2010-2019
Mudell għall-Paċi
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Mudell għall-Paċi

Il-paċi li lkoll infittxu teħtieġ minna li aħna naġixxu—billi nitgħallmu dwar Ġesù Kristu, billi nisimgħu kliemu u billi nimxu Miegħu.

Ftit snin ilu, it-tifla tagħna u r-raġel tagħha ġew mitlubin sabiex flimkien jgħallmu klassi tal-Primarja magħmula minn ħames subien ċkejknin verament fuq ruħhom li lkoll kellhom erba’ snin. It-tifla tagħna kienet issejħet biex tgħallem u r-raġel tagħha kien issejjaħ biex jara li huma jobdu, fejn huma għamlu dak kollu li setgħu biex iżommu l-ordni fost it-taqlib li minn ħin għall-ieħor kien iqum meta jiġu biex jgħallmu l-prinċipji tal-evanġelju lil dawn it-tfal.

Tul waħda minn dawn il-lezzjonijiet mill-aktar diffiċli biex jikkontrollaw, wara li kienu wissew għal aktar minn darba lil wieħed minn dawn it-tfal żgħar mimli enerġija, ir-raġel tat-tifla tiegħi ħareġ flimkien ma’ dan it-tifel ta’ erba’ snin barra mill-klassi. Waqt li kien barra l-kamra, u hekk kif kien se jibda jkellem lil dan it-tifel ċkejken dwar l-imġieba tiegħu u l-bżonn li jsib il-ġenituri tiegħu, it-tifel ċkejken waqqaf lir-raġel tat-tifla milli jlissen kelma u b’ idejh fl-arja u kollu emozzjonat, għajjat, “Xi kultant—xi kultant—diffiċli għalija li noqgħod naħseb dwar Ġesù!”

Fil-vjaġġ tagħna f’ din il-ħajja mortali, glorjuża kemm hi glorjuża d-destinazzjoni li nixtiequ mmorru fiha u jkun kemm ikun eċċitanti l-vjaġġ tagħna, aħna nispiċċaw suġġett għall-isfidi u n-niket ta’ matul it-triq. Il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin għallem: “Ir-rota ddur tan-niket eventwalment xi darba tispiċċa tieqaf fuq kull wieħed u waħda minna. F’ xi żmien jew ieħor, kulħadd se jesperjenza n-niket. Ħadd mhu eżentat.”1 “Il-Mulej fl-għerf Tiegħu ma jipproteġi lil ħadd min-niket jew mid-dulur.”2 Madankollu, l-abbiltà li nivvjaġġaw din it-triq fil-paċi, fil-parti kbira tagħha, tiddependi jekk aħna nsibuhiex diffiċli jew le li naħsbu dwar Ġesù.

Is-serħan il-moħħ, il-paċi tal-kuxjenza u l-paċi fil-qalb ma jiddipendux mill-abbiltà tagħna li nevitaw l-isfidi, in-niket jew l-uġigħ tal-qalb. Minkejja it-talb sinċier tagħna, mhux kull maltempata tibdel ir-rotta tagħha, mhux kull marda nispiċċaw nfiequ minnha u jaf li aħna mhux dejjem nifhmu għal kollox kull duttrina, prinċipju jew drawwa kif inhi mgħallma mill-profeti, bassâra u rivelaturi. Imma, aħna ġejna mwegħdin il-paċi—b’ kundizzjoni memhuża magħha.

Fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, is-Salvatur għallem li minkejja t-tribulazzjoni tal-ħajja, aħna għandna nkunu ferħanin, għandna jkollna t-tama u m’hemmx għalfejn nibżgħu, għaliex Huwa ddikjara, “Bija jkollkom is-sliem.”3 Il-fidi f’ Ġesù Kristu u fis-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu hu, u jibqa’ għal dejjem, l-ewwel prinċipju tal-evanġelju u s-sisien li fuqhom tinbena t-tama tagħna għall-“paċi f’ din id-dinja, u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss”.4

Fit-tfittxija tagħna għall-paċi qalb l-isfidi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna ġejna mogħtijin mudell sempliċi biex inżommu ħsibijietna dejjem iffukati fuq is-Salvatur, li qal: “Tgħallmu minni, u isimgħu kliemi; imxu fil-manswetudni tal-Ispirtu tiegħi, u jkollkom il-paċi fija. Jiena Ġesù Kristu.”5

Tgħallmu, isimgħu u imxu—tliet passi b’ wegħda magħhom.

