Jiena Nemmen?
Jekk dawn il-ħwejjeġ huma vera, mela aħna għandna l-akbar messaġġ ta’ tama u għajnuna li d-dinja qatt kellha.
Fit-30 ta’ Marzu ta’ sena ilu, iċ-ċkejken Ethan Carnesecca, ta’ sentejn, minn American Fork, Utah, iddaħħal l-isptar bil-pulmonite u għax trabbielu l-likwidu fil-pulmun. Jumejn wara, il-kundizzjoni tiegħu tant ħżienet li hu kien jeħtieġ li jittieħed permezz tal-ħelikopter sal-Isptar tat-Tfal tal-Primarja ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Ommu, Michele, li kienet inkwetata ħafna, tħalliet tpoġġi fis-sìt ta’ quddiem u takkumpajna lil binha. Hi ngħatat ħedset ħalli tkun tista’ tikkomunika mal-oħrajn li kienu fil-ħelikopter. Hija setgħet tisma’ lis-staff mediku jaħdem fuq it-tifel marid tagħha u, peress li anke hi kienet infermiera pedjatrika, Michele kienet taf biżżejjed biex tifhem li Ethan kien jinsab verament f’ inkwiet serju.
F’ dan il-mument mill-aktar kritiku, Michele nnutat li huma kienu jinsabu jtiru preċiżament fuq it-Tempju ta’ Draper, f’ Utah. Hija ħarset l’ isfel mis-sema lejn il-wied u setgħet tara wkoll it-Tempju ta’ Jordan River, it-Tempju ta’ Oquirrh Mountain u saħansitra fil-bogħod setgħet tara wkoll it-tempju ta’ Salt Lake. F’ moħħha ġieha dan il-ħsieb: “Inti temmen jew le?”
Hija tgħid dan dwar l-esperjenza tagħha:
“Meta kont fil-Primarja u fit-Tfajliet, jiena tgħallimt dwar il-barkiet tat-tempju u li ‘l-familji huma għal dejjem’. Meta kont qed inservi l-missjoni tiegħi jiena qsamt il-messaġġ dwar il-familji man-nies twajba tal-Messiku. Jiena ġejt issiġillata fit-tempju għal din il-ħajja u għall-eternità kollha mas-sieħeb etern tiegħi. Meta jiena kont mexxejja tat-Tfajliet, jiena għallimt għadd ta’ lezzjonijiet dwar il-familji, kif ukoll qsamt stejjer dwar il-familji eterni ma’ wliedi fil-lejla d-dar mal-familja. Jiena kont NAF dan, iżda jien kont verament NEMMEN dan? It-tweġiba tiegħi ġiet imwieġba fil-mument li f’ moħħi feġġet dik il-mistoqsija: f’ qalbi u f’ moħħi ħassejt l-Ispirtu jikkonfermali t-tweġiba li diġà kont naf—jiena verament KONT nemmen dan!
“F’ dak il-mument jiena ftaħt qalbi ma’ Missieri tas-Smewwiet, irringrazzjajtu għall-għarfien u t-twemmin li jiena kelli li l-familji verament huma għal dejjem. Irringrazzjajtu għal Ibnu, Ġesù Kristu, li għamel dan kollu possibbli. Irringrazzjajtu għal ibni u għedt lil Missieri tas-Smewwiet li jekk Hu kien jeħtieġ li liċ-ċkejken tiegħi Ethan Huwa jieħdu lura lejn id-dar Tiegħu fis-smewwiet, kien kollox sew għalija. Jiena afdajt kompletament f’ Missieri tas-Smewwiet, u kont naf li jiena stajt nerġa’ nara lil Ethan. Kont verament grata li f’ mument ta’ kriżi, jiena kelli l-għarfien U t-twemmin li l-evanġelju kien veru. Ħassejt fija l-paċi.”1
Ethan qatta’ bosta ġimgħat l-isptar, fejn ingħata kura medika mill-aqwa. It-talb, is-sawn u l-fidi tal-maħbubin tiegħu, flimkien mal-kura li ġie mogħti, wassluh biex iħalli l-isptar u jerġa’ lura mal-familja tiegħu. Illum huwa jinsab b’ saħħtu u tajjeb.
Dan il-mument mill-aktar sinifikanti għal Michele kkonfermalha li dak li hi kienet ġiet mgħallma tul ħajjitha kien ferm aktar minn sempliċiment kliem; kien kollu verità.
Tgħid aħna xi kultant tant nispiċċaw nidraw il-barkiet li ġejna mogħtijin bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li nispiċċaw ma nifhmux għal kollox kemm hu miraklu kbir u kemm hi ħaġa mill-aktar majestuża li aħna dixxipli fil-vera Knisja tal-Mulej? Tgħid aħna ħatja xi ftit li ma napprezzawx biżżejjed l-akbar rigal li xi ħadd qatt seta’ joffrilna f’ din il-ħajja? Is-Salvatur innifsu għallem, “Jekk iżżommu l-kmandamenti tiegħi u tibqgħu sodi sat-tmiem intom ikollkom il-ħajja eterna, li hi l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”2
Aħna nemmnu li din il-Knisja hija ferm aktar minn sempliċiment post tajjeb fejn nistgħu mmorru nhar ta’ Ħadd u hemm nitgħallmu kif inkunu nies twajba. Hija ferm aktar minn sempliċiment klabb soċjali Kristjan fejn nistgħu niltaqgħu ma’ nies li jgħixu ħajja bi standard morali ogħla. Mhijiex sempliċiment sett mill-aqwa ta’ ideat li l-ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom ħalli huma jkunu nies responsabbli u mill-aħjar. M’hemmx dubju li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hi ferm aktar minn dawn il-ħwejjeġ kollha.
Aħsbu ftit dwar id-dikjarazzjonijiet profondi li aħna nagħmlu bħala reliġjon. Aħna nemmnu li l-istess Knisja li Ġesù Kristu waqqaf meta kien fid-dinja reġgħet ġiet irrestawrata mill-ġdid minn profeta msejjaħ minn Alla fi żmienna u li l-mexxejja tagħna jħaddnu l-istess qawwa u awtorità biex jaġixxu f’ isem Alla li kellhom l-Appostli tal-qedem. Dan jissejjaħ is-saċerdozju ta’ Alla. Aħna niddikkjaraw li permezz ta’ din l-awtorità rrestawrata, aħna nistgħu nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni, bħall-magħmudija, u ngawdu d-don tal-Ispirtu s-Santu, li jsaffina u jirrafinana, u hekk ikun magħna f’ kull ħin. Aħna għandna appostli u profeti li jmexxu u jidderieġu din il-Knisja permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju u aħna nemmnu li Alla jitkellem ma’ wliedu permezz ta’ dawn il-profeti.
Aħna nemmnu wkoll li din il-qawwa tas-saċerdozju tagħmilha possibbli li aħna nagħmlu l-patti u nirċievu l-ordinanzi fit-tempji mqaddsa li xi darba jwassluna biex nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u ngħixu Miegħu għal dejjem. Aħna niddikjaraw ukoll li, permezz ta’ din il-qawwa, il-familji jistgħu jingħaqdu flimkien għall-eternità meta l-koppji jidħlu fil-patt il-ġdid u għal dejjem taż-żwieġ f’ bini sagru li aħna nemmnu li hu letteralment id-dar ta’ Alla. Aħna nemmnu li nistgħu nirċievu dawn l-ordinanzi tas-salvazzjoni mhux biss għalina nfusna iżda wkoll għall-antenati tagħna li għexu f’ din id-dinja mingħajr ma kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’ dawn l-ordinanzi essenzjali tas-salvazzjoni. Aħna nemmnu li nistgħu nwettqu l-ordinanzi għall-antenati tagħna bi prokura f’ dawn l-istess tempji mqaddsa.
Aħna nemmnu li, permezz ta’ profeta u permezz tal-qawwa ta’ Alla, aħna ksibna skrittura addizzjonali, li żżid mat-testimonjanza li hemm fil-Bibbja li tiddikjara li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja.
Aħna niddikjaraw li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija s-saltna ta’ Alla u l-unika Knisja vera fid-dinja. Tissejjaħ il-Knisja ta’ Ġesù Kristu għaliex Huwa jinsab imexxiha; hija l-Knisja Tiegħu, u dan kollu kien possibbli minħabba s-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu.
Aħna nemmnu li dawn il-ħwejjeġ li verament jiddistingwuna ma nistgħu nsibuhom fl-ebda post ieħor jew organizzazzjoni oħra fid-dinja. Huma kemm huma tajbin u sinċieri r-reliġjonijiet u l-knejjes l-oħra, ħadd minnhom m’għandu l-awtorità li jipprovdi l-ordinanzi tas-salvazzjoni li jinsabu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.
Aħna għandna għarfien ta’ dawn il-ħwejjeġ, iżda aħna verament nemmnu dan? Jekk dawn il-ħwejjeġ huma vera, mela aħna għandna l-akbar messaġġ ta’ tama u għajnuna li d-dinja qatt kellha. Li nemmnu dan hija ħaġa ta’ sinifikat etern kemm għalina kif ukoll għal dawk li nħobbu.
Biex nemmnu, jeħtieġ li l-evanġelju li jinsab f’ moħħna jidħol ukoll f’ qalbna! Huwa possibbli li aħna nippruvaw ngħixu l-evanġelju sempliċiment għaliex hekk hu mistenni minna jew peress li hija l-kultura li trabbejna fiha jew għax hija drawwa tagħna. Jista’ jkun li xi wħud ma esperjenzawx dak li ħassew in-nies tas-Sultan Benjamin wara d-diskors imqanqal tiegħu: “Ilkoll għajtu b’ leħen wieħed, u qalu: Iva, aħna nemmnu l-kliem kollu li inti għedtilna; u wkoll, aħna nafu mingħar dubju li huwa kollu minnu, minħabba l-Ispirtu tal-Mulej Omnipotenti, li wassal biex seħħet bidla kbira ġewwa fina, jew f’ qalbna, li aħna m’għandna l-ebda dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament.”3
Aħna lkoll jeħtieġ naraw li sseħħ bidla f’ qalbna u fl-istess natura tagħna ħalli ma jkollniex aktar xewqa li nimxu wara l-ħwejjeġ tad-dinja iżda jkollna x-xewqa li nogħġbu lil Alla. Il-konverżjoni vera hija proċess li jseħħ f’ perjodu ta’ żmien u teħtieġ li aħna nuru r-rieda li neżerċitaw il-fidi tagħna. Dan iseħħ meta aħna nfittxu fl-iskrittura minflok fl-Internet. Dan iseħħ meta aħna nkunu ubbidjenti għall-kmandamenti ta’ Alla. Il-konverżjoni niksbuha meta aħna naqdu lil dawk ta’ madwarna. Dan iseħħ permezz tat-talb ferventi tagħna, tal-attendenza regolari fit-tempju u t-twettiq b’ fedeltà tar-responsabbiltajiet li tana Alla. Jeħtieġ li aħna nagħmlu sforz kontinwu kuljum.
Jiena spiss nistaqsi, “X’ inhi l-akbar sfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha ż-żgħażagħ tagħna llum?” Jiena nwieġeb li nemmen li hija l-influwenza dejjem preżenti tal-”bini kbir u spazzjuż” f’ ħajjithom.4 Jekk il-Ktieb ta’ Mormon ġie miktub speċifikament għal żmienna, mela ċertament li ma nistgħux ma nagħtux kas kemm huma relevanti għalina lkoll il-messaġġi li nsibu fil-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja u l-effett ta’ dawk li mill-bini l-kbir u spazjuż jinsabu jippuntaw subgħajhom lejna u jiddieħqu bina.
Dak li huwa verament ta’ niket għalija hija d-deskrizzjoni ta’ dawk li diġà għaddew minn qalb il-dalma ċpar fuq it-trejqa stretta u dejqa, iggranfaw mal-bastun tal-ħadid, li waslu sal-għan tagħhom u li anke bdew iduqu mill-frotta pura u delizzjuża tas-siġra tal-ħajja. Imbagħad l-iskrittura tgħid li dawk in-nies lebsin ħwejjeġ fini li kienu fil-bini kbir u spazjuż “bdew jippuntaw subgħajhom lejn dawk li kienu baqgħu mexjin ‘il quddiem u qabdu jieklu mill-frotta, u huma bdew jiżżuffjettaw ruħhom bihom.
“U wara li daqu mill-frotta huma bdew jistħu, minħabba dawk li kienu qed jgħaddu ż-żmien bihom; u spiċċaw qabdu toroq ipprojbiti u ntilfu.”5
Dawn il-versi jiddeskrivu lil dawk fostna li diġà għandna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu f’ ħajjitna. Kemm jekk twelidna fil-Knisja jew inkella kellna ngħaddu minn qalb id-dalma ċpar biex sibna l-evanġelju, aħna doqna minn din il-frotta, li “hi l-aktar prezzjuża u l-aktar mixtieqa”6 u għandha l-potenzjal li twasslilna l-ħajja eterna, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.” Jeħtieġ biss li nkomplu niffesteġġjaw u ma nagħtux kas ta’ dawk li jgħaddu ż-żmien bit-twemmin tagħna jew dawk li jieħu gost joħolqu d-dubji jew dawk li jsibu d-difetti fil-mexxejja u d-duttrina tal-Knisja. Hija għażla li jeħtieġ nagħmlu kuljum—li nagħżlu l-fidi mhux id-dubju. Il-Presbiteru M. Russell Ballard saħaq magħna meta qal “ibqgħu fid-dgħajsa, użaw il-ġkieket tas-salvataġġ tagħkom u żommu sod b’ idejkom it-tnejn.”7
Bħala membri tal-vera Knisja tal-Mulej, aħna diġà ninsabu fid-dgħajsa. M’hemmx għalfejn immorru nfittxu qalb il-filosofiji tad-dinja għal dik il-verità li tagħtina l-faraġ, l-għajnuna u d-direzzjoni li jgħinuna nibqgħu għaddejjin mingħajr periklu minn qalb il-provi tal-ħajja—aħna diġà għandna din il-verità! L-istess kif omm Ethan eżaminat it-twemmin li kienet ilha tħaddan u ddikjarat b’ kunfidenza f’ mument ta’ kriżi, “Jiena dan verament nemmnu,” mela anke aħna nistgħu nagħmlu l-istess!
Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li s-sħubija tagħna fis-saltna tal-Mulej hija rigal ta’ valur imprezzabbli. Jiena nixhed li l-barkiet u l-paċi li l-Mulej għandu lesti għal dawk li huma ubbidjenti u fidili jiżbqu bil-bosta kull ħaġa li l-moħħ uman jista’ jifhem. Jiena nħalli magħkom din it-testimonjanza f’ isem Ġesù Kristu, amen.