2010-2019
Huwa Jerfagħkom fuq Spallejh u Jġorrkom Lejn id-Dar
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Huwa Jerfagħkom fuq Spallejh u Jġorrkom Lejn id-Dar

L-istess kif ir-Ragħaj it-Tajjeb isib lin-nagħġa l-mitlufa tiegħu, jekk intom sempliċiment tgħollu qlubkom lejn is-Salvatur tad-dinja, Huwa jsibkom.

Waħda mill-memorji l-aktar disturbanti tiegħi ta’ meta kont għadni tifel hija dik tal-ħoss jgħajjat ġej mill-bogħod tas-sireni biex juru li kien ġej attakk mill-ajru, ħoss li kien iqajjimni mir-raqda li kont inkun fiha. Ma kienx jgħaddi wisq ħin, li kont nisma’ ħoss ieħor, il-ħsejjes ħorox tal-ajruplani, aktar ma jmur aktar jiżdiedu fil-qawwa tagħhom sakemm kullimkien jispiċċa jirtriegħed. Għax konna mħarrġin sewwa minn ommna, aħna t-tfal konna kollha kemm aħna naqbdu f’ idejna l-basket tagħna u nitilqu niġru għat-telgħa fejn kien hemm ix-xelter tal-bombi. Hekk kif konna nkunu qed niġru fid-dlam ċappa, konna naraw neżlin mis-sema sinjali ħodor u bojod li kienu jimmarkaw fejn kellhom jimmiraw il-bomers. Ħaġa verament stramba, dawn is-sinjali kulħadd kien isejħilhom siġar tal-Milied.

Kelli erba’ snin, u jiena xhud ta’ dinja waqt gwerra.

Dresden

Mhux ’il bogħod minfejn kienet toqgħod il-familja tiegħi kien hemm il-belt ta’ Dresden. Dawk li kienu jgħixu hemm raw b’ għajnejhom probabilment għal elf darba dak li esperjenzajt jiena. Attakki bin-nar massivi, ikkawżati permezz ta’ tunellati ta’ esplussivi, niżlu fuq Dresden, u spiċċaw qerdu aktar minn 90 fil-mija tal-belt u ħallew warajhom biss ħerba sħiħa u rmied.

Dresden ħerba waħda

Fi żmien verament qasir, il-belt li darba kienet imlaqqma “Kaxxa Ġojjelli” ma baqgħetx teżisti aktar. Erich Kästner, awtur Ġermaniż, kiteb hekk dwar il-qerda, “Biex inbniet fis-sbuħija kollha tagħha damet elf sena, u biex inqerdet għal kollox damet lejl wieħed.”1 Tul it-tfulija tiegħi ma stajtx nimmaġina kif qatt stajna xi darba nieħdu r-ruħ mill-qerda ta’ gwerra li n-nies tagħna stess kienu bdew. Id-dinja ta’ madwarna kienet tidher għal kollox mingħajr tama u mingħajr ebda futur.

Is-sena l-oħra kelli l-opportunità li nerġa’ mmur inżur Dresden. Sebgħin sena wara l-gwerra, hi reġgħet, għal darb’oħra, saret il-belt li jistħoqqilha l-laqam “Kaxxa Ġojjelli.” Il-ħerba m’għadhiex aktar hemm u l-belt ġiet irrestawrata mill-ġdid u saħansitra isbaħ milli kienet.

Frauenkirche meqruda

Tul iż-żjara tiegħi jiena mort nara l-knisja Luterana mill-isbaħ, Frauenkirche, il-Knisja tas-Sinjura. Wara li kienet inbniet fis-seklu tmintax, kienet waħda mill-ġojjelli jiddu ta’ Dresden, iżda b’ riżultat tal-gwerra kienet saret biss terrapien. Għamlet ħafna snin hekk, sakemm finalment ġie deċiż li Frauenkirche terġa’ timbena mill-ġdid.

Frauenkirche mibnija mill-ġdid

Il-ġebel li kien inġabar mill-knisja l-meqruda kien ġie maħżun u rreġistrat f’ katalgu u, fejn kien possibbli, reġa’ ntuża fir-rikostruzzjoni. Illum tista’ tara dan il-ġebel imsewwed bin-nar li qisu bħal ġrieħi fuq il-faċċata. Dawn “il-ġrieħi” mhumiex biss tifkira tal-istorja tal-gwerra ta’ dan il-bini iżda huma wkoll monument ta’ tama—simbolu meraviljuż tal-abbiltà tal-bniedem li joħloq ħajja ġdida mill-irmied.

Frauenkirche hi monument ta’ tama.

