2010-2019
Salvataġġ: Jirnexxilna Żgur
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Salvataġġ: Jirnexxilna Żgur

Il-Mulej ipprovdielna l-għodda kollha neċessarja biex immorru nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ għal sħabna anqas attivi u li mhumiex membri.

Is-Salvatur fehem verament li l-missjoni Tiegħu kienet li jsalva lil ulied Missierna tas-Smewwiet, għaliex Huwa ddikjara:

“Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf. …

Anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar.”1

L-omm anġlu tiegħi, Jasmine Bennion Arnold, fehmet b’ mod tajjeb l-irwol tagħha li tgħin fis-salvataġġ tan-nagħaġ mġarrba u mitlufa ta’ Missierna tas-Smewwiet, fosthom l-istess uliedha u wlied uliedha. Xi rwol meraviljuż in-nanniet jistgħu jilagħbu fil-ħajja tan-neputijiet tagħhom.

Ommi normalment kienet tintalab tmur tagħmel it-tagħlim taż-żjajjar tagħha lil dawk li kienu jkunu għaddejjin minn kriżi fil-fidi tagħhom, dawk anqas attivi u fil-familji fejn mhux kulħadd membru; madankollu, il-merħla tagħha kienet tinkludi bosta oħrajn li ħadd ma kien iqabbadha żżur. Ġeneralment iż-żjajjar tagħha ma kinux isiru biss darba fix-xahar, hekk kif fis-skiet hija kienet tisma’, tamministra lill-morda u b’ imħabba timlihom bil-kuraġġ. L-aħħar xhur ta’ ħajjitha, ommi ma setgħetx toħroġ mid-dar; għalhekk kienet tqatta’ bosta sigħat tiktbilhom l-ittri, tesprimi imħabbitha, taqsam magħhom it-testimonjanza tagħha u timla bil-kuraġġ lil dawk li kienu jiġu jżuruha.

Hekk kif aħna nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ, Alla jagħtina l-qawwa, il-kuraġġ u l-barkiet Tiegħu. Meta Huwa kkmanda lil Mosè biex imur isalva lil ulied Iżrael, Mosè beża’, l-istess kif jinsabu beżgħana wħud minna. Mosè pprova joħroġ minnha billi qal, “Ma ninqalax, … jien tqil f’fommi u f’ilsieni.”2

Il-Mulej aċċerta lil Mosè:

“Min għamel fomm il-bniedem? … M’hux jien il-Mulej?

“Mela issa mur, u jien inkun ma’ fommok u ngħallmek x’għandek tgħid.”3

Fil-fatt, il-Mulej qal lil Mosè, “Żgur jirnexxilek!” U tafu x’ qed ngħid, anke aħna jirnexxilna!

Ippermettuli naqsam magħkom erba’ prinċipji li jistgħu jgħinuna fl-isforzi tagħna ta’ salvataġġ.

Prinċipju Numru 1: M’għandniex Nittratenu biex Immorru Nieħdu Sehem fil-Ħidma ta’ Salvataġġ

Il-Presbiteru Alejandro Patania, li kien Sebgħin Reġjonali, irrakkonta storja dwar ħuh iż-żgħir, Danjel, li mar jivvjaġġa fuq il-baħar biex imur jistad mal-ekwipaġġ tiegħu. Wara xi ħin, Danjel irċieva twissija urġenti li kienet qed toqrob lejhom b’ forza maltempata kbira. Immedjatament, Danjel u l-ekwipaġġ tiegħu rħewlha lejn il-port.

Immaġni
Isalpaw fuq il-Baħar

Hekk kif il-maltempata intensifikat, il-magna ta’ dgħajsa tas-sajd li kienet tinsab fil-qrib waqfet taħdem. L-ekwipaġġ ta’ Danjel rabat kejbil mad-dgħajsa wieqfa u beda jiġbidha lil hinn mill-periklu. Huma bagħtu messaġġ għall-għajnuna permezz tar-radju, għax minħabba l-maltempata li aktar ma tmur aktar bdiet tiqliel, kienu jeħtieġu assistenza immedjata.

Immaġni
Il-maltempata tiqliel

Hekk kif il-maħbubin tagħhom bdew jistennewhom b’ ħerqa, rappreżentanti mill-gwardja tax-xatt, l-assoċjazzjoni tas-sajjieda, u n-nejvi ltaqgħu flimkien biex jiddeċiedu l-aħjar strateġija ta’ salvataġġ li setgħu jużaw. Xi wħud minnhom xtaqu jitilqu mill-ewwel, iżda qalulhom biex jistennew ħalli jaraw x’ se jkun il-pjan. Waqt li dawk li kienu maqbudin fil-maltempata kienu qed jistennew bil-ħerqa għall-għajnuna, ir-rappreżentanti komplew għaddejjin bil-laqgħa, fejn bdew jippruvaw jaqblu fuq il-protokol u l-aħjar pjan.

