2010-2019
Id-Don li Jiggwida lit-Tfal
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Id-Don li Jiggwida lit-Tfal

Kif nistgħu ngħallmu lit-tfal tagħna jeħilsu mill-influwenzi tad-dinja u jafdaw fl-Ispirtu?

Wieħed missier żagħżugħ kien qiegħed letteralment jegħreq. Hu, iż-żewġ uliedu, u l-kunjatu tiegħu kienu marru mixja madwar il-lag. Huma kienu jinsabu mdawrin b’ muntanji maestużi miksijin bis-siġar tal-arżnu, u s-sema blu kienet mimlija b’ sħab abjad qisu tajjar, u kollox beda jagħti dehra kollha sbuħija u serenità. Meta t-tfal bdew iħossu s-sħana u bdew iħossuhom għajjenin, iż-żewġt irġiel iddeċidew li jerfgħu lit-tfal fuq daharhom u jinżlu jgħumu d-distanza qasira min-naħa għall-oħra tal-lag.

Kienet tidher ħaġa faċli—sal-mument meta l-missier beda jħossu jinġibed ‘l isfel u beda jħoss toqol kbir fuqu. L-ilma beda jiġbdu lejn il-qiegħ tal-għadira, u beda verament jippanikkja. X’ seta’ jagħmel biex jibqa’ f’ wiċċ l-ilma—u dan jagħmlu bl-għażiża bintu fuq dahru?

Aktar ma beda jitbiegħed aktar leħnu ma baqax jinstama’; il-kunjatu tiegħu kien jinsab ’il bogħod wisq biex jisimgħu jgħajjat għall-għajnuna. Huwa ħassu waħdu mingħajr ma jaf x’se jaqbad jagħmel.

Tistgħu timmaġinaw ruħkom weħidkom kif kien jinsab hu, bla xejn ma xiex taqbdu u titqabdu biex isalvaw ħajjitkom u l-ħajja ta’ bintkom? Sfortunatament, ilkoll kemm aħna nesperjenzaw b’ xi mod dan is-sentiment meta nsibu ruħna f’ sitwazzjonijiet li fihom verament neħtieġu li nsibu l-għajnuna biex inkunu nistgħu nsalvaw lilna nfusna u lil dawk li nħobbu.

Meta kien għoddu se jippanikkja, huwa ntebaħ li ż-żarbun mimli ilma li kellu fuqu kien qed jiġbdu ’l isfel. Filwaqt li beda jipprova jżomm fil-wiċċ, huwa beda jara x’ jista’ jagħmel biex jinża’ minn fuqu ż-żarbun tqil li kellu. Iżda dan bħallikieku kienu weħel ma’ saqajh. Bl-ilma, il-lazzijiet spiċċaw issikkaw ruħhom aktar milli kienu.

F’ dak li deher li kien l-aħħar mument ta’ disprament tiegħu, huwa rnexxielu jiftaħ iż-żarbun minn saqajh, sakemm fl-aħħar iż-żarbun ċeda u waqa’ f’ qiegħ il-lag. Ħieles mit-toqol kbir li beda jiġbu ‘l isfel, huwa immedjatament refa’ lilu nnifsu u lil bintu ‘l fuq. Issa huwa seta’ jkompli jgħum, lil hinn mill-periklu fuq in-naħa l-oħra tal-lag.

Xi kultant aħna lkoll inħossuna qisna qed negħrqu. Il-ħajja nafu nħossuha verament tqila. Aħna ninsabu ngħixu “f’ dinja storbjuża u impenjattiva. … Jekk ma noqogħdux attenti, il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jafu jieħdu post il-ħwejjeġ tal-Ispirtu.”1

Kif nistgħu nimxu wara l-eżempju ta’ dan il-missier u neħilsu minn ċertu piż tad-dinja li ninsabu nġorru fuqna, ħalli nkunu nistgħu nżommu rasna u ras uliedna ‘l barra mill-ilma? Kif nistgħu, kif qalilna Pawlu, “inwarrbu minna kull xkiel”?2 Kif nistgħu nħejju lil uliedna għall-jum meta huma ma jkunux jistgħu jiddependu aktar minna u mit-testimonjanzi tagħna—meta huma jkunu dawk li qed jgħumu?

Niksbu tweġiba ta’ dan meta nagħrfu dan is-sors divin ta’ qawwa. Huwa sors li ħafna drabi ma tantx nagħtu kasu, madankollu nistgħu nużawh kuljum biex intaffu l-piż tagħna u niggwidaw lit-tfal prezzjużi tagħna. Dan is-sors huwa d-don li jiggwidana tal-Ispirtu s-Santu.

Meta jkollhom tmien snin, it-tfal ikunu jistgħu jesperjenzaw il-magħmudija. Huma mhux jitgħallmu dwar Alla, imma wkoll jagħmlu patt miegħu. Huma jkunu mdawrin minn dawk li jħobbuhom hekk kif huma jinżlu taħt ‘l ilma u joħorġu mill-fonti b’ sentiment kbir ta’ ferħ. Imbagħad huma jirċievu d-don enormi tal-Ispirtu s-Santu, don li jista’ jiggwidahom kontinwament hekk kif huma jgħixu denji ta’ dik il-barka.

Il-Presbiteru David A. Bednar qal: “Is-sempliċità tal-konferma taf twassal biex aħna ma napprezzawx biżżejjed is-sinifikat tagħha. Dawk it-tliet kelmiet—‘Irċievi l-Ispirtu s-Santu’—mhumiex sempliċiment dikjarazzjoni passiva; pjuttost, huma jikkostitwixxu kmand saċerdotali—twiddiba b’ awtorità biex taġixxi u mhux sempliċiment biex xi ħadd jaġixxi għalik.”3

It-tfal għandhom xewqa naturali biex jagħmlu t-tajjeb u li jkunu tajbin. Aħna nistgħu nħossu l-innoċenza tagħhom, il-purità tagħhom. Huwa għandhom ukoll sensittività kbira għal-leħen sieket u ċkejken.

Immaġni
Jamministra lit-tfal Nefiti

F’ 3 Nephi 26, is-Salvatur uriena x’ inhi l-kapaċità spiritwali tat-tfal:

“Huwa reħa lsienhom, u huma qalu lill-missirijiethom ħwejjeġ kbar u meraviljużi, saħansitra akbar milli hu kien żvela lill-poplu. …

“… Huma raw kif ukoll semgħu lil dawn it-tfal; iva, anke t-trabi fetħu ħalqhom u lissnu ħwejjeġ meraviljużi.”4

Kif nistgħu aħna bħala ġenituri nkabbru l-kapaċità spiritwali taċ-ċkejknin tagħna? Kif nistgħu ngħinuhom sabiex jeħilsu mill-influwenzi tad-dinja u jafdaw fl-Ispirtu meta aħna ma nkunux magħhom u huma jkunu jinsabu weħidhom fl-ilmijiet fondi ta’ ħajjithom?

Ippermettuli naqsam magħkom xi ftit ideat.

L-ewwel, nistgħu ngħinu lil uliedna jsiru konxji meta huma jkunu qed jisimgħu u jħossu l-Ispirtu. Ejjew immorru lura fiż-żmien sat-Testment il-Qadim biex naraw kif Għeli għamel dan għall-Samwel.

Iż-żagħżugħ Samwel darbtejn sema’ leħen u telaq jiġri ħdejn Għeli u qallu, “Hawn jien.”

“Ma sejjaħtlekx,” wieġeb Għeli.

Iżda “Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.”

Iżda t-tielet darba, Għeli nduna li kien il-Mulej li kien sejjaħ lil Samwel u qal lil Samwel biex jgħid, “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.”5

Samwel beda jħoss, jagħraf u jagħti kas leħen il-Mulej. Iżda dan it-tfajjel ma bediex jifhem sakemm Għeli għenu jagħraf dak il-leħen. U għax ġie mgħallem, Samwel seta’ jsir aktar familjari tal-leħen sieket u ċkejken.

It-tieni, aħna nistgħu nħejju djarna u lil uliedna biex iħossu l-leħen sieket u ċkejken. “Bosta għalliema ta’ lingwi barranin jemmnu li l-aħjar mod biex it-tfal jitgħallmu lingwa hu premezz ta’ ‘programmi ta’ immersjoni,’ li fihom huma jkunu mdawrin b’ nies oħra li jitkellmu dik il-lingwa u jiġu mitlubin jitkellmuha huma stess. Huma mhux biss jitgħallmu jgħidu ftit kelmiet, iżda jitkellmuha b’ mod fluwenti u saħansitra jibdew jaħsbu b’ dik il-lingwa l-ġdida. L-aħjar post ta’ immersjoni għall-edukazzjoni spiritwali huwa fid-dar, fejn il-prinċipji spiritwali jistgħu jiffurmaw il-bażi tal-ħajja ta’ kuljum.”6

“Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”7 Jekk aħna ngħoddsu lill-familji tagħna fl-Ispirtu dan iwassal biex qlub uliedna jibqgħu miftuħin għall-influwenza Tiegħu.

It-tielet, nistgħu ngħallmu lil uliedna jifhmu kif ikellimhom l-Ispirtu. Joseph Smith għallem, “Jekk Huwa jmur ħdejn tifel ċkejknin, Huwa jadatta ruħu għal-lingwa u l-kapaċità ta’ tifel ċkejken.”8 Waħda omm skopriet li peress li t-tfal jitgħallmu kollha b’ mod differenti—min b’ mod viżwali, min permezz tas-smigħ, min bil-mossi u oħrajn skont dak li jħossu—aktar ma hija tosserva lil uliedha, aktar tirrealizza li l-Ispirtu s-Santu jgħallem lil uliedha b’ modi li huma l-aħjar għalihom biex jitgħallmu.9

Omm oħra qassmet l-esperjenza tagħha kif tista’ tgħin lil uliedha jagħrfu l-Ispirtu. “Xi kultant,” hija kitbet, “it-tfal lanqas jindunaw li dak il-ħsieb kontinwu f’ moħħhom, dak is-sentiment ta’ faraġ wara li jibku jew meta huma jiftakru xi ħaġa fil-ħin opportun huma kollha modi kif l-Ispirtu s-Santu jikkomunika magħhom.” Hija kompliet, “Jiena qed ngħallem lil uliedi sabiex jiffokaw fuq dak li jħossu u jaġixxu skont dak li jħossu.”10

Li wliedna jħossu u jagħrfu l-Ispirtu jwassal biex dan iġibilhom kapaċità spiritwali f’ ħajjithom, u dak il-leħen li huma jibdew jagħrfu jibda jsir għalihom ferm aktar ċar. Jiġri kif qal il-Presbiteru Richard G. Scott: “Hekk kif intom tiksbu aktar esperjenza u suċċess fil-mod kif tiġu ggwidati mill-Ispirtu, il-kunfidenza tagħkom fis-suġġerimenti li intom tħossu ġo fikom issir aktar ċerta mid-dipendenza tagħkom fuq dak li taraw jew tisimgħu.”11

M’hemmx għalfejn nibżgħu meta naraw lil uliedna jidħlu fl-ilmijiet tal-ħajja, għaliex aħna nkunu għenniehom sabiex jeħilsu mill-piż tad-dinja. Għallimniehom jgħixu għad-don li jiggwidana tal-Ispirtu. Dan id-don ikompli jtaffi l-piż li huma jġorru u jmexxihom lura lejn id-dar tagħhom fis-smewwiet jekk huma jgħixu denji ta’ dan id-don u jimxu skont is-suġġerimenti tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Joseph B. Wirthlin, “The Unspeakable Gift,” Liahona, Mejju 2003, 27.

  2. Lhud 12:1.

  3. David A. Bednar, “Receive the Holy Ghost,” Liahona, Nov. 2010, 95.

  4. 3 Nephi 26:14, 16.

  5. Ara 1 Samwel 3:4–10.

  6. C. Terry and Susan L. Warner, “Helping Children Hear the Still, Small Voice,” Tambuli, Aww. 1994, 27.

  7. Dewteronomju 6:7.

  8. Joseph Smith, f’ History of the Church, 3:392.

  9. Ara Merrilee Browne Boyack, “Helping Children Recognize the Holy Ghost,” Liahona, Diċ. 2013, 10–12.

  10. Irinna Danielson, “How to Answer the Toughest ‘Whys’ of Life,” Ott. 30, 2015, lds.org/blog.

  11. Richard G. Scott, “To Acquire Spiritual Guidance,” Liahona, Nov. 2009, 7.

Ipprintja