2010-2019
Il-Post Sagru tar-Restawrazzjoni
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Il-Post Sagru tar-Restawrazzjoni

Palmira kien il-post fejn kellha sseħħ ir-Restawrazzjoni, fejn leħen il-Missier kien se jerġa’ jinstema’ wara kważi elfejn sena.

Wieħed ħabib kbir tiegħi li kien membru tal-Knisja pprova, għal bosta snin, jgħallimni l-evanġelju tal- familji eterni. Iżda kien biss meta f’ Ottubru 1978 jiena attendejt it-Tempju ta’ São Paulo fil-jiem li kien miftuħ għall-viżitaturi u dħalt fil-kamra tas-siġill, li d-duttrina tal-familji eterni ħassejtha tolqot il-fond ta’ qalbi, u għal jiem sħaħ jiena tlabt biex insir naf jekk din hijiex il-vera Knisja.

Jiena ma kontx xi bniedem reliġjuż iżda kont ġejt imrobbi minn ġenituri li kienu, u jien kont napprezza t-tajjeb li kien hemm f’ reliġjonijiet oħra. F’ dik il-fażi ta’ ħajti, kont naħseb li Alla kien jaċċetta r-reliġjonijiet kollha.

Wara ż-żjara tiegħi fit-tempju fil-jum li nfetaħ għall-pubbliku, jiena bdejt infittex tweġiba permezz tat-talb, mimli bil-fidi u ċ-ċertezza li Alla kien se jismagħni, u jurini liema kienet il-Knisja Tiegħu fid-dinja.

Wara taqbida kbira spiritwali, jiena finalment irċevejt tweġiba ċara. Jiena kont ġejt mistieden biex nitgħammed. Jien tgħammidt fil-31 ta’ Ottubru, 1978, fil- lejla ta’ qabel id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ São Paulo.

Jiena sirt naf li l-Mulej kien jafni u kien jimpurtah minni hekk kif Hu sema’ talbi.

L-għada filgħodu, marti u jiena morna São Paulo biex nattendu s-sezzjoni dedikatorja tat-tempju.

Kieku veru li konna ninsabu hemm, iżda jien kont għadni ma nafx kif napprezza dik l-opportunità mill-isbaħ. L-għada aħna attendejna konferenza reġjonali.

Bdejna l-vjaġġ tagħna fil-Knisja u sibna ħbieb tajbin li laqgħuna waqt din it-tranżazzjoni f’ ħajjitna.

Il-klassijiet għall-membri l-ġodda li aħna attendejna kull ġimgħa fil-laqgħat tagħna tal-Ħadd kienu mill-isbaħ. Imlewna bl-għarfien u wassluna biex aħna nkunu nixtiequ li l-ġimgħa tgħaddi malajr ħalli fil-jum tal-Ħadd inkunu nistgħu niksbu aktar minn dak in-nutriment spiritwali.

Marti u jiena konna nħarsu ‘l quddiem b’ ħerqa biex nidħlu fit-tempju sabiex il-familja tagħna tkun issiġillata għall-eternità. Dan seħħ sena u sebat ijiem wara l-magħmudija tiegħi, u kien mument mill-isbaħ. Ħassejt bħallikieku qabel u wara s-siġill jien stajt nara x’ hemm fl-eternitajiet meta aħna konna ħdejn l-artal.

Peress li kont għext b’ mod legali fin-Naħa tal-Lvant tal-Istati Uniti, xi wħud mill-ibliet kont nafhom mhux ħażin, u ħafna minnhom kienu żgħar.

Meta jiena kont qrajt jew smajt dwar l-avvenimenti li wasslu għall-Ewwel Viżjoni, issemmew folol kbar ta’ nies, u dan ftit li xejn dan kien jagħmel sens għalija.

Bdew ġejjin f’ moħħi għadd ta’ mistoqsijiet. Għalfejn il-Knisja kellha tiġi rrestawrata fl-Istati Uniti u mhux fil-Brażil jew fl-Italja, il-pajjiż tal-antenati tiegħi?