Hekk kif jiena kont qed nixtarr l-istorja ta’ Dresden u nimmiravilja ruħi bl-inġenwità u r-riżoluzzjoni ta’ dawk li rrestawraw dak li kien meqrud għal kollox, jiena ħassejt fija l-influwenza ħelwa tal-Ispirtu s-Santu. Bla dubju, f’ moħħi ħsibt li jekk bniedem jista’ jaqbad il-ħerba u t-terrapien u l-fdalijiet ta’ belt imġarrfa u jibni struttura li vera tispirak li tinsab wieqfa tħares lejn is-smewwiet, kemm aktar huwa kapaċi Missierna s-Setgħan li jirrestawra lil uliedu li waqgħu, jinsabu mitlufin jew jissaraw mal-ħajja?

Ma jimpurtax kemm ħajjitna tidher li hi meqruda għal kollox. Ma jimpurtax kemm dnubietna huma bħall-iskarlatt, kemm hu kbir l-imrar li għaddejjin minnu, kemm ninsabu weħidna, abbandunati jew b’ qalbna maqsuma. Anke dawk li jinsabu mingħajr tama, li jgħixu f’ disperazzjoni, li ttradew il-lealtà tagħhom, li tilfu kull integrità jew tbiegħdu minn Alla jistgħu jerġgħu jibnu mill-ġdid. Ħlief ulied it-telfien, m’ hawn l-ebda ħajja li tfarrket tant li ma tistax terġa’ tiġi rrestawrata.

L-aħbar li timlina bil-ferħ tal-evanġelju hija din: minħabba l-pjan ta’ ferħ etern li pprovdielna Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u permezz tas-sagrifiċċju infinit ta’ Ġesù l-Kristu, aħna mhux biss nistgħu niġu mifdija mill-istat mitluf tagħna u rrestawrati għall-purità, nistgħu wkoll nittraxxendu saħansitra l-immaġinazzjoni mortali tagħna u nsiru werrieta tal-ħajja eterna u ngawdu l-glorja inspejgabbli ta’ Alla.

Il-Parabbola tan-Nagħġa l-Mitlufa

Tul il-ministeru tas-Salvatur, il-mexxejja reliġjużi ta’ żmienu ma kinux jaqblu li Ġesù kien qed jgħaddi ħin ma’ nies li kienu tawhom it-tikketta ta’ “midinbin.”

Forsi għalihom kien bħal qisu qed jittollera jew anke jaqbel mal-imġieba midinba tagħhom. Forsi huma kienu jemmnu li l-aqwa mod biex tgħin lill-midinbin jindmu kien billi tikkundannahom, tirredikolahom u twaqqagħhom fil-għajb.

Meta s-Salvatur induna x’ kienu qed jaħsbu l-Fariżej u l-kittieba, Huwa rrakkontalhom storja:

“Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?

U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh.”2

Tul is-sekli, din il-parabbola ġiet interpretata minn ħafna bħala sejħa għalina lkoll biex inxammru jdejna u mmorru nġibu lura n-nagħġa l-mitlufa u nilħqu lil dawk li jinsabu mitlufin. Filwaqt li din bla dubju hija ħaġa xierqa u tajba, ma nafx jekk hemmx xi ħaġa iżjed x’ nistgħu nitgħallmu minnha.

Jista’ jkun li l-għan ta’ Ġesù, fuq kollox, kien li jgħallem dwar il-ħidma tar-Ragħaj it-Tajjeb?

Jista’ jkun li Huwa kien qed jixhed dwar l-imħabba ta’ Alla lejn uliedu li qabdu triq ħażina?

Jista’ jkun li l-messaġġ tas-Salvatur kien li Alla jinsab verament konxju ta’ dawk li jinsabu mitlufin—u li Huwa jibqa’ sakemm isibhom u jipprova jgħinhom u Huwa lest biex isalvahom?

Jekk huwa hekk, x’ għandhom jagħmlu n-nagħaġ biex jikkwalifikaw għal din l-għajnuna divina?

Tgħid in-nagħaġ jeħtieġu li jkunu jafu kif għandhom jużaw xi strument ikkumplikat sabiex jikkalkolaw lejn liema naħa għandhom jinnavigaw? Tgħid jeħtieġ li jkunu kapaċi jużaw xi GPS biex jiddefinixxu l-pożizzjoni tiegħu? Tgħid jeħtieġ li l-esperti joħolqu xi applikazzjoni li permezz tagħha jiksbu l-għajnuna meħtieġa? Tgħid in-nagħaġ jeħtieġ li jkollhom is-sapport ta’ xi ħadd importanti qabel ma r-Ragħaj it-Tajjeb ikun jista’ jmur biex isalvahom?

Le. Żgur li le! In-nagħaġ huma denji tas-salvataġġ divin sempliċiment għaliex ir-Ragħaj it-Tajjeb lilhom iħobbhom.

Għalija, il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa hija waħda mill-aktar partijiet fl-iskrittura li timlina bit-tama fost l-iskrittura kollha.