L-Ewwel Pass: “Tgħallmu Minni”

F’ Isaija naqraw, “Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu, Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu.”6

Fin-numru dejjem jikber ta’ tempji li qed jinbnew madwar id-dinja, aħna nitgħallmu dwar Ġesù Kristu u l-irwol Tiegħu fil-pjan tal-Missier bħala l-Ħallieq ta’ din id-dinja, bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna, u s-sors tal-paċi tagħna.

Il-President Thomas S. Monson għallem: “Id-dinja li ngħixu fiha taf tkun post mill-aktar diffiċli u mimli sfidi. … Hekk kif aħna mmorru fid-djar imqaddsa ta’ Alla, hekk kif niftakru fil-patti li nagħmlu hemm, inkunu aktar kapaċi negħlbu t-tentazzjoni u nħabbtu wiċċna ma’ kull sfida li jkollna quddiemna. F’ dan is-santwarju sagru aħna nsibu l-paċi.”7

Tul essajnment li jien kelli xi snin ilu waqt konferenza tal-wited meta kont qed inservi fl-Amerka t’ Isfel, jiena ltqajt ma’ koppja li kienu jħossuhom imnikktin minħabba l-mewt riċenti tat-tifel ċkejken tagħhom.

Kien waqt intervista li kelli fiż-żmien tal-konferenza li jien ltqajt għall-ewwel darba ma’ Brother Tumiri u sirt naf bit-telfa tiegħu. Hekk kif bdejna nitkellmu, huwa qasam miegħi li mhux biss huwa kien jinsab imnikket bil-mewt ta’ ibnu, iżda kien iħossu verament iddevastat bil-ħsieb li huwa qatt ma kien se jarah iżjed. Huwa spjegali li bħala membri relattivament ġodda fil-Knisja, huma kienu faddlu biżżejjed flus biex jattendu t-tempju għal darb’oħra, qabel it-twelid tat-tifel ċkejken tagħhom, fejn huma kienu ġew issiġillati bħala koppja u hemm ġew issiġillati wkoll maż-żewġ ulied bniet tagħhom. Imbagħad huwa ddeskriva kif huma kienu bdew ifaddlu l-flus biex jerġgħu lura t-tempju iżda ma rnexxilhomx jieħdu lit-tifel ċkejken tagħhom sabiex huwa wkoll jiġi ssiġillat magħhom.

Meta ndunajt li kien hemm xi affarijiet li kienu għadhom ma fehmux sewwa, jiena spjegajtlu li hu fil-fatt kien se jerġa’ jara lil ibnu, jekk huwa jibqa’ fidil, għaliex l-ordinanza tas-siġill li ssiġillat lilu ma’ martu u ma’ wliedu l-bniet kienet biżżejjed biex tissiġillah ma’ ibnu, li kien twieled fil-patt.

Kollu mistagħġeb, huwa staqsa jekk dan hux verament minnu, u meta jiena kkonfermajtlu li hekk kien, huwa mbagħad staqieni jekk jiena stajtx immur inkellem lil martu, li ma setgħet tikkonsla b’ xejn fil-ġimgħatejn minn meta binhom miet.

Il-Ħadd wara nofsinhar, wara l-konferenza, jiena ltqajt ma’ Sister Tumiri u spjegajt lilha wkoll din id-duttrina glorjuża. Bl-uġigħ evidenti ta’ waħda li kienet għadha kif tilfet lil binha , iżda issa b’ tama akbar fuqha, bid-dmugħ f’ għajnejha staqsietni, “Verament se nkun nerġa’ nista’ nħaddan miegħi għal darb’oħra lit-tifel ċkejken tiegħi? Huwa verament tiegħi għal dejjem?” Jiena ċċertajtha li hekk kif hija żżomm il-patti tagħha, il-qawwa tas-siġill li tinsab fit-tempju, li hi effettiva minħabba l-awtorità ta’ Ġesù Kristu, se tagħtiha ċ-ċans li hi terġa’ tkun ma’ binha u tħaddnu f’ dirgħajha għal darb’oħra.

Sister Tumiri, għalkemm b’ qalbha maqsuma minħabba l-mewt ta’ binha, ħalliet il-laqgħa li kellna bejnietna b’ għajnejha mimlijin dmugħ ta’ gratitudni u mimlija paċi minħabba l-ordinanzi sagri tat-tempju, li kienu possibbli permezz tas-Salvatur u l-Feddej tagħna.

Kull darba li aħna nattendu t-tempju—f’ dak kollu li nisimgħu, nagħmlu u ngħidu; f’ kull ordinanza li nieħdu sehem fiha; u f’ kull patt li nagħmlu—aħna nkunu qed nimxu lejn Ġesù Kristu. Aħna nħossu l-paċi hekk kif aħna nisimgħu kliemu u nitgħallmu mill-eżempju Tiegħu. Il-President Gordon B. Hinckley għallem, “Morru f’ dar il-Mulej u hemmhekk ħossu l-Ispirtu Tiegħu u tkellmu Miegħu u ssiru tafu b’ paċi li ma ssibuha mkien aktar.”8

It-Tieni Pass: “Isimgħu Kliemi”

Fid-Duttrina u Patti naqraw, “Kemm jekk permezz ta’ leħni jew permezz ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”9 Minn żmien Adam u nibqgħu għaddejjin tul iż-żminijiet sal-profeta kurrenti tagħna, Thomas Spencer Monson, il-Mulej tkellem permezz tar-rappreżentanti awtorizzati Tiegħu. Jekk aħna nagħżlu li nisimgħu u nagħtu kas kliem il-Mulej, hekk kif jasal għandna mingħand il-profeti Tiegħu, aħna żgur insibu s-sigurtà u l-paċi.

Fil-Ktieb ta’ Mormon aħna nsibu bosta eżempji dwar l-importanza li nimxu wara l-kunsill profetiku u nieqfu mal-profeta, fosthom il-lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja, kif insibuha f’ 1 Nephi kapitlu 8. Il-bini kbir u spazjuż qatt ma kien daqshekk iffullat. jew il-ħoss li ħiereġ mit-twieqi miftuħin tiegħu qatt ma kien daqshekk qarrieq, konfuż u jħobb jiddieħaq, daqs kemm hu fi żmienna. F’ dan il-passaġġ naqraw dwar żewġ gruppi ta’ nies u r-rispons tagħhom għall-għajjat mill-bini.

Il-ħolma ta’ Leħi

Jekk nibdew f’ vers 26, naqraw:

“U jiena ħarist ħarsa madwari, u rajt, fuq in-naħa l-oħra tax-xmara mimlija ilma, bini kbir u spazjuż. …

“U kien mimli nies, … u bdew jgħaddu biż-żmien u jippuntaw subgħajhom lejn dawk li kienu marru … u qabdu jieklu mill-frotta.

“U wara li daqu mill-frotta huma bdew jistħu, minħabba dawk li kienu qed jgħaddu ż-żmien bihom; u spiċċaw qabdu toroq ipprojbiti u ntilfu.”10

F’ vers 33 naqraw dwar oħrajn li r-rispons tagħhom kien differenti għal dawk li minn ġewwa l-bini kienu qed jgħaddu ż-żmien u jiżżufjettaw bihom. Il-profeta Leħi spjega li dawk li kien hemm fil-bini “ippuntajw subgħajhom lejja u lejn dawk li bħali kienu qed jieklu wkoll mill-frotta; iżda aħna ma tajniex kashom.”11

Differenza ewlenija bejn dawk li bdew jisħtu, u telqu mit-triq it-tajba u ntiflu u dawk li ma tawx kas taż-żuffjett li kien ġej mill-bini u baqgħu weqfin mal-profeta nsibuha f’ żewġ frażijiet: l-ewwel, “wara li daqu,” u t-tieni, “dawk li kienu qed jieklu.

L-ewwel grupp wasal ħdejn is-siġra, waqfu għall-ftit mal-profeta, iżda huma sempliċiment daqu l-frotta. Iżda peress li ma komplewx jieklu, huma ħallew iż-żuffjett li kien ġej mill-bini jaffettwahom, u jbegħedhom mill-profeta u jeħodhom f’ toroq ipprojbiti, fejn spiċċaw intilfu.

B’ kuntrast għal dawk li daqu mill-frotta u qabdu triq oħra kien hemm dawk li nstabu kontinwament jieklu mill-frotta. Dawn l-individwi injoraw il-konfużjoni sħiħa li kienet ġejja mill-bini, waqfu mal-profeta u gawdew is-sigurtà u l-paċi b’ riżultat ta’ dan. L-impenn tagħna lejn il-Mulej u l-qaddejja Tiegħu ma jistax ikun impenn part-time. Jekk ikun dan, aħna nkunu qed inpoġġi lilna nfusna vulnerabbli għal dawk li qed jippruvaw jeqirdu l-paċi tagħna. Hekk kif aħna nisimgħu lill-Mulej permezz tal-qaddejja awtorizzati Tiegħu, aħna nkunu qed nieqfu f’ postijiet qaddisa u xejn ma jċaqlaqna.

