2010-2019
Fil-Kumpanija tal-Mexxejja tal-Knisja
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Fil-Kumpanija tal-Mexxejja tal-Knisja

Tinsabu intom fil-kumpanija tal-mexxejja tal-Knisja f’ dinja li qiegħda dejjem tiddallam sabiex intom tkunu tistgħu xxerdu d-Dawl ta’ Kristu?

B’ imħabba nilqgħu fostna lill-Awtoritjiet Ġenerali l-ġodda, lis-Sebgħinijiet Reġjonali l-ġodda, u lill-membri meraviljużi tal-presidenza ġenerali l-ġdida tal-Primarja, li lkoll kemm huma għadhom kemm ġew imsejħin. B’ apprezzament profond aħna nirringrazzjaw lil dawk li għandhom kif ġew eżonerati. Inħobbukom ilkoll.

Għeżież ħuti, għadna kif ipparteċipajna f’ esperjenza mill-aktar sabiħa hekk kif għollejna jdejna biex insostnu lill-profeti, bassâra u rivelaturi u mexxejja u uffiċjali ġenerali oħra li ġew imsejħin minn Alla f’ dawn il-jiem. Jien dejjem ħadt b’ serjetà kbira din l-opportunità li nsostni u li niġi ggwidat mill-qaddejja tal-Mulej. U bħala persuna li ili biss ftit xhur fis-sejħa tiegħi bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, jiena nieqaf quddiemkom b’umiltà għall-vot ta’ sosteniment u kunfidenza tagħkom. Jiena ngħożż ir-rieda tagħkom li tieqfu miegħi u ma’ dawn il-mexxejja meraviljużi kollha.

F’ Ottubru li għadda, ftit wara li ġejt sostnut , jiena ġejt mitlub immur il-Pakistan u, meta kont hemm, iltqajt mal-Qaddisin meraviljużi u ddedikati f’ dak il-pajjiż. Fin-numru huma żgħar, iżda fl-ispirtu huma kbar. Ftit wara li ġejt lura d-dar, jiena rċevejt din in-nota minn Brother Shakeel Arshad, membru għażiż li ltqajt miegħu f’ din iż-żjara. “Grazzi, Presbiteru Rasband, talli ġejt il-Pakistan. Nixtieq ngħidlek li aħna … l-membri tal-Knisja … nsostnuk u nħobbuk. Aħna verament iffortunati li inti ġejt hawnhekk u aħna smajniek tkellimna. Kien jum tad-deheb fil-ħajja tal-familja tiegħi peress li konna ltqajna ma’ Appostlu.”1

Li kelli ċ-ċans li niltaqa’ ma’ Qaddisin bħal Brother Arshad kienet esperjenza mill-aktar kbira li mlietni b’ sentiment ta’ umiltà u, biex nuża kliemu, “jum tad-deheb” għalija wkoll.

F’ Jannar, il-mexxejja tal-Knisja ħadu sehem f’ xandira Wiċċ imb’ Wiċċ maż-żgħażagħ u mal-mexxejja u l-ġenituri tagħhom minn madwar id-dinja. Ix-xandira ġiet trasmessa b’ mod dirett fuq l-Internet ma’ bosta postijiet f’ 146 pajjiż; xi postijiet kellhom udjenza kbira ġewwa l-kappelli, u oħrajn kienu ġo dar waħda b’ xi żagħżugħ wieħed biss isegwina. B’ kollox, kien hemm mijiet ta’ eluf li ngħaqdu magħna.

Immaġni
Wiċċ imb’ Wiċċ mal-Presbiteru Rasband, Sister Oscarson, u Brother Owen

Flimkien mal-udjenza vasta li kellna, Sister Bonnie Oscarson, president ġenerali tat-Tfajliet; Brother Stephen W. Owen, president ġenerali tal-Ġuvintur; u jiena—li konna ssapportjati minn għadd ta’ żgħażagħ, mużiċisti u oħrajn—weġibna numru ta’ mistoqsijiet mingħand iż-żgħażagħ.

