Fejn Huma l-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju?
L-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju jistartjaw il-magna, jiftħu l-kanċelli tas-smewwiet, jiffaċilitaw il-qawwa divina u jipprovdu l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet.
Hekk kif ix-xemx ta’ wara nofsinhar xitwi bdiet tinħeba wara l-għolja mimlija silġ u tant popolari għall-isports tal-iskijing, l-arja ffriżata tal-muntanja bdejna nħossuha tniggeż ħaddejna u mneħirna, bħallikieku bdiet timbottana lejn il-karozzi u l-vannijiet tagħna li kienu jinsabu pparkjati fil-parkeġġ tar-riżort tal-iskijing. Hemmhekk fil-karozzi komdi tagħna, il-hijters ma kinux se jdumu wisq biex jibdew isaħħnu s-swaba kesħin tagħna. Il-ħoss tas-silġ friżat ifaqqa’ ma’ kull pass li nagħmlu beda jikkonferma li l-kesħa verament kienet waħda enormi.
Bħala familja konna gawdejna jum mill-aktar divertenti fuq l-għoljiet bis-silġ, li issa kien ġej fi tmiemu b’ temperatura xxoqq l-għadam. Meta wasalna ħdejn il-karozza, jiena daħħalt idi fil-but tal-ġakketta biex nieħu ċ-ċwievet u wara daħħalthom f’ but ieħor u f’ ieħor. “Fejn huma ċ-ċwievet?” Kulħadd kien jinsab anzjuż jistenna ċ-ċwievet! Il-batterija tal-karozza kienet iċċarġjata, u s-sistema kollha—inkluż il-hijter—kienet lesta biex tibda taħdem, iżda mingħajr iċ-ċwievet, il-bibien magħluqin ma kinux se jħalluna nidħlu ġewwa; mingħajr iċ-ċwievet, il-magna ma kenitx se tagħti l-qawwa lill-karozza.
Dak il-ħin, f’ moħħna kellna biss kif konna stajna nidħlu fil-karozza u nisħnu ftit, iżda ma setax ma jiġix f’ moħħi—anke f’ dak il-ħin—li kien hemm xi lezzjoni li stajna nitgħallmu f’ din is-sitwazzjoni. Mingħajr iċ-ċwievet, dan il-miraklu meraviljuż ta’ inġinerija ma kien xejn ħlief ftit plastik u metall. Avolja l-karozza kellha potenzjal kbir, mingħajr iċ-ċwievet, ma setgħetx twettaq il-funzjoni li għalih kienet intenzjonata.
Aktar ma bdejt nirrifletti fuq din l-esperjenza, aktar din l-analoġija bdiet issir għalija waħda profonda. Nimmeravilja ruħi bl-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu. Inħossni nistagħġeb biż-żjara mis-smewwiet u l-viżjonijiet grandjużi tal-eternità li Alla għoġbu jsawwab fuq Joseph Smith. U b’ mod partikolari, qalbi tinsab mimlija gratitudni tant kbira għar-restawrazzjoni tal-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ tas-saċerdozju. Mingħajr ir-restawrazzjoni, konna nibqgħu msakkrin barra mill-vettura neċessarja li teħodna fil-vjaġġ tagħna lura d-dar għand ġenituri tas-smewwiet li tant iħobbuna. It-twettiq ta’ kull ordinanza tas-salvazzjoni li tipprovdilna l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet tirrikjedi li titwettaq bl-awtorità xierqa permezz taċ-ċwievet jew aħjar l-imfietaħ tas-saċerdozju.
F’ Mejju 1829, Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u Oliver Cowdery, tahom is-Saċerdozju Aroniku u għaddielhom l-imfietaħ marbuta ma’ dan is-saċerdozju. Ftit wara, Pietru, Ġakbu u Ġwanni tawhom l-imfietaħ tas-Saċerdozju Melkisedeku.1
Kważi seba’ snin wara, f’ jum il-Ħadd, ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland, ġimgħa biss wara d-dedikazzjoni tiegħu, “il-Mulej Ġehova deher fil-glorja” lil Joseph u Oliver, ġrajja li ġiet segwita bid-dehra ta’ Mosè, Elijas u Elija, li għaddewlhom “l-imfietaħ u d-dispensazzjonijiet tagħhom.”2 L-awtorità rrestawrata tas-saċerdozju u dawk l-imfietaħ kienu ilhom mitlufin għal sekli sħaħ. Bħalma l-familja tagħna ssakkret barra mill-karozza, minħabba ċ-ċwievet mitlufin tal-karozza, bl-istess mod ulied Missierna tas-Smewwiet issakkru barra milli jirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—sakemm ir-restawrazzjoni divina ġiet fis-seħħ permezz ta’ dawn il-messaġġiera mis-smewwiet. Qatt u qatt aktar m’għandna għalfejn nistaqsu, “Fejn huma ċ-ċwievet jew inkella l-imfietaħ?”
