2010-2019
“Min Jilqa’ lil Dawn, Jilqa’ Lili”
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


“Min Jilqa’ lil Dawn, Jilqa’ Lili”

Illum it-tfal isibu rwieħhom f’ bosta arranġamenti tal-familja differenti u kumplessi. Jeħtieġ li aħna nilħqu lil dawk li jħossuhom weħidhom, abbandunati jew fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt.

Alla jħobb lit-tfal. Huwa jħobb lit-tfal kollha. Is-Salvatur qal: ”Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi … għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-sema.”1

Illum it-tfal isibu rwieħhom f’ bosta arranġamenti tal-familja differenti u kumplessi.

Per eżempju, illum, in-numru ta’ tfal fl-Istati Uniti li jinsabu jgħixu b’ ġenitur wieħed biss huwa d-doppju li kien 50 sena ilu.2 U hemm ħafna familji li huma ferm anqas magħqudin fl-imħabba tagħhom lejn Alla u fir-rieda tagħhom li jżommu l-kmandamenti Tiegħu.

F’ din il-konfużjoni spiritwali li aktar ma tmur aktar qed tikber, l-evanġelju rrestawrat se jkompli jġorr l-istandard, l-ideal, il-mudell tal-Mulej.

“It-tfal huma intitolati li jitwieldu mir-rabta taż-żwieġ, u jittrabbew minn missier u omm li jonoraw il-wegħdi taż-żwieġ tagħhom b’ lealtà sħiħa. …

“Raġel u mara miżżewġin għandhom ir-responsabbiltà solenni li jħobbu u jieħdu ħsieb ta’ xulxin u ta’ wliedhom. … Il-ġenituri għandhom dmir sagru li jrabbu lil uliedhom fl-imħabba u s-sewwa, li jipprovdu għall-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom u li jgħallmuhom biex iħobbu u jservu lil xulxin u josservaw il-kmandamenti ta’ Alla.”3

Aħna nagħrfu li huma ħafna l-ġenituri tajbin ta’ kull twemmin li jieħdu ħsieb uliedhom b’ imħabba. Bi gratitudni nagħrfu li hawn ħafna familji fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li huma magħmulin minn missier u omm ikkonvertiti għas-Salvatur, li huma ssiġillati bl-awtorità tas-saċerdozju u fil-familja tagħhom qed jitgħallmu biex iħobbu u jafdaw lil Missierhom tas-Smewwiet u lil Ibnu, Ġesù Kristu.

Appell għaż-Żgħażagħ

Illum nagħmel appell lil mijiet ta’ eluf ta’ tfal, żgħażagħ, u adulti żgħażagħ li mhux ġejjin minn dawn, ippermettuli t-terminoloġija, il-”familji perfetti”. Se nkellem mhux biss lil dawk iż-żgħażagħ li esperjenzaw il-mewt, id-divorzju jew in-nuqqas ta’ fidi tal-ġenituri tagħhom, iżda wkoll lil għexieren ta’ eluf ta’ ġuvintur u tfajliet minn madwar id-dinja li jgħożżu l-evanġelju mingħajr dik l-omm jew dak il-missier li jistgħu jakkumpanjawhom fil-Knisja.4

Dawn il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem żgħażagħ jidħlu fil-Knisja b’ fidi kbira. Huwa jittamaw li fil-futur huma joħolqu f’ ħajjithom l-ideal tal-familja.5 Maż-żmien, huma jsiru parti importanti mill-forza missjunarja tagħna, mill-adulti żgħażagħ twajba tagħna u minn dawk li jinżlu għarkupptejhom quddiem l-artal biex jibdew il-familji tagħhom.

Sensittività

Aħna nkomplu ngħallmu dwar il-mudell li l-Mulej fassal għall-familji, iżda illum b’ miljuni ta’ membri, u bid-diversità li teżisti fit-tfal tal-Knisja, neħtieġu li nkunu aktar konsiderevoli u sensittivi. Il-kultura u l-lingwaġġ tal-Knisja tagħna jafu xi kultant ikunu verament partikolari. It-tfal tal-Primarja mhux se jieqfu jkantaw “Il-Familji Jistgħu Jkunu Flimkien għal Dejjem,”6 iżda meta huma jkantaw, “verament inħossni kuntent meta missieri jasal id-dar”7 jew “b’ missier u omm juruni t-triq,”8 mhux it-tfal kollha jkunu qed ikantaw dwar il-familja tagħhom.

Il-ħabiba tagħna Bette qasmet magħna esperjenza li kellha fil-knisja meta kellha 10 snin. Hija qalet: “L-għalliema tagħna kienet qed taqsam magħna lezzjoni dwar iż-żwieġ tat-tempju. Hija speċifikament staqsietni, ‘Bette, il-ġenituri tiegħek ma żżewġux fit-tempju, hux veru?’ Kemm l-għalliema kif ukoll il-kumplament tat-tfal ir-risposta kienu jafuha.” L-għalliema kompliet bil-lezzjoni tagħha u Bette ħassitha verament qalbha maqtugħa. Bette qalet, “Għaddejt iljieli sħaħ nibki. Meta sentejn wara kelli problemi f’ qalbi u ħsibt li kont sejra mmut, bdejt nippanikja għax ħsibt li kont se nibqa’ waħdi għal dejjem.

Il-ħabib tiegħi Leif kien jattendi l-knisja waħdu. Darba waħda, waqt li kien fil-Primarja, huwa ġie mistoqsi biex jagħmel diskors qasir. Huwa la kellu omm u lanqas missier fil-knisja biex jieqfu miegħu u jgħinuh jekk jinsa x’ kellu jgħid. Leif kien beżgħan għall-aħħar. Minflok ma’ imbarazza ruħu, huwa sempliċiment iddeċieda li jagħmel ftit xhur ‘il bogħod mill-knisja.

“Ġesù sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom  …

“U qal kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.”9

Qlub li Jemmnu u Doni Spiritwali

Dawn it-tfal u ż-żgħażagħ huma mberkin b’ qalb li temmen u b’ doni spiritwali. Leif qalli, “Kont nifhem li Alla kien Missieri u li Huwa kien jafni u jħobbni.”

Il-ħabiba tagħna Veronique qalet, “Hekk kif jiena tgħallimt il-prinċipji tal-evanġelju u studjajt il-Ktieb ta’ Mormon, kien bħallikieku jiena kont qed niftakar ħwejjeġ li diġà kont naf iżda kont insejthom.”

Il-ħabiba tagħna Zuleika hija minn Alegrete, il-Brażil. Għalkemm mhux ġejja minn familja reliġjuża, meta kellha 12-il sena hija bdiet taqra l-Bibbja u żżur il-knejjes lokali, tfittex biex issir taf dwar Alla. Wara li l-ġenituri tagħha, b’ nofs qalb, tawha l-permess, hija studjat mal-missjunarji, kisbet testimonjanza u tgħammdet. Zuleika qaltli: “Matul id-diskussjonijiet, ġejt murija stampa tat-Tempju ta’ Salt Lake u ġejt mgħallma dwar l-ordinanzi tas-siġill. Minn dak il-mument, jiena kelli x-xewqa li xi darba nidħol fid-dar tal-Mulej u jkolli familji eterna.”

Għalkemm is-sitwazzjoni fid-dinja tat-tfal taf ma tkunx waħda ideali, id-DNA spiritwali ta’ dawk it-tfal hija waħda perfetta, għaliex l-identità vera tagħhom hi li huma wlied Alla.

Il-President Thomas S. Monson qal: “Għinu lil ulied Alla jifhmu dak kollu li hu ġenwin u importanti f’ din il-ħajja. Għinuhom jiżviluppaw il-qawwa li jagħżlu dawk it-toroq li jżommuhom ‘il bogħod mill-periklu fi triqthom lejn il-ħajja eterna.”10 Ejjew niftħu daqsxejn aktar dirgħajna u qlubna. Dawn iż-żgħażagħ jeħtieġu l-ħin u t-testimonjanzi tagħna.

Brandon, li ngħaqad mal-Knisja ġewwa Kolorado meta kien qed jattendi l-iskola sekondarja, kellimni dwar dawk li għenuh kemm qabel kif ukoll wara l-magħmudija. Huwa qal: “Jien bdejt inkun fid-djar ta’ familji li għexu l-evanġelju. Dan wassalni biex nara standard li jien stess seta’ jkolli fil-familja tiegħi.”

Veronique, li twieldet fl-Olanda, kienet tattendi l-iskola flimkien mat-tifla tagħna Kristen meta aħna konna ngħixu fil-Ġermanja. Veronique nnutat: “L-istudenti li kienu membri tal-Knisja kellhom bħal speċi ta’ dawl madwarhom. Sirt naf li dak id-dawl kien minħabba l-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu u għaliex huma jgħixu t-tagħlim Tiegħu.”

Il-ħabib tiegħi Max tgħammed meta kellu tmien snin. Missieru ma kienx membru tal-knisja, u Max kien f’ idejh imurx il-knisja jew le.

Bħala żagħżugħ, wara li għamel ftit xhur ma jattendix, Max ħass li kellu jerġa’ lura l-knisja u kien determinat li xi darba l-Ħadd filgħodu kien se jattendi. Iżda l-kuraġġ beda jonqsu hekk kif beda riesaq lejn il-bieb ewlieni tal-knisja; beda jħossu verament nervuż.

Hemmhekk, wieqaf fil-bieb, kien hemm l-isqof il-ġdid. Max ma kienx jafu, u huwa ħassu ċert li l-isqof lanqas ma kien jaf lil Max. Hekk kif Max beda riesaq lejn il-bieb, wiċċ l-isqof xegħel u ħareġ idu u qallu, “Max, qed nieħu gost narak!”

“Hekk kif huwa tenna dak il-kliem”, Max qal, “ħassejt fija sentiment mill-isbaħ u kont naf li kont għamilt deċiżjoni tajba.”11

Li tkun taf isem dak li jkun tagħmel differenza kbira.

“U Ġesù talab sabiex it-tfal ċkejknin jittieħdu għandu. …

“U … ħadhom, wieħed wieħed, u berikhom u talab lill-Missier għalihom.

“U meta għamel dan huwa beka.”12

Żgħażagħ li Għadhom Ma Tgħammdux

Minħabba deċiżjoni tal-ġenituri, bosta żgħażagħ li jħobbu l-evanġelju jkollhom jistennew snin biex jitgħammdu.

Il-ġenituri ta’ Emily iddivorzjaw meta hija kienet għadha tifla, u hija ma kenitx ġiet mogħtija permess biex titgħammed qabel ma kellha 15-il sena. Il-ħabiba tagħna Emily titkellem b’ mod mill-aktar pożittiv dwar waħda mexxejja tat-Tfajliet li “dejjem għamlet dak li tista’ biex tgħinha ssaħħaħ it-testimonjanza tagħha.”13

Colten u Preston huma żewġ żgħażagħ li jgħixu ġo Utah. Il-ġenituri tagħhom iddivorzjaw, u huma ma ġewx mogħtijin permess biex jitgħammdu. Avolja ma kinux jistgħu jgħaddu s-sagrament, kienu huma li kull ġimgħa kienu jġibu l-ħobż. U avolja ma setgħux jidħlu t-tempju biex jitgħammdu flimkien maż-żgħażagħ meta bħala qasam kienu jmorru fit-tempju, iż-żewġ aħwa kienu jmorru jfittxu l-ismijiet tal-familja ħdejn it-tempju ġewwa ċ-ċentru tal-istorja tal-familja. L-aktar influwenza li tista’ tgħin liż-żgħażagħ iħossuhom inklużi hija l-influwenza ta’ żgħażagħ twajba oħra.

Il-Presbiteru Joseph Ssengooba

Se nagħlaq bl-eżempju ta’ ħabib ġdid, xi ħadd li ltqajna miegħu ftit ġimgħat ilu meta konna qed inżuru l-Missjoni ta’ Lusaka fiż-Żambja.

Joseph Ssengooba meta kien żagħżugħ

Il-Presbiteru Joseph Sengooba huma mill-Uganda. Missieru miet meta kellu seba’ snin. Meta kellu disa’ snin, b’ omm u qraba li ma setgħux jieħdu ħsiebu, huwa spiċċa waħdu. Meta kellu 12-il sena, huwa ltaqa’ mal-missjunarji u tgħammed.

Joseph kellimni dwar l-ewwel jum tiegħu fil-knisja: “Wara l-laqgħa tas-sagrament, ħsibt li kien sar il-ħin biex immorru d-dar, iżda l-missjunarji introduċewni ma’ Joshua Walusimbi. Joshua qalli li kien se jkun il-ħabib tiegħi, u hu tagħni kopja ta’ Children’s Songbook biex ma nidħolx fil-Primarja idi f’idi. Fil-Primarja, Joshua poġġa siġġu ieħor eżatt ħdejh. Il-president tal-Primarja stedinni biex immur quddiem u talab lill-klassi kollha tal-Primarja biex ikantawli flimkien ‘Jien Iben Alla.’ Ħassejtni verament speċjali.”

Il-president tal-fergħa ħa miegħu lil Joseph għand il-familja ta’ Pierre Mungoza u dik saret id-dar tiegħu għall-erba’ snin ta’ wara.

Il-PresbiteriJoshua Walusimbi u Joseph Ssengooba

Tmien snin wara meta l-Presbiteru Joseph Sengooba beda l-missjoni tiegħu, b’ sorpriża kbira dak li ġie msejjaħ biex iħarrġu kien il-Presbiteru Joshua Walusimbi, it-tifel li għenu tant biex iħossu komdu fl-ewwel jum tiegħu fil-Primarja. U l-president tal-missjoni tiegħu? Huwa l-President Leif Erickson, it-tfajjel ċkejken li għamel żmien ma jattendix il-Primarja daqs kemm beda jibża’ li jitkellem fil-knisja. Alla jħobb lil uliedu.

Il-Presbiteru Joseph Ssengooba u l-President Leif Erickson

It-Tfal Ġew Jiġru

Meta ftit ġimgħat ilu, Kathy u jiena konna l-Afrika, morna nżuru Mubji-Mayi, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Peress li l-kappella ma kenitx kbira biżżejjed għall-2,000 membru, aħna ltqajna barra l-bieb taħt tinda kbira tal-plastik li kienet tistrieħ fuq zkuk tal-qasab. Hekk kif bdiet il-laqgħa, stajna naraw għadd kbir ta’ tfal iħarsu lejna, iżommu mal-bsaten fuq in-naħa ta’ barra tal-ħajt tal-metall li kien jinsab idawwar il-propjetà. Kathy qaltli b’ leħen baxx, “Neil, trid tistieden lit-tfal biex jidħlu ġewwa?” Jiena mort inkellem lill-President Kalonji tad-Distrett li kien bilqiegħda fuq quddiem u tlabtu jekk setax jistieden lit-tfal li kien hemm barra l-ħajt biex jiġu jingħaqdu magħna.

Il-Presbiteru Andersen fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Tfal barra l-ħajt
Tfal mistednin jidħlu ġewwa

B’ sorpriża kbira għalija, wara l-istedina tal-President Kalonji, it-tfal mhux biss ġew iżda ġew jiġru—kienu aktar minn 50, forsi xi 100—xi wħud minnhom b’ ħwejjeġ imqattgħin u ħafjin iżda lkoll kemm huma bi tbissima ħelwa u wiċċhom jixgħel.

Jiena verament ħassejtni kommoss b’ din l-esperjenza u rajtha bħala simbolika tal-bżonn tagħna li nilħqu liż-żgħażagħ li jħossuhom weħidhom, abbandunati jew fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt. Ejjew naħsbu ftit dwarhom, nilqgħuhom, ngħannquhom magħna, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insaħħu l-imħabba tagħhom lejn is-Salvatur. Ġesù qal, “Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan … f’ismi, ikun qed jilqa’ lili.”14 F’ isem Ġesù Kristu, amen

Noti

  1. Mattew 19:14.

  2. Ara “Family Structure,” Child Trends DataBank (Dec. 2015), appendix 1, paġna 9, childtrends.org/databank.

  3. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129, paragrafi 7 u 6.

  4. Nixtieq personalment nuri għarfien għall-għexieren ta’ eluf ta’ ommijiet twajba, ħafna minnhom ġenituri single, li b’ kuraġġ ħadu fuq spallejhom ir-responsabbiltà ewlenija li jsaħħu spiritwalment lil uliedhom. Il-ħabiba tagħna Shelly mill-Kanada qalet dan dwar ommha:

    “Il-missjunarji ħabbtu fuq il-bieb tal-ġenituri tiegħi ħames snin qabel jiena twelidt. Il-ġenituri tiegħi semgħu xi ftit lezzjonijiet, u mbagħad missieri ma kellux aktar interess li jkompli. Ommi kompliet tisma’ l-lezzjonijiet u kellha x-xewqa li titgħammed. Għal ħames snin ommi attendiet il-Knisja mingħajr ma kienet membru, u mbagħad tliet xhur wara li twelidt jiena, hija setgħet titgħammed.

    “Ommi qatt ma kienet xi waħda li ssemma’ wisq leħinha jew li okkupat xi pożizzjonijiet ta’ tmexxija importanti. Hija għandha testimonjanza mill-aktar sempliċi, ħelwa u soda, … u hija tgħix kuljum leali għal dak li temmen fih. Dan l-eżempju sieket u sempliċi dejjem żammni qrib tal-Mulej u tal-Knisja.”

  5. Il-ħabiba tagħna Randall qalli: “Ġejt mgħallem u kont naf li kont bin ġenituri tas-smewwiet, u l-għarfien dwar l-identità u n-natura vera tiegħi mlieni bit-tama li ma kellix għalfejn nimxi fl-istess triq li kienu imxew fiha l-ġenituri tiegħi, li kont verament nadurahom iżda ma ridtx nikkuppjahom. Aċċettajt dak li kont ġejt mgħallem mill-Primarja, l-Iskola tal-Ħadd u l-Ġuvintur u għalliema oħra. Fil-qasam u fil-familja estiża tiegħi jiena rajt eżempji ta’ familji fidili u kuntenti u afdajt f’ Missierna tas-Smewwiet, u kont naf li jekk jiena nibqa’ fidil, Huwa jgħinni biex ikolli wkoll din it-tip ta’ familja.”

  6. “Families Can Be Together Forever,” Children’s Songbook, 188.

  7. “Daddy’s Homecoming,” Children’s Songbook, 210.

  8. “Love Is Spoken Here,” Children’s Songbook, 190–91.

  9. Mattew 18:2, 5.

  10. Thomas S. Monson, “Learn of Me,” Liahona, Mar. 2016, 6.

  11. Ara Max H. Molgard, Inviting the Spirit into Our Lives (1993), 99.

  12. 3 Nephi 17:11, 21–22.

  13. Emily, għalkemm ma kellhiex ġenituri attivi fil-Knisja, kienet titkellem b’ ċerta mħabba dwar in-nanniet tagħha, iz-zjijiet tagħha u oħrajn li “mlew il-post” tal-ġenituri tagħha. Meta kienet qed titkellem dwar waħda mexxejja tat-Tfajliet ġewwa Michigan, hija qalet, “Uliedha kienu kibru u hija ddeċidiet li tara li kull tfajla tħossha bħallikieku kienet it-tifla tagħha. … It-tbissima tagħha kienet timlik bl-imħabba anke fl-aktar jiem diffiċli. … Jiena ddeċidejt li nimxi fuq il-passi tagħha u nkun ‘Sister Molman’ għal dawk it-tfal li jafu jħossuhom ‘differenti,’ ‘imwarrbin,’ jew ‘abbandunati.’”

  14. Mattew 18:5.