Is-Salvatur tagħna, ir-Ragħaj it-Tajjeb, jafkom u jħobbkom. Huwa jafkom u jħobbkom.

Huwa jaf meta intom tkunu tinsabu mitlufin u jaf fejn tkunu tinsabu. Huwa jaf in-niket tagħkom. Jaf it-tkarrib sieket tagħkom. Il-biżgħat tagħkom. Id-dmugħ tagħkom.

Ma jimpurtax kif spiċċajtu ntliftu —kemm jekk minħabba xi għażliet xejn tajbin li stajtu ħadtu jew forsi minħabba ċirkustanzi li ma kellkomx wisq kontroll fuqhom.

Li jimporta hu li intom uliedu. U Huwa jħobbkom. Hu huwa jħobb lil uliedu.

Salvataġġ tan-nagħġa l-mitlufa

Għaliex iħobbkom, Huwa jsibkom. Bil-ferħ Huwa jerfagħkom fuq spallejh. U meta jwassalkom lura d-dar, Huwa jgħidilkom ilkoll, “Ifirħu miegħi; għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.”3

X’ Għandna Nagħmlu?

Iżda, tafu qed tgħidu bejnietkom, x’ jeħtieġ li nagħmel jien? Żgur li neħtieġ nagħmel ferm aktar milli sempliċiment nibqa’ nistenna li niġi salvat.

Filwaqt li Missierna li tant iħobbna jixtieq li wliedu kollha jerġgħu lura għandu, Huwa ma jisforza lil ħadd biex imur fis-smewwiet.4 Alla ma jistax isalvana kontra r-rieda tagħna.

Għalhekk x’ għandna nagħmlu?

L-istedina Tiegħu hi waħda sempliċi:

“Duru … lejja.”5

“Ejjew għandi.”6

“Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom.”7

Dan hu l-mod kif aħna nistgħu nuruh li rridu niġu salvati.

Jeħtieġ xi ftit ta’ fidi. Iżda tiddisprawx. Jekk ma tistgħux tipproduċu l-fidi bħalissa, ibdew bit-tama.

Jekk ma tistgħux tlissnu li tafu li Alla jinsab hemm, tistgħu tittamaw li hemm jinsab. Tistgħu turu x-xewqa li temmnu.8 Dan hu biżżejjed biex tibdew.

Imbagħad, filwaqt li taġixxu skont dik it-tama, ippruvaw ersqu viċin Missierna tas-Smewwiet. Alla jestedni l-imħabba Tiegħu lejkom, u b’ hekk jingħata bidu għall-ħidma Tiegħu ta’ salvataġġ u trasformazzjoni.

Maż-żmien, intom tispiċċaw biex tagħrfu l-id Tiegħu f’ ħajjitkom. Intom tibdew tħossu l-imħabba Tiegħu. U x-xewqa tagħkom li timxu fid-dawl Tiegħu u fit-triq Tiegħu tibda tikber ma’ kull pass ta’ fidi li tagħmlu.

Dawn il-passi ta’ fidi aħna nsejħulhom “ubbidjenza.”

Daż-żmien din mhux xi kelma popolari. Iżda l-ubbidjenza hija kunċett li aħna ngħożżu fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, għaliex aħna nafu li “permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, l-umanità kollha tista’ tiġi salvata, jekk hija tobdi l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.”9

Hekk kif il-fidi tagħna tikber, aħna jeħtieġ li nikbru wkoll fid-fedeltà. Aktar kmieni jiena kkwotajt awtur Ġermaniż li ddeskriva b’ niket il-qerda ta’ Dresden. Huwa kiteb ukoll il-frażi “Es gibt nichts Gutes, ausser: Man tut es.” Għal dawk li ma jitkellmux il-lingwa ċelestjali, din tfisser “M’hemm l-ebda ħaġa tajba sakemm ma tagħmilhiex.”10

Intom u jiena nitkellmu bl-aktar mod elokwenti dwar ħwejjeġ spiritwali. Nafu nimpressjonaw lin-nies bl-interpretazzjoni intelletwali tagħna dwar ċerta suġġetti reliġjużi. Nafu nitkellmu b’ entużjażmu kbir dwar ir-reliġjon u “noqogħdu noħolmu dwar il-palazz tagħna fis-smewwiet.”11 Iżda jekk il-fidi tagħna ma tibdilx il-mod li bih qed ngħixu—jekk it-twemmin tagħna ma jinfluwenzax id-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum—ir-reliġjon tagħna tkun kollha ta’ xejn, u l-fidi tagħna, jekk mhijiex mejta, żgur ma tinsabx fi stat tajjeb u qiegħda fil-periklu li eventwalment tmut.12

L-ubbidjenza hija l-ħajja tal-fidi. Hija permezz tal-ubbidjenza li aħna nistgħu niksbu d-dawl għar-ruħna.