Immaġni
Maħbubin jistennew bil-ħerqa

Meta finalment ġie organizzat il-grupp ta’ salvataġġ, huma rċevew l-aħħar sejħa ddisprata għall-għajnuna. Il-maltempata qalila kienet kissret il-kejbil ta’ bejn iż-żewġ dgħajjes u l-membri tal-ekwipaġġ ta’ Danjel kienu reġgħu sejrin lura biex jaraw jekk setgħux isalvaw lis-sajjieda sħabhom. Fl-aħħar, spiċċaw biex għerqu ż-żewġ dgħajjes u l-ekwipaġġ tagħhom, inkluż Danjel, ħu l-Presbiteru Patania.

Immaġni
Iż-żewġ dgħajjes intilfu.

Il-Presbiteru Patania qabbel din it-traġedja mal-kmand tal-Mulej meta qalilna, “Intom ma saħħaħtuhiex, … jew ’lil dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, … jew lanqas ma fittixtu l-mitlufa; … u neħdilhom minn taħt idejhom in-nagħaġ tiegħi.”4

Il-Presbiteru Patania spjega li, filwaqt li għandna norganizzaw ruħna f’ kunsilli, kworums, awżiljarji u saħansitra bħala individwi, m’għandniex noqogħdu nittratenu biex immorru nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ. Xi kultant ngħaddu ġimgħat sħaħ niddiskutu qabel ma mmorru ngħinu lill-familji jew l-individwi li għandhom xi bżonn speċjali. Aħna noqogħdu niddeliberaw dwar min se jmur iżurhom u x’ metodu se nużaw. Sadattant, ħutna l-mitlufin għandhom bżonna u xi kultant isejħulna b’ ħerqa għall-għajnuna. M’ għandniex noqogħdu nittratenu.

Prinċipju Numru 2: M’Għandna Qatt Naqtgħu Qalbna

Il-President Thomas S. Monson, li għamel sejħa ċara lilna lkoll biex immorru nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ, innota, “Il-membri tagħna jeħtieġ jiġu mfakkra li m’huwa qatt tard wisq meta niġu għal dawk … il-membri anqas attivi … li jista’ jkun li konna nikkunsidrawhom bħala kważa mitlufa.”5

Bħal ħafna minnkom, uħud minn dawk li jiena qsamt l-evanġelju magħhom ma damux wisq ma tgħammdu jew reġgħu saru attivi kif ukoll oħrajn—bħal Tim, il-ħabib mhux membru tiegħi u l-mara anqas attiva tiegħu, Charlene—li ħadu ftit aktar ħin.

Għal aktar minn 25 sena sħaħ jiena kont ngħaddi ħin twil nitkellem dwar l-evanġelju ma’ Tim u anke ħadt miegħi lil Tim u lil Charlene f’ xi tempju meta jkun miftuħ għall-pubbliku. Oħrajn spiċċaw ingħaqdu miegħi fil-ħidma tas-salvataġġ; madankollu Tim baqa’ m’aċċetta l-ebda stedina li saritlu biex jiltaqa’ mal-missjunarji.

Darba waħda fi tmiem il-ġimgħa jiena ġejt mitlub biex nippresedi waqt konferenza tal-wited. Tlabt lill-president tal-wited biex isum u jitlob dwar lil min għandna mmorru nżuru. Ħadt xokk meta għaddieli l-isem tal-ħabib tiegħi, Tim. Meta l-isqof ta’ Tim, il-president tal-wited, u jiena ħabbatna fuq il-bieb, kien Tim li ġie jiftaħ, ħares lejja, ħares lejn l-isqof u qal, “Isqof, hekk jidhirli sew, inti għedtli li kont se ġġib lil xi ħadd speċjali miegħek!”

Imbagħad Tim daħaq daħqa u qal, “Idħol, Merv.” Dan inhar seħħ miraklu. Issa Tim tgħammed u hu u Charlene ġew issiġillati fit-tempju. M’għandna qatt naqtgħu qalbna

Immaġni
Tim u Charlene fit-tempju

Prinċipju Numru 3: Kemm Se Jkun Kbir il-Ferħ Tagħkom Jekk Tressqu Mqar Ruħ Waħda Lejn Kristu

Bosta snin ilu, waqt konferenza ġenerali, jiena tkellimt dwar kif José de Souza Marques fehem kliem is-Salvatur li “jekk xi ħadd fostkom ikun b’ saħħtu fl-Ispirtu, araw li jieħu miegħu lil dak li hu dgħajjef, sabiex huwa jkun jista’ … isir ukoll b’ saħħtu.”6

Brother Marques kien jaf l-isem ta’ kull nagħġa li kien hemm fil-kworum tal-qassisin tiegħu u nduna li Fernando ma kienx hemm. Lil Fernandu huwa mar ifittxu l-ewwel id-dar tiegħu, imbagħad fid-dar ta’ sieħbu u anke baqa’ sejjer sa xatt il-baħar.

Immaġni
Ħidma biex jinħeles Fernando

​Finalment huwa sab lil Fernando jisserfja fuq il-baħar. Huwa ma baqax jistenna sakemm id-dgħajsa tegħreq, bħall-istorja ta’ Danjel. Immedjatament huwa nxteħet fl-ilma biex isalva n-nagħġa l-mitlufa tiegħu, u bil-ferħ iwassalha lura d-dar.7

Immaġni
Jiġi żgurat li Fernando ma jħallix aktar il-merħla

Imbagħad huwa ried ikun ċert li, permezz ta’ għajnuna kontinwa, Fernando qatt ma jerġa’ jitlaq minn mal-merħla.8

Ippermettuli ngħidilkom x’ ġara minn Fernando minn dak inhar li huwa ġie salvat kif ukoll naqsam magħkom il-ferħ li hu riżultat tas-salvataġġ ta’ nagħġa waħda mitlufa. Fernando żżewweġ lill-maħbuba tiegħu, Marija, fit-tempju. Illum huma għandhom 5 itfal u 13 il-neputi u neputija, li lkoll kemm huma huma attivi fil-Knisja. Bosta qraba oħra tiegħu u l-familji tagħhom ingħaqdu wkoll mal-Knisja. Flimkien huma ssottomettew eluf ta’ ismijiet tal-antenati tagħhom ħalli jirċievu l-ordinanzi tagħhom tat-tempju, u l-barkiet baqgħu ġejjin.

Immaġni
Il-familja ta’ Fernando

Fernando illum qed iservi bħala isqof għat-tielet darba, u qed ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu ta’ salvataġġ, l-istess kif ġie salvat huwa stess. Riċentiment huwa qal, “Fil-qasam tagħna, għandna 32 ġuvintur tas-Saċerdozju Aroniku attivi, 21 minnhom ġew salvati f’ dawn l-aħħar 18-il xahar.” Bħala individwi, familji, kworum, awżiljarji, klassijiet, u għalliema tad-dar u taż-żjajjar, jirnexxilna żgur!

Immaġni
Iż-żgħażagħ ta’ Fernando

Prinċipju Numru 4: Għandna Kemm Għandna Età, Aħna Mitlubin Biex Immorru Nieħdu Sehem Fil-Ħidma ta’ Salvataġġ

Il-President Henry B. Eyring iddikjara, “Għandna kemm għandna età, hi x’inhi l-abbiltà tagħna u s-sejħa tagħna fil-Knisja, jew ġejjin minn fejn ġejjin, aħna ninsabu lkoll imsejħin għall-ħidma biex ngħinu lis-Salvatur fil-ħsad Tiegħu tal-erwieħ sakemm Huwa jerġa’ jiġi.”9

Kuljum, numru akbar minn fost uliedna, iż-żgħażagħ tagħna, l-adulti żgħażagħ single tagħna u l-membri adulti tagħna ta’ kull età qed jagħtu kas tas-sejħa ċara tas-Salvatur biex immorru jieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ. Grazzi tal-isforz tagħkom! Ippermettuli naqsam magħkom xi ftit eżempji:

Amy, li għandha 7 snin, stiednet lill-ħabiba tagħha Arianna u lill-familja tagħha għall-programm ta’ kull sena tal-Primarja fil-laqgħa tas-sagrament. Ftit xhur wara, Arianna u l-familja tagħna ġew mgħammdin.

Allan, adult żagħżugħ single, ħassu spirat li jaqsam il-vidjos tal-Knisja, il- Messaġġi Mormoni, u versi mill-iskrittura ma’ sħabu kollha fuq il-midja soċjali.

Sister Reeves bdiet taqsam l-evanġelju ma’ kull persuna li bdiet iċċemplilha biex tbiegħilha xi ħaġa.

James stieden lill-ħabib tiegħu, Shane, li mhux membru, għall-magħmudija ta’ bintu.

Spencer bagħat link ta’ indirizz tal-konferenza mill-President Russell M. Nelson lil oħtu anqas attiva u rrapporta hekk, “Hija qrat id-diskors u nfetħet tieqa.”

Il-Mulej ipprovdielna l-għodda kollha neċessarja biex immorru nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ għal sħabna anqas attivi u li mhumiex membri. Żgur jirnexxielna nagħmlu dan!

Nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom sabiex tagħtu kas tas-sejħa tas-Salvatur biex tmorru lkoll tieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ. Jirnexxielna żgur!

Jiena solenniment nixhed li jien naf li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, li huwa jħobbna u jberikkna hekk kif aħna mmorru nieħdu sehem fil-ħidma ta’ salvataġġ. Jiena naf li Huwa jgħix; dan jien nafu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja