2010-2019
Responsabbiltà Sagra
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Responsabbiltà Sagra

Dan id-don prezzjuż tal-qawwa tas-saċerdozju jġib miegħu mhux biss responsabbiltajiet solenni iżda wkoll ċerti barkiet speċjali, kemm għalina nfusna, kif ukoll għal oħrajn.

Għeżież ħuti, nitlob biex l-Ispirtu jiggwidani f’ dak li se ngħid illejla. Aħna lkoll għandna xi ħaġa komuni. Aħna ġejna fdati biex inħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla u biex naġixxu f’ ismu. Aħna reċipjenti ta’ responsabbiltà sagra. Ħafna hu mistenni minna.

Naqraw fid- Duttrina u Patti sezzjoni 121, vers 36, “Id-drittijiet tas-saċerdozju huma magħqudin flimkien b’ mod inseparabbli mal-qawwiet tas-smewwiet.” X’ don meraviljuż ingħatajna. Aħna għandna r-responsabbiltà li ngħassu u nipproteġu dan is-saċerdozju u li nkunu denji tal-barkiet glorjużi kollha li Missierna tas-Smewwiet għandu lesti għalina—u għal oħrajn permezz tagħna.

Tmorru fejn tmorru, is-saċerdozju jimxi magħkom. Intom tinsabu dejjem weqfin f’ postijiet qaddisa? Qabel tpoġġu lilkom infuskom u s-saċerdozju tagħkom fil-periklu billi tiffrekwentaw postijiet, jew tieħdu sehem f’ attivitajiet, li mhumiex denji tagħkom jew ta’ dan is-saċerdozju, ieqfu ftit biex tikkunsidraw il-konsegwenzi. Ftakru intom min intom u Alla x’ jistenna li intom issiru. Intom ulied tal-wegħda. Intom bnedmin tas-setgħa. Intom ulied Alla.

Dan id-don prezzjuż tal-qawwa tas-saċerdozju jġib miegħu mhux biss responsabbiltajiet solenni iżda wkoll ċerti barkiet speċjali, kemm għalina nfusna, kif ukoll għal oħrajn. Jalla aħna, insibu fejn insibu rwieħna, dejjem inkunu denji li nistiednu din il-qawwa, għax qatt ma nistgħu nkunu nafu meta se jkollna l-bżonn u l-opportunità li nagħmlu dan.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed ħabib tiegħi kien qed iservi fin-Nofsinhar tal-Paċifiku meta l-ajruplan li kien fih ġie milqut f’ nofs ta’ baħar. Hu u l-membri l-oħra tal-ekwipaġġ irnexxielhom jaqbżu bil-paraxut mill-ajruplan li kien qed jaqbad, nefħu ċ-ċattra ta’ salvataġġ li kellhom u għamlu tlett ijiem iggranfati magħha.

Wara tlett ijiem huma lemħu dak li kienu jafu li kien bastiment tas-salvataġġ. Dan baqa’ għaddej minn ħdejhom. L-għada reġa’ għadda minn ħdejhom u reġa’ baqa’ sejjer. Huma bdew jiddispraw hekk kif indunaw li dan kien se jkun l-aħħar jum li l-bastiment kien se jkun f’ dawk l-inħawi.

Imbagħad l-Ispirtu s-Santu kellem lil sieħbi: “Inti għandek is-saċerdozju. Ikkmanda lil dawn li jistgħu jsalvawkom biex jiġu jiġbrukom.”

Huwa għamel skont dak li ħass: “F’ isem Ġesù Kristu u bil-qawwa tas-saċerdozju, duru u ejjew iġbruna.”

Wara ftit minuti l-bastiment kien jinsab ħdejhom, u huma ġew megħjuna jitilgħu fuq il-gverta. Wieħed raġel fidil u den li kien iħaddan is-saċerdozju, f’ kundizzjoni mill-aktar estrema, eżerċita dan is-saċerdozju, fejn spiċċa biex beriklu l-istess ħajtu u l-ħajja tal-oħrajn.

Jalla aħna niddeterminaw, issa stess, li dejjem inkunu mħejjijin għal mument ta’ bżonn, mument ta’ servizz, mument ta’ barka.

Hekk kif aħna nikkonkludu din il-laqgħa ġenerali tas-saċerdozju, jiena ngħidilkom li intom “ġenerazzjoni magħżula, saċerdozju rjali” (1 Peter 2:9). Li aħna nkunu dejjem denji ta’ dawn l-unuri divini, jiena nitlob b’ qalbi kollha f’ isem Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, amen.