Fejn kienu dawk il-folol ta’ nies imsemmija li kienu involuti fil-qawmien mill-ġdid u fil-konfużjoni tar-reliġjonijiet—u dak kollu seħħ f’ post verament trankwill u kalm?

Jiena staqsejt bosta nies dwar dan iżda ma sibt l-ebda tweġiba. Jiena qrajt kull ma bdejt insib bil-Portugiż u mbagħad bl-Ingliż iżda ma sibt xejn li seta’ jikkalma qalbi. Jiena komplejt infittex.

F’ Ottubru 1984, jiena attendejt konferenza ġenerali bħala kunsillier fil-presidenza tal-wited. Wara, jiena mort sa Palmira, New York, ħerqan li nikseb tweġiba.

Wara li wasalt hemm, jiena ppruvajt nifhem: Għalfejn ir-Restawrazzjoni kellha sseħħ hawnhekk, u għaliex kien hawn dak l-irvell spiritwali kollu? Minn fejn ġew dawk in-nies kollha li jissemmew fir-rakkont ta’ Joseph? Għalfejn hawnhekk?

F’ dawk iż-żminijiet, l-aktar tweġiba li kienet qed tagħmel sens għalija kienet għaliex il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti kienet tiggarantixxi l-libertà.

Dik il-għodwa jiena  mort inżur il-Bini Grandin, fejn kienet ġiet stampata l-ewwel edizzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. Mort fil-Masġar Sagru, fejn hemmhekk tlabt ħafna.

Kważi lanqas stajt nara ruħ fit-triq f’ dik il-belt ċkejkna ta’ Palmira. Fejn kienu l-folol ta’ nies li semma Joseph?

F’ dak il- wara nofsinhar jiena ddeċidejt li mmur sar-razzett ta’ Peter Whitmer u meta wasalt hemm sibt raġel fit-tieqa ta’ kamra tal-injam. Huwa kellu bħal dija intensa f’ għajnejh. Jiena introduċejt ruħi miegħu u mbagħad bdejt nistaqsi dawk l-istess mistoqsijiet.

Imbagħad huwa staqsieni, “Għandek ftit ħin?” Jiena għedtlu iva.

Huwa spjegali li l-Lagi Erie u Ontario u, għan-naħa tal-Lvant, ix-Xmara Hudson kienu kollha jinsabu f’ dak ir-reġjun.

Fil-bidu tas-seklu dsatax huma ddeċidew li jibnu kanal biex jgħaddu l-vapuri minnu, li kien se jgħaddi minn dak ir-reġjun, li jibqa’ sejjer aktar minn 300 mil biex jilħaq ix-Xmara Hudson. Għal dak iż-żmien kienet entrapriża mill-aktar kbira, u huma setgħu jiddependu biss fuq xogħol il-bniedem u l-qawwa tal-bima.

Palmira kienet ċentru għal parti mill-bini. Il-bennejja  kienu jeħtieġu nies tas-sengħa, nies tekniċi, familji u sħabhom. Bosta nies bdew jiġu hemm mill-irħula tal-viċin, u minn postijiet aktar ‘il bogħod, bħall-Irlanda, biex jaħdmu fuq il-kanal.

Kien mument mill-aktar sagru u spiritwali għaliex finalment jiena kont sibt il-folla. Huma ġabu magħhom id-drawwiet u t-twemmin tagħhom. Meta dan ir-raġel semma t-twemmin tagħhom, moħħi ħassejtu jiddawwal u Alla fetaħ l-għajnejn spiritwali tiegħi.

F’ dak il-mument, jiena fhemt kif id Alla, Missierna, fl-għerf immens Tiegħu, kien ħejja fil-pjan Tiegħu post biex fih iwassal liż-żagħżugħ Joseph Smith, ipoġġih f’ nofs dik il-konfużjoni reliġjuża, minħabba li hemmhekk, ġewwa l-Għolja Kumora, kienu jinsabu moħbijin il-pjanċi prezzjużi tal-Ktieb ta’ Mormon.

Dan kien il-post fejn kellha sseħħ ir-Restawrazzjoni, fejn leħen il-Missier kien se jerġa’ jinstema’ wara kważi elfejn sena, f’ dehra meraviljuża, jitkellem mat-tfajjel Joseph Smith, meta huwa mar ġewwa l-Masġar Sagru biex jitlob u hemmhekk semgħu jgħidlu: “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”1

Kien hemm żewġ personaġġi, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. Iva, Alla kien reġa’ żvela lilu nnifsu lill-bniedem. Id-dalma li kienet ksiet lid-dinja bdiet tevapora.

Il-profeziji li jirrigwardjaw ir-Restawrazzjoni bdew jiġu fis-seħħ: “Mbagħad rajt anġlu ieħor jittajjar fl-għoli tas-sema, bl-evanġelju ta’ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu.”2

Fi ftit tas-snin, Joseph ġie meħud sa fejn kienu jinsabu r-reġistri bil-profeziji, bil-patti u bl-ordinanzi li kienu ħallew warajhom il-profeti tal-qedem, l-għażiż tagħna Ktieb ta’ Mormon.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu ma setgħetx tiġi rrestawrata mingħajr l-evanġelju etern, żvelat fil-Ktieb ta’ Mormon bħala testment ieħor ta’ Ġesù Kristu, sewwasew l-Iben ta’ Alla, il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Kristu qal lin-nies Tiegħu f’ Ġerusalemm:

“Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel.”3

”Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.”4

Meta kont qed inħalli r-razzett ta’ Whitmer, ma niftakarnix insellem lil dak ir-raġel. Niftakar biss id-dmugħ nieżel ma’ ħaddejja. Ix-xemx kienet bdiet nieżla f’ sema mill-isbaħ.

Iżda f’ qalbi kien hemm ferħ u paċi enormi li spiċċaw ikkalmawli ruħi. Kont mimli bil-gratitudni.

Issa fhimt verament għalfejn. Għal darb’oħra l-Mulej tagħni l-għarfien u d-dawl.

Tul il-vjaġġ tiegħi lejn id-dar, bdiet ġejja bosta skrittura f’ moħħi: il-wegħdiet li saru ma’ Missierna Abraham li bin-nisel tiegħu il-familji kollha tad-dinja kienu se jkunu mberkin.5

U għalhekk, li t-tempji jinbnew ħalli l-qawwa divina tkun tista’ tiġi għal darb’oħra mogħtija lil bniedem fid-dinja ħalli l-familji jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien, mhux sakemm il-mewt tifridhom iżda għall-eternità kollha.

“Għad jiġri  fl-aħħar jiem, li l-għolja ta’ dar il-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet, lejha għad jiġru l-ġnus kollha.”6

Jekk inti bħali jkollok xi mistoqsijiet, taqtax qalbek!

Nistedinkom biex timxu wara l-eżempju tal-Profeta Joseph Smith meta huwa qara f’ Ġakbu 1:5, “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa.”

Dak li seħħ f’ Kumora kien parti importanti mir-Restawrazzjoni, hekk kif Joseph Smith irċieva l-pjanċi li kien fihom il-Ktieb ta’ Mormon. Dan il-ktieb jgħinna nersqu aktar viċin Kristu ferm aktar minn kull ktieb ieħor fid-dinja.7

Jiena nixhed li l-Mulej qajjem profeti, bassâra u rivelaturi biex jiggwidaw is-saltna Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem u fil-pjan etern Tiegħu il-familji ġew maħluqa biex jibqgħu flimkien għal dejjem. Huwa jimpurtah minn uliedu. Huwa jisma’ talbhom.

Minħabba l-imħabba kbira Tiegħu, Ġesù Kristu patta għal dnubietna. Huwa s-Salvatur tad-dinja. Ta’ dan jiena nixhed fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.