Immaġni
It-tema Komuni 2016

L-għan tagħna kien li nintroduċu t-tema Komuni għall-2016, “Ibqgħu Mexjin ’il Quddiem b’ Fidi Soda fi Kristu” minn 2 Nephi, li jgħid: Għalhekk ibqgħu mexjin fit-triq b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama qawwija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”2

Wara li qrajna mijiet ta’ mistoqsijiet li kellhom iż-żgħażagħ, aħna x’ tgħallimna? Tgħallimna li ż-żgħażagħ tagħna jħobbu lill-Mulej, isostnu lill-mexxejja tagħhom u jixtiequ li l-mistoqsijiet tagħhom jiġu mwieġba! Il-mistoqsijiet huma indikazzjoni ta’ xewqa akbar biex jitgħallmu, li jkomplu jżidu ma’ dawk il-veritajiet li diġà jiffurmaw it-testimonjanzi tagħhom u li jkunu mħejjijin aħjar biex “jibqgħu mexjin ’il quddiem b’ fidi soda fi Kristu.”

Ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju bdiet permezz ta’ żagħżugħ, Joseph Smith, jistaqsi mistoqsija. Ħafna mit-tagħlim tas-Salvatur fil-ministeru Tiegħu kien jibda b’ mistoqsija. Tiftakru l-mistoqsija Tiegħu lil Pietru: “Intom min tgħidu li jien?”3 u Pietru wieġeb: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.”4 Jeħtieġ ngħinu lil xulxin insibu t-tweġibiet ta’ Missierna tas-Smewwiet permezz tal-gwida tal-Ispirtu.

F’ dik ix-xandira, jiena għedt liż-żgħażagħ:

“Il-mexxejja ta’ din il-Knisja huma konxji ta’ dak li intom għaddejjin minnu u li qed jinkwetakom u tal-isfidi tagħkom.

“Aħna missirijiet u ommijiet. Aħna nanniet. Niltaqgħu spiss maż-żgħażagħ minn madwar id-dinja. U qed nitolbu għalikom, qed nitkellmu dwarkom fl-aktar postijiet sagri u nħobbukom.”5

Nixtieq naqsam magħkom waħda mill-ħafna u ħafna tweġibiet li rċevejna minn dak l-avveniment.

Lisa minn Grand Praire, Alberta, il-Kanada kitbet: “Dan l-avveniment Wiċċ imb’ Wiċċ kien verament mill-isbaħ. Qawwieli verament it-testimonjanza u l-konvinzjoni tiegħi tal-evanġelju. Aħna verament imberkin li għandna mexxejja spirati li ġew imsejħin biex iservu f’ tant pożizzjonijiet differenti.”6

Liz, minn Pleasant Grove, Utah, aktar qabel kitbet: “Jiena grata għall-fidi personali tiegħi u l-opportunità li għandi li nsostni profeta ta’ Alla u l-irġiel u n-nisa li jservu miegħu.”7

Illum aħna sostnejna mexxejja li, b’ ispirazzjoni divina, ġew imsejħin biex jgħallmuna u jiggwidawna u li qed iwiddbuna sabiex noqogħdu attenti mill-periklu li nħabbtu wiċċna miegħu kuljum—mill-qima każwali ta’ jum il-Ħadd, it-theddid lejn il-familja, l-attakki fuq il-libertà reliġjuża u saħansitra dawk li jargumentaw kontra r-rivelazzjoni tal-aħħar jiem. Ħuti, qegħdin aħna nisimgħu l-kunsill tagħhom?

Bosta drabi fil-konferenzi, fil-laqgħat sagramentali u fil-Primarja, aħna nkantaw il-kliem ħelu, “Iggwidani, imxi ħdejja.”8 Xi jfisser għalik dan il-kliem? X’ jiġi f’ moħħok meta taħseb dwaru? Intom ħassejtu l-influwenza ta’ dawk il-mexxejja twajba, dawk id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu li kemm fil-passat kif ukoll illum ikomplu jinfluwenzaw ħajjitna, li jimxu dejjem magħkom fit-triq tal-Mulej? Dawn jafu jinsabu ġewwa l-istess darkom. Jafu jinsabu fost il-kongregazzjonijiet lokali tagħkom jew li tisimgħuhom jitkellmu minn quddiem dan il-pulptu fil-konferenza ġenerali. Dawn id-dixxipli jaqsmu magħna l-barka li wieħed ikollu testimonjanza tal-Mulej Ġesù Kristu, il-mexxej ta’ din il-Knisja, il-mexxej tal-istess ruħna, li wiegħed, “Kun ferħan, u tibżax, għax jiena l-Mulej ninsab miegħek u nieqaf miegħek.”9

Niftakar lill-President Thomas S. Monson jaqsam magħna l-istorja ta’ meta kien ġie mistieden fid-dar tal-president tal-wited tiegħu Paul C. Child biex jiġi mħejji sabiex javvanza għas-Saċerdozju Melkisedeku. X’ barka speċjali kienet għall-President Child, li dak iż-żmien ma kienx jaf li huwa kien qed jgħallem tfajjel li jħaddan is-Saċerdozju Aroniku li xi darba kien se jkun il-profeta ta’ Alla.10

Jiena stess esperjenzajt mumenti ta’ tagħlim mingħand il-profeta għażiż tagħna, il-President Monson. M’hemm l-ebda dubju f’ moħħi jew f’ qalbi li huwa l-profeta tal-Mulej fid-dinja; jiena stess irċevejt b’ umiltà rivelazzjoni mingħandu u aġixxejt skont dak li rċevejt. Huwa ilu jgħallimna sabiex nilħqu lil xulxin, nipproteġu lil xulxin, insalvaw lil xulxin. L-istess kien ġie mgħallem fl-Ilmijiet ta’ Mormon. Dawk li kellhom “ix-xewqa … li jissejħu l-poplu tiegħu” kienu lesti li “jġorru t-tagħbija ta’ xulxin,” “jibku ma’ dawk li jibku,” u “jieqfu bħala xhieda ta’ Alla.”11

Nieqaf quddiemkom illum bħala xhud ta’ Alla l-Missier Etern u Ibnu, Ġesù Kristu. Jiena naf li s-Salvatur tagħna jgħix u jħobbna u jidderieġi l-qaddejja Tiegħu, intom u jien, biex iwettaq l-għanijiet setgħana Tiegħu f’ din id-dinja.12

Hekk kif aħna nibqgħu mexjin ‘il quddiem, nagħżlu li nimxu wara l-kunsill u twissijiet tal-mexxejja tagħna, aħna nagħżlu li nimxu wara l-Mulej waqt li d-dinja tinsab miexja f’ direzzjoni oħra. Aħna nagħżlu, li nżommu sod mal-bastun tal-ħadid, li nkunu Qaddisin tal-Aħħar Jiem, li naħdmu f’ isem il-Mulej, u nimtlew “b’ ferħ mill-aktar kbir.”13

Il-mistoqsija li għandna nistaqsu aktar u aktar illum hija waħda ċara: tinsabu intom fil-kumpanija tal-mexxejja tal-Knisja f’ dinja li qiegħda dejjem tiddallam sabiex intom tkunu tistgħu xxerdu d-Dawl ta’ Kristu?

Ir-relazzjonijiet mal-mexxejja huma mill-aktar importanti u sinifikanti. Għandhom kemm għandhom età dawn il-mexxejja, joqgħodux viċin tagħna jew ‘il bogħod, jew kien liema kien iż-żmien li fih ħallew effett fuq ħajjitna, l-influwenza tagħhom tirrifletti l-kliem tal-poeta Amerikan Edwin Markham, li qal:

Hemm destin li jagħmilna aħwa:

Ħadd ma jmur tul it-triq waħdu:

Dak kollu li aħna nibagħtu fil-ħajja ta’ ħaddieħor

Jispiċċa lura f’ ħajjitna.14

Shakeel Arshad, sieħbi fil-Pakistan, wera s-sapport miegħi, bħala ħuh u l-ħabib tiegħu. L-istess għamiltu ħafna minnkom. Meta aħna nilħqu lil ħaddieħor biex ngħinuh, aħna nkunu qed nuru bil-fatt dan il-kliem mill-aktar setgħan: “Ħadd ma jmur għal għonq it-triq waħdu.”