Is-sena l-oħra, f’ jum verament sabiħ, jiena mort inżur il-bosk trankwill li hemm fil-grigal ta’ Pennsylvania li fl-iskrittura hu magħruf bħala Harmony, fejn Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery u rrestawra s-Saċerdozju Aroniku. Jiena waqaft ukoll fuq ix-xatt tax-Xmara Susquehanna fejn Joseph u Oliver, mogħnija bl-awtorità u l-imfietaħ, ġew mgħammdin. Ħdejn din l-istess xmara, Pietru, Ġakbu u Ġwanni dehru u rrestawraw is-Saċerdozju Melkisedeku u l-imfietaħ marbutin miegħu.3
Dawn is-siti, kif ukoll ir-rikostruzzjoni tal-ewwel dar ta’ Joseph u Emma, fejn parti kbira mill-Ktieb ta’ Mormon ġie tradott; id-dar fil-qrib tal-ġenituri ta’ Emma; u ċentru għall-viżitaturi li hu inkorporat f’ dar tal-laqgħat ġdida, flimkien jagħmlu s-Sit tar-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju, li ġie ddedikat mill-President Russell M. Nelson f’ Settembru tas-sena l-oħra. Hemmhekk, jien ħassejt il-qawwa u r-realtà tal-ġrajjiet divini li seħħew fuq dik l-art sagra. Dik l-esperjenza wasslitni biex nixtarr, nistudja u nitlob dwar l-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ tas-saċerdozju, li mlietni bix-xewqa li naqsam maż-żgħażagħ tal-Knisja kif l-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ irrestawrati jistgħu verament iberkuhom.
L-ewwel, ikun ta’ għajnuna jekk nifhmu sew dawn it-termini. Is-saċerdozju jew l-awtorità tas-saċerdozju ġew imfissrin bħala “il-qawwa u l-awtorità ta’ Alla”4 u “l-qawwa suprema fuq din id-dinja.”5 L-imfietaħ tas-saċerdozju ġew imfissrin biex nifhmuhom aħna wkoll: “L-imfietaħ tas-saċerdozju huma l-awtorità li Alla ta lill-mexxejja tas-saċerdozju biex jidderieġu, jikkontrollaw u jiggvernaw l-użu tas-saċerdozju Tiegħu fid-dinja.”6 L-imfietaħ tas-saċerdozju jikkontrollaw l-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju. L-ordinanzi li jiġu rreġistrati fuq ir-reġistri tal-Knisja jeħtieġu l-imfietaħ u ma jistgħux isiru mingħajr awtorizzazzjoni. Il-Presbiteru Dallin H. Oaks għallem li “ultimament, huwa l-Mulej Ġesù Kristu li jħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju, liema saċerdozju huwa Tiegħu. Huwa dak li jiddetermina liema mfietaħ jistgħu jiġu ddelegati man-nies mortali u kif jistgħu jintużaw dawn l-imfietaħ.”7
Issa, għalikom iż-żgħażagħ, jiena kkunsidrajt tliet modi kif intom tistgħu “issibu l-imfietaħ,” jew tużaw l-imfietaħ tas-saċerdozju u l-awtorità biex tbierku ħajjitkom u ħajjet l-oħrajn.
L-Ewwel Hu li Tħejju għas-Servizz Missjunarju
Għeżież ħuti, tafu lanqas biss tirrealizzaw dan il-fatt, iżda kienu l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael, irrestawrati minn Mosè, li għamlu l-ħidma missjunarja possibbli fi żmienna. Ikkunsidraw il- forza ta’ missjunarji full-time li bejn wieħed u ieħor jammontaw għal 75,000 jaħdmu fl-għalqa taħt id-direzzjoni ta’ dawn l-imfietaħ. B’ dan l-għarfien f’ moħħkom, ftakru li qatt mhu kmieni wisq biex intom titħejjew għas-servizz missjunarju. Fil-pamflet For the Strength of Youth, naqraw, “Ġuvintur tas-Saċerdozju Aroniku, … aħdmu b’ diliġenza biex tħejju lilkom infuskom biex tirrappreżentaw lill-Mulej bħala missjunarji.”8 Intom it-Tfajliet ukoll tistgħu titħejjew, iżda intom “m’għandkomx l-istess mandat biex isservu”9 It-tħejjija tagħkom, madankollu, kemm jekk isservu bħala missjunarji full-time u kemm jekk le, se tagħtikom benefiċċji għal tul ħajjitkom bħala membri missjunarji.