Iżda xi kultant naħseb li l-kelma ubbidjenza nifhmuha ħażin. Nafu nħarsu lejn l-ubbidjenza bħala l-għan li neħtieġu ngħixu għalih minflok ma nħarsu lejha bħala xi ħaġa li twassalna biex niksbu l-għan tagħna. Jew nafu nibdew inħabbtu l-martell metaforiku tal-ubbidjenza fuq l-inkwina tal-kmandamenti fi sforz biex niffurmaw lil dawk li aħna nħobbu, u b’hekk nisfurzawhom ħalli bit-tisbit kollu tagħna huma jkunu jistgħu jidħlu fi sferi aktar divini.

M’hemmx dubju, ikun hemm mumenti meta jkun jeħtieġ li aħna niġu mitlubin biex nindmu. Ċertament, hemm xi wħud li li jistgħu jintlaħqu biss b’ dan il-mod .

Iżda forsi hemm metafora differenti li tista’ tispjega għalfejn aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla. Forsi l-ubbidjenza mhijiex daqstant proċess li permezz tiegħu ngħawġu, indawru, u nħabbtu lil ruħna biex insiru xi ħaġa li m’aħniex. Minflok, hija proċess li permezz tiegħu nistgħu niskopru minn xiex aħna magħmulin verament.

Aħna ġejna maħluqin minn Alla s-Setgħan. Huwa Missierna tas-Smewwiet. Aħna letteralment l-ulied spirtu Tiegħu. Aħna magħmulin minn materjal divin mill-aktar prezzjuż u rraffinat, u għalhekk inġorru ġewwa fina s-sustanza tad-divinità.

Madankollu, hawn fid-dinja, ħsibijietna u l-għemejjel tagħna jinfluwenzaw ruħhom b’ mod negattiv minn dak li hu korrott, bla tjieba u impur. It-trab u l-ħmieġ tad-dinja jtabbgħu ruħna, jagħmluha diffiċli li nagħrfu u niftakru l-primoġenitura u l-għan tagħna.

Iżda dan kollu ma jistax jibdel dak li verament aħna. Id-divinità fundamentali tan-natura tagħna tibqa’ l-istess. U l-mument li aħna nagħżlu li niftħu qalbna għas-Salvatur għażiż tagħna u nitfgħu riġlejna fit-triq tagħna bħala dixxipli, tiġi fis-seħħ xi ħaġa verament mirakoluża. L-imħabba ta’ Alla timla qalbna; id-dawl tal-verità jimla moħħna; aħna ma nibqgħux aktar nixtiequ nidinbu; u ma nkunux irridu nimxu aktar fid-dalma.13

Ma nibqgħux inħarsu aktar lejn l-ubbidjenza bħala xi kastig iżda bħala triq ħielsa lejn id-destin divin tagħna. U gradwalment, il-korruzzjoni, it-trab u l-limitazzjonijiet ta’ din id-dinja jibdew iħalluna ftit ftit. Eventwalment, jibda jiżvela ruħu l-ispirtu etern u imprezzabbli tal-esseru divin li hemm ġewwa fina u aħna nsiru sors ta’ tjubija.

Intom Denji ta’ Min Isalvakom

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, jiena nixhed li Alla jħares lejna kif aħna verament—u Huwa jħares lejna bħala nies denji li niġu salvati.

Intom tafu tħossukom li ħajjitkom tinsab ħerba sħiħa. Tafu waqajtu fid-dnub. Tafu tinsabu beżgħana, irrabbjati, imnikktin jew ittorturati bid-dubju. L-istess kif ir-Ragħaj it-Tajjeb isib lin-nagħġa l-mitlufa tiegħu, jekk intom sempliċiment tgħollu qlubkom lejn is-Salvatur tad-dinja, Huwa żgur li jsibkom.

Huwa jsalvakom.

Huwa jaqbadkom u jerfagħkom fuq spallejh.

Huwa jġorrkom lejn id-dar.

Jekk idejn mortali jistgħu jittrasformaw it-terrapien u l-ħerba f’ dar ta’ qima mill-isbaħ, mela għandna nħossuna ċerti li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jista’ u sejjer jerġa’ jibnina mill-ġdid. Il-pjan Tiegħu hu li jibnina f’ xi ħaġa ferm akbar milli konna qabel—ferm akbar milli qatt nistgħu nimmaġinaw. Ma’ kull pass li nagħmlu fit-triq tagħna bħala dixxipli, aħna nibdew nittrasformaw ruħna fl-esseri ta’ glorja eterna u ferħ infinit li kif ġejna maħluqin li nsiru.

Din hija t-testimonjanza tiegħi, il-barka tiegħi u t-talba umli tiegħi fl-isem sagru tal-Imgħallem tagħna, f’isem Ġesù Kristu, amen.