“Ħalli Nressaq il-Bnedmin Kollha Lejja”
Hekk kif nersqu aktar viċin ta’ Alla, aħna niksbu f’ ħajjitna l-qawwa li ssaħħaħna tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.
Għeżież ħuti, meta konna ngħixu fl-Afrika, jiena kont mort nieħu parir mill-Presbiteru Wilford W. Andersen tas-Sebgħin dwar kif stajt ngħin lill-Qaddisin li kienu qed jgħixu fil-faqar. Fost il-ħsibijiet mill-aktar sinjifikanti li huwa qasam miegħi kien hemm dan: “Aktar ma tkun kbira d-distanza bejn dak li qed jagħti u dak li qed jirċievi, aktar dan tal-aħħar jiżviluppa fih sens li huwa intitolat għal dak li qed jirċievi.”
Dan huwa l-prinċipju bażiku tas-sistema tal-welfer tal-Knisja. Meta l-membri ma jkunux kapaċi jsostnu lilhom infushom fil-bżonnijiet tagħhom, huma l-ewwel għandhom iduru fuq il-familji tagħhom. Wara, jekk ikun neċessarju, jistgħu jduru wkoll fuq il-mexxejja lokali tagħhom tal-Knisja biex jgħinuhom fil-bżonnijiet temporali tagħhom.1 Il-membri tal-familja u l-mexxejja lokali tal-Knisja jinsabu ferm aktar viċin ta’ dawk li huma fil-bżonn, u ħafna drabi ħabbtu wiċċhom huma stess ma’ ċirkustanzi simili, u jifhmu l-aktar kif għandhom jgħinu. Minħabba li huma ferm aktar viċin tan-nies li qed jagħtuhom, dawk li jirċievu l-għajnuna b’ dan il-mod ikunu grati ta’ dan u ċ-ċans li huma jħossuhom intitolati ta’ xi ħaġa ikun ferm anqas.
Il-kunċett—“aktar ma tkun kbira d-distanza bejn dak li qed jagħti u dak li qed jirċievi, aktar dan tal-aħħar jiżviluppa fih sens li huwa intitolat għal dak li qed jirċievi.” Ħadd mhu lest li jagħti lil ħaddieħor daqs Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Aktar ma’ nitbiegħdu minnhom, aktar inħossuna intitolati. Nibdew naħsbu li aħna jistħoqqilna l-grazzja u li Huma obbligati lejna b’numru ta’ barkiet. Inkunu ferm aktar inklinati li nibdew infittxu biex nidentifikaw ċerti ħwejjeġ li naħsbu li huma inġusti u nħossuna rrabjati—saħansitra offiżi—bl-inġustizzja li naħsbu li tkun saret magħna. Għalkemm l-inġustizzja taf tvarja minn waħda kważi insinifikanti sa waħda li taf tikkawżalna sofferenza mentali u emozzjonali, meta aħna nkunu ninsabu mbegħdin minn Alla, anke l-iċken ħaġa taf tidher enormi. Aħna nħossu li Alla għandu obbligu li jsewwi l-ħwejjeġ tagħna—u jsewwihom issa stess!
Id-differenza li d-distanza bejna u bejn Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu taf tagħmel tidher fil-Ktieb ta’ Mormon fil-kuntrast ovvju li kien hemm bejn Nefi u ħutu akbar minnu Laman u Lemwel:
-
Nefi kellu “xewqa kbira li jkun jaf il-misteri ta’ Alla, għalhekk, huwa talab lill-Mulej,” u qalbu rtabet.2 Mill-banda l-oħra, Laman u Lemwel kienu jinsabu mbegħdin minn Alla—huma ma kinux jafuh.
-
Nefi aċċetta li jwettaq mingħajr ebda tgergir kull ħaġa li kien intalab jagħmel, anke meta kienet tkun verament diffiċli, iżda Laman u Lemwel “bdew igergru f’ kollox.” It-tgergir huwa ekwivalenti fl-iskrittura għall-qrid fil-vojt. L-iskrittura tgħid li “huma bdew igergru peress li ma kinux jafu l-ħwejjeġ ta’ Alla li kien ħalaqhom.”3
-
Għax Nefi kien jinsab viċin ta’ Alla wasslu biex huwa jagħraf u japprezza “l-ħniena u tjieba”4 ta’ Alla. B’ kuntrast għal dan, meta Laman u Lemwel raw lil Nefi jirċievi l-barkiet, huma “inkurlaw għalih għaliex ma fehmux il-ħwejjeġ tal-Mulej.”5 Laman u Lemwel kienu jħarsu lejn il-barkiet li huma rċevew bħala xi ħaġa li kienu intitolati għaliha u b’ rabja assumew li kellhom jirċievu aktar. Jidher li huma kienu jħarsu lejn il-barkiet ta’ Nefi bħala “atti ħżiena” mwettqa kontrihom. Dan huwa ekwivalenti fl-iskrittura għal meta wieħed iħossu li mhux qed jieħu dak li ħaqqu.
-
Nefi eżerċita l-fidi f’ Alla biex iwettaq dak li kien mitlub li jagħmel.6 B’ kuntrast għal dan, Laman u Lemwel, “minħabba l-ebusija li kellhom f’ qalbhom, … ma kinux iħarsu lejn il-Mulej kif kien imissihom.”7 Jidher li huma kienu jħossu li l-Mulej kien obbligat li jipprovdi tweġiba għall-mistoqsijiet li huma qatt ma kienu għamlu. “Il-Mulej lilna ma juriniex ħwejjeġ bħal dawn,” huma qalu, iżda huma lanqas biss għamlu sforz li jistaqsu.8 Dan huwa ekwivalenti fl-iskrittura għax-xettiċiżmu li jirridikola.
Peress li kienu jinsabu mbegħdin mis-Salvatur, Laman u Lemwel bdew igergru, saru ġellieda u spiċċaw bla fidi. Huma ħassew li l-ħajja ma kenitx ġusta magħhom u li huma kienu intitolati għall-grazzja ta’ Alla. B’ kuntrast għal dan, peress li huwa resaq viċin Alla, Nefi wasal biex għaraf li l-ħajja kienet inġusta l-aktar ma’ Ġesù Kristu. Għalkemm kien assolutament innoċenti, is-Salvatur kien l-aktar wieħed li sofra.
Aktar ma nkunu viċin ta’ Ġesù Kristu fi ħsibijietna u fl-intenzjoni ta’ qalbna, aktar napprezzaw is-sofferenza innoċenti Tiegħu, aktar inkunu grati għall-grazzja u l-maħfra, u aktar inkunu rridu nindmu u nsiru bħalu. Id-distanza assoluta bejna u bejn Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu hija importanti, iżda d-direzzjoni li fiha ninsabu mexjin hija ferm aktar kruċjali. Alla huwa kuntent aktar b’ nies midinbin li jindmu u li qed jippruvaw jersqu viċin tiegħu milli b’ dawk li jaħsbu li huma twajbin, isibu d-difetti fl-oħrajn li, bħall-Fariżej u l-kittieba tal-qedem, ma jindunawx kemm huma stess verament jeħtieġ li jindmu.9
Meta kont għadni tifel, jiena kont kantajt għanja tal-Milied Svediża li minnha nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-aktar importanti—li aħna nersqu viċin is-Salvatur twassalna biex ninbidlu. Il-lirika hi xi ħaġa hekk:
Meta tisbaħ l-għodwa tal-Milied
Irrid immur ġo l-istalla,
Fejn Alla fis-sigħat ta’ matul il-lejl
Diġà jkun mixħut fuq it-tiben
Kemm verament xtaqt Inti
Li tinżel hawn fid-dinja!
Issa, ma nixtieqx aktar naħli
It-tfulija tiegħi fid-dnub!
Ġesù, aħna għandna bżonnok
Int il-ħabib għażiż tat-tfal.
Ma nixtieqx inweġġgħek
Bi dnubieti aktar.10
Meta b’ mod figurattiv aħna nittrasportaw irwieħna sal-istalla ta’ Betlehem, “fejn Alla fis-sigħat ta’ matul il-lejl diġà jkun mixħut fuq it-tiben” aħna nistgħu nagħrfu aħjar lis-Salvatur bħala rigal mingħand Missier tas-Smewwiet li Hu tant ħanin u tant iħobbna. Minflok ma nħossuna ntitolati għall-barkiet u l-grazzja Tiegħu, aħna niżviluppaw xewqa intensa li nieqfu nikkawżaw lil Alla aktar niket.
Hi x’inhi d-direzzjoni li mexjin fiha jew ninsabu kemm ninsabu ‘l bogħod minn Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu, aħna nistgħu nagħżlu li nduru lejhom u nersqu aktar viċin tagħhom. Huma żgur jgħinuna nagħmlu dan. Hekk kif is-Salvatur qal lin-Nefiti wara l-qawmien Tiegħu mill-imwiet:
“U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, inressaq il-bnedmin kollha lejja, …
“U għal dan jien ġejt mgħolli ‘l fuq; għalhekk, skont il-qawwa tal-Missier jiena nressaq lill-bnedmin kollha lejja.”1111
Biex nersqu aktar viċin tas-Salvatur, jeħtieġ inkabbru l-fidi tagħna fih, nagħmlu u nżommu l-patti u jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu. Għandna wkoll naġixxu bil-fidi, inwieġbu għad-direzzjoni spiritwali li nkunu rċevejna. Dawn l-elementi kollha jsiru ħaġa waħda fis-sagrament. Fil-fatt, l-aħjar mod li jien naf biex nersqu aktar viċin Alla hu billi kull ġimgħa aħna kuxjenzjożament nitħejjew u nieħdu sehem fis-sagrament b’ mod den.
Ħabiba tagħna fl-Afrika t’ Isfel qasmet magħna kif hija saret taf dan. Meta Diane kienet għadha kif saret membru tal-Knisja, hija kienet tattendi fergħa li kien hemm ftit ‘il barra minn Johannesburg. Darba waħda l-Ħadd, hekk kif kienet tinsab bilqiegħda mal-kongregazzjoni, il-mod kif kienet magħmula l-kappella kien b’ tali mod li meta d-djaknu kien qed iqassam is-sagrament, lilha ma rahiex. Diane ħassitha verament diżappuntata iżda ma qalet xejn. Membru ieħor innutat dan u wara l-laqgħa tkellmet mal-president tal-fergħa. Hekk kif bdiet l-Iskola tal-Ħadd, Diane ġiet mistiedna tidħol fi klassi vojta.
Daħal fil-kamra wieħed li kien iħaddan is-saċerdozju. Huwa niżel għarkubbtejh, bierek ftit ħobż u taha biċċa. Hija kielet il-ħobż. Huwa niżel għarkupptejh u bierek ftit ilma u ta f’ idha t-tazza żgħira. Hija xorbot l-ilma. Wara, Diane ġewha f’ moħħha żewġ ħsibijiet. L-ewwel, “O, dan iż-żagħżugħ li jħaddan is-saċerdozju qagħad jagħmel dan kollu għalija.” U mbagħad, “O, is-Salvatur qagħad jagħmel dan kollu għalija.” Diane ħasset fiha l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet.
Li hija ntebħet li s-sagrifiċċju tas-Salvatur kien sewwasew għaliha għenha tħossha aktar qrib Tiegħu u mtliet b’ xewqa mill-aktar kbira li żżomm f’ qalbha dak is-sentiment, mhux biss fil-jum tal-Ħadd iżda kuljum. Hija ndunat li għalkemm kienet tpoġġi bilqiegħda mal-kongregazzjoni biex tieħu sehem fis-sagrament, il-patti li kienet tagħmel mill-ġdid kull nhar ta’ Ħadd kienu fil-verità xi ħaġa individwalment għaliha. Is-sagrament għen—u jkompli jgħin—lil Diane tħoss il-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, tagħraf l-influwenza tal-Mulej f’ ħajjitha u tersaq aktar viċin is-Salvatur.
Is-Salvatur identifika s-sagrament bħala ħaġa indispensabbli għall-pedament spiritwali tagħna. Huwa qal:
“U jiena nagħtikom kmandament li għandkom tagħmlu dan [tieħdu sehem fis-sagrament]. U jekk tagħmlu dejjem dawn il-ħwejjeġ intom tkunu mberkin, għaliex tkunu qed tibnu fuq il-blata tiegħi.
“Iżda dawk fostkom li jagħmlu aktar jew anqas minn dan ma jkunux qed jibnu fuq il-blata tiegħi, iżda jkunu qed jibnu fuq pedament tar-ramel; u meta tinżel ix-xita u jagħmlu l-għargħar u jonfħu l-irwiefen u jaħkmuhom, huma jaqgħu.”12
Ġesù ma qalx “jekk tinżel ix-xita, jekk jagħmlu l-għargħar, u jekk jonfħu l-irwiefen” iżda “meta.” Ħadd mhu eżentat mill-isfidi tal-ħajja; aħna lkoll neħtieġu s-sigurtà li niksbu meta nieħdu sehem mis-sagrament.
Fil-jum li fih is-Salvatur qam mill-Imwiet, żewġ dixxipli kienu qed jivvjaġġaw sa raħal jismu Għemmaws. Mingħajr ma għarfuh, il-Mulej imqajjem mill-imwiet ingħaqad magħhom fil-vjaġġ. Hekk kif kienu mexjin, Huwa beda jgħallimhom mill-iskrittura. Meta huma waslu fir-raħal, huma stednuh biex imur jiekol magħhom.
“U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.
“Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.
“U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: ”Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”
“Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax il-Appostlu u lil sħabhom miġbura flimkien.”
U mbagħad huma xehdu mal-Appostli li “l-Mulej qam tassew. …
“U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.”13
Is-sagrament verament jgħinna nsiru nafu lis-Salvatur tagħna. Ifakkarna wkoll fis-sofferenza innoċenti Tiegħu. Jekk il-ħajja verament hija ġusta, intom u jiena m’għandniex ċans inqumu mill-mewt; intom u jien qatt ma nistgħu nkunu kapaċi nieqfu nodfa quddiem Alla. Minn dan il-att, jiena grat li l-ħajja mhux ġusta.
Fl-istess ħin, jiena nista’ niddikjara bla tlaqliq li minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, ultimament, b’ għarfien etern ta’ kull ħaġa, mhu se ssaltan l-ebda inġustizzja. “Dak kollu li hu inġust f’ din il-ħajja jista’ jirranġa ruħu.”14Iċ-ċirkustanzi preżenti tagħna jafu ma jinbidlux, iżda permezz tal-kompassjoni, tat-tjubija u l-imħabba ta’ Alla, aħna lkoll nirċievu aktar milli jistħoqqilna, aktar milli aħna qatt kapaċi niksbu u aktar milli qatt nistgħu nittamaw għalih. Aħna ġejna mwiegħda li “Alla jixxotta kull demgħa minn għajnejna; ma jkunx hemm iżjed mewt, lanqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax il-ħwejjeġ ta’ qabel jgħibu.”15
Tinsabu fejn tinsabu fir-relazzjoni tagħkom ma’ Alla, jien nistedinkom biex tersqu aktar viċin Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu, l-Akbar Benefatturi u Dawk li jagħtuna dak kollu li hu tajjeb. Nistedinkom biex kull ġimgħa tattendu l-laqgħa tas-sagrament u tieħdu sehem fl-emblemi mqaddsa tal-ġisem u d-demm tas-Salvatur. Nistedinkom biex tħossu lil Alla viċin tagħkom hekk kif Huwa juri lilu nnifsu magħkom, kif wera lilu nnifsu mad-dixxipli tal-qedem, fil-”qsim tal-ħobż.”
Hekk kif tagħmlu dan, inwegħidkom li intom tħossukom aktar viċin Alla. It-tendenzi naturali li aħna neqirdu fil-vojt, li nħossuna li mhux qed nieħdu dak li ħaqqna u li nispiċċaw ninkurlaw minħabba x-xettiċiżmu tagħna jispiċċaw josfru. Post dawk is-sentimenti jittieħed minn sentimenti ta’ mħabba u gratitudni akbar għar-rigal ta’ Missierna tas-Smewwiet, li huwa l-istess Ibnu. Hekk kif nersqu aktar viċin ta’ Alla, aħna niksbu f’ ħajjitna l-qawwa li ssaħħaħna tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. U bħad-dixxipli fi triqithom lejn Għemmaws, aħna nsibu li s-Salvatur kien minn dejjem viċin tagħna. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.