It-Tieni Mod biex “Issibu l-Imfietaħ” Hu li Tattendu t-Tempju
L-imfietaħ tas-siġill, irrestawrati mill-profeta tat-Testment il-Qadim Elija, jagħmluha possibli li jitwettqu l-ordinanzi fit-tempji mqaddsa. L-ordinanzi mwettqa f’ dawn it-tempji jagħmluha possibbli biex l-individwi u l-familji jerġgħu lura fil-preżenza tal-ġenituri tagħna tas-smewwiet.
Aħna nħeġġu lilkom iż-żgħażagħ biex tirriċerkaw u tfittxu l-ismijiet tal-antenati tagħkom u twettqu l-magħmudijiet bi prokura għalihom fit-tempju. Ninnutaw li dan diġà qed iseħħ f’ numru akbar minn qatt qabel madwar id-dinja! Il-battisterji f’ ħafna tempji jinsabu mimlijin b’ żgħażagħ kemm kmieni filgħodu kif ukoll filgħaxija. Iduru l-imfietaħ li jagħu ċ-ċans li l-familji jingħaqdu flimkien hekk kif l-ordinanzi sagri jitwettqu f’ dawn it-tempji.
Tistgħu taraw ir-relazzjoni bejn l-imfietaħ u l-barkiet tas-saċerdozju? Hekk kif intom tingaġġaw ruħkom f’ din il-ħidma, jien naħseb li intom tintebħu li l-Mulej ikun qiegħed dejjem fid-dettall ta’ dak kollu li tagħmlu. Sa naqsam magħkom esperjenza li turi dan. M’ilux sirt naf dwar omm li regolarment tieħu lil uliedha sat-tempju biex iwettqu l-magħmudijiet bi prokura. F’ jum mill-aktar partikolari, hekk kif il-membri ta’ din il-familja kienu spiċċaw jieħu sehem fil-magħmudijiet u kienu telqin mit-tempju, wieħed raġel daħal fl-erja tal-battisterju b’ lista twila ta’ ismijiet tal-familja tiegħu. Meta rrealizza li ma kien għad baqa’ ħadd fil-battisterju biex jassistih b’ dawn l-ismijiet tal-familja, wieħed ħaddiem fit-tempju waqqaf lill-familja li kienet tielqa minn hemm u staqsa lit-tfal jekk jikkunsidrawx li jerġgħu jidħlu ġewwa u jbiddlu ħwejjiġhom għal darb’oħra biex jassistu f’ dawn il-magħmudijiet. Huma aċċettaw bil-qalb kollha u reġgħu daħlu ġewwa. Hekk kif it-tfal bdew jitgħammdu, ommhom, li kienet qed tisma’, bdiet tagħraf l-ismijiet u f’ daqqa waħda, b’ għaġeb kbir għal dawk kollha preżenti, irrealizzat li l-lista ta’ ismijiet tal-familja ta’ dak ir-raġel kienu wkoll antenati mejtin tal-familja tagħha. Din kienet barka mill-aktar ħelwa għalihom ilkoll.
Ħmistax ilu ġie ddedikat it-Tempju taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Provo bħala l-150 tempju tal-Knisja li qed jopera madwar id-dinja. Innutajna li meta l-President Thomas S. Monson ġie sostnut bħala Appostlu fl-1963, kien hemm 12-il tempju li qed jopera fil-Knisja. It-tempji qegħdin aktar ma jmorru aktar jersqu viċin tagħkom. Madankollu, għal dawk fostkom li toqogħdu f’ postijiet fejn minħabba distanza jew ċirkustanzi ma tistgħux tattendu t-tempju regolarment, għandkom dejjem iżżommu lilkom infuskom denji li tattendu. Tistgħu tagħmlu ħidma importanti ‘l barra mit-tempju hekk kif tirriċerkaw u tissottomettu l-ismijiet tal-familja tagħkom.
Finalment, Numru Tlieta: Ibqgħu Mexjin ’il Quddiem b’ Fidi
Abraham, il-profeta tat-Testment il-Qadim, irċieva barka kbira mill-Mulej fid-dispensazzjoni tiegħu, li kultant nirreferu għaliha bħala l-patt Abrahamiku. Eluf ta’ snin wara, il-barkiet tad-dispensazzjoni tal-evanġelju lil Abraham ġew irrestawrati. Dan seħħ meta l-profeta Elijas deher lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery fit-Tempju ta’ Kirtland.
Permezz ta’ din ir-restawrazzjoni, ilkoll kemm intom għandkom aċċess għall-barkiet kbar imwiegħda lil Abraham. Dawn il-barkiet jistgħu jkunu tagħkom jekk intom tibqgħu fidili u tgħixu b’ mod den. Fil-pamflet For the Strength of Youth, intom ġejtu mogħtijin daqsxejn struzzjonijiet mill-aktar prattiċi dwar kif “tibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fidi.” Se nsemmi fil-qosor parti minn dan il-kunsill: “Biex jgħinkom issiru dak kollu li l-Mulej iridkom issiru, inżlu għarkupptejkom kull filgħodu u filgħaxija titolbu lil Missierkom tas-Smewwiet. … Studjaw l-iskrittura kuljum u applikaw dak li taqraw f’ ħajjitkom. … Agħmlu l-almu tagħkom kuljum biex tkunu ubbidjenti. … F’ kull ċirkustanza, imxu wara t-tagħlim tal-profeti. … Kunu umli u lesti li tisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.”
Dan il-kunsill hu segwit minn wegħda li twassal għal wegħdiet oħra li tistgħu tiksbu permezz tal-barkiet ta’ Abraham: “Hekk kif tagħmlu dan, il-Mulej jispiċċa biex jagħmel minn ħajjitkom xi ħaġa ferm akbar milli tistgħu tagħmlu intom stess. Huwa jkabbar l-opportunitajiet tagħkom, jespandi l-viżjoni tagħkom u jsaħħaħkom. Huwa jagħtikom l-għajnuna li teħtieġu biex tilqgħu l-isfidi tagħkom. Intom tiksbu testimonjanza aktar b’ saħħitha u ssibu l-veru ferħ hekk kif issiru tafu lil Missierkom tas-Smewwiet u lil Ibnu, Ġesù Kristu, u tħossu l-imħabba tagħhom lejkom.”10
F’ kelma waħda, ħejju għas-servizz missjunarju, attendu t-tempju u ibqgħu mexjin ‘il quddiem fil-fidi.
Konklużjoni
Ejjew nibdew minn fejn bdejna, wieqaf fil-parkeġġ friġidu nistaqsi, “Fejn huma ċ-ċwievet?” Mela biex tkunu tafu, aktar tard filgħaxija jiena b’ mod mirakoluż sibt iċ-ċwievet li kienu waqgħu mill-but tiegħi fuq il-muntanja. Il-Mulej uriena li Huwa ma jħalliniex weqfin fil-kesħa xxoqq l-għadam mingħajr iċ-ċwievet jew l-awtorità li jwassluna lura d-dar għandu mingħajr periklu.
Jekk intom bħali, tafu ssibu lilkom infuskom fil-ħajja ta’ kuljum tistaqsu, “Fejn huma ċ-ċwievet” tal-karozza, tal-uffiċċju, tad-dar jew tal-appartament? Meta jiġri dan, dejjem nispiċċa nitbissem, għax hekk kif inkun qed infittex iċ-ċwievet, nibda nirrifletti dwar l-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrati u dwar il-President Thomas S. Monson, li aħna nsostnu “bħala profeta, bassâr u rivelatur”11 u bħala l-uniku bniedem fid-dinja li jippossedi u huwa awtorizzat li jeżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. Iva, l-imfietaħ jinsabu b’ mod sigur fil-possessjoni tal-profeti, bassâra u rivelaturi. Huma ġew mogħtijin u ġew delegati u assenjati lil nies oħra skont ir-rieda tal-Mulej taħt id-direzzjoni tal-President tal-Knisja.
Jiena nixhed li l-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju jistartjaw il-magna, jiftħu l-kanċelli tas-smewwiet, jiffaċilitaw il-qawwa divina u jipprovdu l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet.
Nitlob li intom, il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li għadkom telgħin, “tibqgħu mexjin ’il quddiem b’ fidi soda fi Kristu,”12 sabiex tifhmu li huwa l-privileġġ sagru tagħkom li taġixxu taħt id-direzzjoni ta’ dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju li jiftħulkom il-bieb tal-barkiet, tad-doni u l-qawwiet tas-smewwiet.
Jiena nagħti xhieda ta’ Alla l-Missier; tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu; tal-Ispirtu s-Santu; u tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju f’ dawn l-aħħar jiem, f’ isem Ġesù Kristu, amen.