L-avversarju joffrilna soluzzjonijiet li huma biss imitazzjonijiet li jkunu jidhru li jistgħu jipprovdulna t-tweġibiet kollha li nkunu neħtieġu iżda li jispiċċaw ibegħduna lil hinn mill-paċi li nkunu qed infittxu. Huwa joffri illużjoni li tkun tidher li hi leġittima u bla periklu iżda ultimament, bħall-bini kbir u spazjuż, tispiċċa taqa’, u teqred lil dawk kollha li jfittxu l-paċi bejn il-ħitan tagħha.

Il-verità tinsab fis-sempliċità tal-għanja tal-Primarja: “Kliem ta’ profeta: Żomm il-kmandamenti. Fihom hemm is- sigurtà u l- paċi.12

It-Tielet Pass: “Imxu fil-Manswetudni tal-Ispirtu Tiegħi”

Inkunu kemm inkunu ‘l bogħod mill-mogħdija, is-Salvatur jistedinna biex nerġgħu lura u nimxu Miegħu. Din l-istedina li nimxu ma’ Ġesù Kristu hija stedina biex nakkumpanjawh sal-Ġetsemani u mill-Ġetsemani sal-Kalvarju u mill-Kalvarju sal-Qabar fil-Ġnien. Hija stedina biex nosservaw u napplikaw is-sagrifiċċju tat-tpattija kbir Tiegħu, li mhux biss huwa infinit iżda jilħaq lil kulħadd b’ mod individwali. Hija stedina biex nindmu, biex nafdaw fil-qawwa Tiegħu li tnaddafna u li naħtfu d-dirgħajn Tiegħu kollha mħabba. Hija stedina biex inkunu fil-paċi.

Ġejna mistednin biex nimxu Miegħu.

Aħna lkoll ħassejna, f’ xi mumenti f’ ħajjitna, l-uġigħ u l-uġigħ il-qalb assoċjati mad-dnub u t-trasgressjoni, għaliex “jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina.”13 Madankollu, “mqar jekk dnubietna jkunu ħomor bħall-iskarlatt,” hekk kif napplikaw l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u nimxu Miegħu permezz tal-indiema sinċiera, huma “isiru bojod bħas-silġ.”14 Għalkemm inħossu fuqna l-piż tal-ħtija, aħna niksbu l-paċi.

Aħna mitlubin nindmu.

Alma ż-Żgħir ġie mġiegħel jikkonfronta dnubietu meta ġie jżuru anġlu tal-Mulej. Huwa ddeskriva l-esperjenza tiegħu f’ dan il-kliem:

“Ruħi spiċċat verament imnikkta u ttorturata bid-dnubiet kollha tiegħi.

“… Iva, jiena rajt li kont irribellajt kontra Alla tiegħi, u li ma kontx obdejt il-kmandamenti mqaddsa tiegħu.”15

Serji kemm kienu serji dnubietu, u f’ nofs din il-prova kollha, huwa kompla:

“Niftakar ukoll li smajt lil missieri jbassar lin-nies dwar il-miġja tal-waħdieni Ġesù Kristu, Iben Alla, biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja.

“… Jiena tlabt b’ ħerqa kbira f’ qalbi.: O Ġesù, inti Iben Alla, ikollok ħniena minni.”16

“U qatt qabel, sal-mument li mort nitlob lill-Mulej Ġesù Kristu biex ikollu ħniena minni, ma kont għadni irċevejt maħfra ta’ dnubieti. Iżda araw, jiena tlabtu bil-ħerqa u jien sibt il-paċi f’ ruħi.17

Bħal Alma, aħna wkoll insibu l-paċi f’ ruħna hekk kif nimxu ma’ Ġesù Kristu, nindmu minn dnubietna u napplikaw il-qawwa Tiegħu tal-fejqan f’ ħajjitna.

Il-paċi li aħna lkoll qed infittxu teħtieġ minna ferm aktar milli jkollna sempliċiment xewqa. Teħtieġ minna li aħna naġixxu—billi nitgħallmu dwaru, billi nisimgħu kliemu u billi nimxu Miegħu. Jaf m’għandniex l-abbiltà li nikkontrollaw dak kollu li jiġri madwarna, iżda nistgħu nikkontrollaw kif aħna napplikaw il-mudell għall-paċi li pprovdielna l-Mulej—mudell li jagħmilha aktar faċli li naħsbu ta’ spiss dwar Ġesù.

Nistgħu napplikaw il-mudell tas-Salvatur.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa “t-triq, il-verità, u l-ħajja”18 u li huwa biss permezz Tiegħu li aħna nistgħu niksbu l-vera paċi f’ din il-ħajja u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss. F’ isem Ġesù Kristu, amen.