Fuq kollox, aħna neħtieġu lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Wieħed mir-rakkonti mill-iskrittura li minn dejjem qanqluni spiritwalment hu meta Ġesù Kristu mexa fuq l-ilma biex jiltaqa’ mad-dixxipli Tiegħu meta kienu qed jivvjaġġaw fuq dgħajsa fil-Baħar tal-Galilija. Dawn kienu mexxejja li kienu għadhom kif ġew imsejħin, bħal ħafna minna li ninsabu hawnhekk fuq quddiem illum. Ir-rakkont jinsab fil-Ktieb ta’ Mattew:

“Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.

“Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.

“Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru, … u qabdu jgħajtu bil-biża’.

“Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: ”Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.”15

Pietru sema’ dik is-sejħa mill-isbaħ ta’ inkuraġġiment ġejja mingħand il-Mulej.

”Wieġeb Pietru u qallu, Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

“Ejja, qallu Ġesù.”16

B’ mod mill-aktar ċar. Pietru kien sajjied, u huwa kien jaf sew dwar il-periklu tal-baħar. Madankollu, huwa kien lest li jimxi wara Ġesù—lejl u nhar, fuq il-baħar jew fuq l-art.

Nimmaġina li Pietru qabeż minn mal-ġenb tad-dgħajsa, mingħajr ma baqa’ jistenna li jerġa’ jsejjaħlu għat-tieni darba, u beda jimxi fuq l-ilma. Fil-fatt, l-iskrittura tgħid, “Hu qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.”17 Hekk kif ir-riħ tqawwa u l-mewġ beda jgħaddaslu saqajh fl-ilma, Pietru beda jibża’ “u beda jgħajjat u jgħid, Salvani, Mulej.

“Malajr Ġesù medd idu u qabdu.”18

X’ lezzjoni mill-aktar qawwija. Il-Mulej kien jinsab hemm għalih, l-istess kif Hu jinsab hemm għalik u għalija. Huwa ħareġ idu u ġibed lil Pietru lejh u ‘l bogħod mill-periklu.

Jien kont neħtieġ lis-Salvatur u l-id Tiegħu biex isalvani bosta drabi. Neħtieġu illum aktar minn qatt qabel, kif teħtiġuh kull wieħed u waħda minnkom. Xi drabi ħassejtni kunfidenti biżżejjed li naqbeż mid-dgħajsa, nitkellem b’ mod figurattiv, għal postijiet li ma kont xejn familjari magħhom, biex wara ftit spiċċajt intbaħt li waħdi ma stajt nagħmel xejn.

Hekk kif bdejna niddiskutu waqt Wiċċ imb’ Wiċċ, il-Mulej ta’ spiss jipprova jilħaqna permezz tal-familji u l-mexxejja tagħna, jistedinna sabiex immorru għandu—l-istess kif għamel meta mar biex isalva lil Pietru.

Intom ukoll ikollkom il-ħafna mumenti tagħkom li fihom twieġbu għall-istedina frekwenti sabiex “tersqu lejn Kristu.”19 Mhux għalhekk ninsabu hawnhekk f’ din il-ħajja mortali? Is-sejħa taf tkun biex tmorru ssalvaw xi membru tal-familja tagħkom; biex tmorru sservu missjoni; biex terġgħu lura lejn il-knisja; biex tmorru fit-tempju mqaddes; u, kif m’ilux għadna kif smajna miż-żgħażagħ tagħna waqt l-avveniment Wiċċ imb’ Wiċċ, biex tiġu, tgħinuni nwieġeb il-mistoqsija tiegħi. Fiż-żmien opportun, kull wieħed u waħda minna għad nisimgħu s-sejħa “Ejja lura d-dar.”

Nitlob li aħna noħorġu idna—noħorġu idna u naqbdu id is-Salvatur li tinsab lesta biex issalvana, ħafna drabi permezz tal-mexxejja msejħin b’ mod divin minnu kif ukoll permezz tal-membri tal-familja tagħna—u noqogħdu attenti biex nisimgħuh meta jsejħilna.

Jiena naf li Ġesù Kristu jgħix; jiena nħobbu, u naf b’ qalbi kollha li Huwa jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Huwa l-Eżemplar il-kbir tagħna u l-mexxej divin ta’ wlied Missierna kollha. Ta’ dan jiena nagħti x-xhieda solenni tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja