoloġija negattiva li tista’ żżommna milli nqattgħu ħin ta’ kwalità bejnietna. Huwa għamel dan billi pprovdielna s-sistema tal-kunsill biex issaħħaħ, tipproteġi, tissalvagwardja, u tieħu ħsieb l-aktar relazzjonijiet prezzjużi li għandna.

It-tfal b’ mod iddisprat jeħtieġu ġenituri li huma lesti jisimgħuhom, u l-kunsill tal-familja jista’ jipprovdi ħin li matulu l-membri tal-familja jistgħu jitgħallmu jifhmu u jħobbu lil xulxin.

Alma għallem, “Iddiskutu mal-Mulej f’ dak kollu li tagħmlu, u huwa jidderiġikom għat-tajjeb.”3 Jekk aħna nistiednu lill-Mulej sabiex ikun parti mill-kunsill tal-familja tagħna permezz tat-talb dan iwassal biex itejjeb ir-relazzjonijiet tagħna flimkien. Aħna nistgħu, bl-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet u tas-Salvatur tagħna, insiru aktar paċenzjużi, konsiderevoli, lesti li ngħinu, naħfru u nifhmu hekk kif nitolbu għall-għajnuna. Bl-għajnuna Tagħhom, aħna nistgħu nagħmlu minn djarna post li jixbah ftit is-sema fl-art.

Kunsill tal-familja li huwa mfassal wara l-kunsilli fis-smewwiet, mimli bl-imħabba li tixbah lil dik ta’ Kristu u li ggwidata permezz tal-Ispirtu tal-Mulej tgħinna nipproteġu l-familja tagħna mid-distrazzjoni li tista’ tisirqilna mill-ħin prezzjuż tagħna flimkien u tipproteġina mill-ħażen tad-dinja.

Meta nikkumbinawh mat-talb, il-kunsill tal-familja jistieden fostna l-preżenza tas-Salvatur, kif Huwa wiegħed: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.”4 Li nistiednu l-Ispirtu tal-Mulej biex ikun parti mill-kunsilli tal-familja tagħna jwasslilna barkiet li jmorru lil hin minn kull deskrizzjoni.

Finalment, jekk jogħġobkom ftakru li jekk aħna nagħmlu kunsill tal-familja regolarment dan jista’ jgħinna nintebħu kmieni b’ xi problemi fil-familja u naslu biex nieħdu ħsiebhom; dan iwassal biex kull membru tal-familja jħossu li huwa ta’ valur u importanti; u fuq kollox dawn il-kunsilli jgħinuna nirnexxu aktar u nkunu aktar ferħanin fir-relazzjonijiet prezzjużi tagħna, bejn il-ħitan ta’ djarna. Li Missierna tas-Smewwiet ibierek il-familji tagħna kollha hekk kif aħna nikkunsiljaw flimkien hija t-talba umil tiegħi f’ isem Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, amen.