2010-2019
Il-Qawwa tad-Divinità
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Il-Qawwa tad-Divinità

Kull tempju huwa d-dar qaddisa u sagra ta’ Alla, u ġo fih kollha kemm aħna nistgħu nitgħallmu u nsiru nafu l-qawwiet tad-divinità.

Ftit xhur biss qabel il-mewt tal-Profeta Joseph Smith, huwa ltaqa’ mat-Tnax il-Appostlu biex jitkellem magħhom dwar l-akbar bżonnijiet li l-knisja kienet qed tiffaċċja f’ dak iż-żmien mill-aktar diffiċli. Huwa qalilhom, “Aħna għandna bżonn it-tempju aktar minn kull ħaġa oħra.”1 Bla dubju, illum f’ dawn iż-żminijiet mill-aktar diffiċli, ilkoll kemm aħna u l-familji tagħna neħtieġu t-tempju aktar minn kull ħaġa oħra.

Riċentiment, waqt id-dedikazzjoni ta’ tempju, ħassejtni verament kuntent b’ dak kollu li esperjenzajt hemmhekk. Verament ħadt gost fil-jiem li kien miftuħ għall-pubbliku, fejn ilqajna lill-viżitaturi li ġew biex jaraw it-tempju; biċ-ċelebrazzjoni kulturali li kienet ikaratterizzata mill-enerġija u l-eċċitament taż-żgħażagħ; u finalment bid-diversi sezzjonijiet dedikatorji. Kien hemm preżenti Spirtu mill-aktar ħelu. Kienu bosta li ġew imberkin. U mbagħad l-għada, marti u jiena dħalna fil-fonti tal-magħmudija biex nieħdu sehem f’ magħmudijiet għal uħud mill-antenati tagħna. Hekk kif għollejt dirgħajja biex nibda l-ordinanza, ħassejtni ninħakem mill-qawwa tal-Ispirtu. Irrealizzajt għal darb’oħra li l-qawwa tat-tempju tinsab fl-ordinanzi.

Hekk kif żvela l-Mulej, il-milja tas-Saċerdozju Melkisedeku tinsab fit-tempju u fl-ordinanzi tiegħu, “għax fihom jinsabu l-imfietaħ tas-saċerdozju mqaddes ordnat biex intom tirċievu l-unur u l-glorja.”2 “Għalhekk, fl-ordinanzi li jitwettqu fih, tidher il-qawwa tad-divinità.”3 Din hija wegħda għalikom u għall-familja tagħkom.

Ir-responsabbiltà tagħna hi li “nirċievu” dak li joffrilna Missierna.4 “Għax min jirċievi dan jingħata wkoll qawwa aktar abbundanti”:5 qawwa li jirċievi dak kollu li Huwa jista’ u lest jagħtina—għal din il-ħajja u għall-eternità;6 qawwa li jsiru ulied Alla,7 li jsiru jafu “l-qawwiet tas-smewwiet,”8 li jitkellmu f’ ismu,9 u jirċievu “l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu.”10 Dawn il-qawwiet isiru personalment disponibbli għalina lkoll permezz tal-ordinanzi u l-patti tat-tempju.

Nefi ra żmienna fil-viżjoni meraviljuża tiegħu: “Jiena, Nefi, rajt il- qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, li kienu mferrxin fuq wiċċ id-dinja; u kienu armati permezz tas-sewwa u tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja .”11

M’ilux jiena kelli l-privileġġ li nattendi l-ftuħ għall-pubbliku ta’ wieħed mit-tempji flimkien mal-Russell M. Nelson u l-familja tiegħu hekk kif huwa ġabarhom ilkoll madwar l-artal tas-siġill u spjegalhom li dak kollu li nagħmlu fil-Knisja—kull laqgħa, attività, lezzjoni u servizz—hu biex iħejji lil kull wieħed u waħda minna biex immorru t-tempju u ninżlu għarkupptejna quddiem l-artal biex nirċievu l-barkiet imwegħda kollha tal-Missier għall-eternità.12

Hekk kif aħna nħossu l-barkiet tat-tempju f’ ħajjitna, qlubna jduru lejn il-membri tal-familji tagħna, kemm dawk ħajjin kif ukoll mejtin.

Riċentiment, jiena rajt familja magħmula minn tliet ġenerazzjonijiet fejn il-membri tagħha bdew jipparteċipaw flimkien fil-magħmudijiet għall-antenati tagħhom. Anke n-nanna bdiet tipparteċipa—għalkemm bdiet tibża’ daqsxejn mil-fatt li kellha tinżel taħt l-ilma. Hekk kif hija telgħet mill-ilma u għannqet magħha lil żewġha, hija bdiet tibki bil-ferħ. In-nannu u l-missier mbagħad għammdu lil xulxin u lil ħafna min-neputijiet tagħhom. X’ ferħ akbar jistgħu jesperjenzaw il-membri ta’ familja? Kull tempju għandu ħin allokat għall-familji biex jingħata ċans li familja sħiħa tingħata ħin skedat fil-battisterju.

Ftit qabel ma miet, il-President Joseph F. Smith irċieva l-viżjoni tal-fidwa tal-mejtin. Huwa għallem li dawk li jinsabu fid-dinja tal-ispirtu jiddependu kompletament fuq l-ordinanzi li aħna nirċievu f’ isimhom. L-iskrittura tgħid, “Il-mejtin li jindmu jiġu mifdija, jekk huma jobdu l-ordinanzi li jsiru fid-dar ta’ Alla.”13 Aħna nirċievu l-ordinanzi f’ isimhom, iżda huma huma li jagħmlu l-patti u jinżammu responsabbli għal kull patt assoċjat ma’ kull ordinanza. Bla dubju, għalina l-velu huwa verament irqiq u huma jistgħu jaraw dak kollu li jkun qed iseħħ fit-tempju.

Għalhekk x’inhi r-responsabbiltà personali tagħna li ningaġġaw ruħna f’ din il-ħidma, kemm bħala patruni kif ukoll bħala ħaddiema? Il-Profeta Joseph Smith għallem lill-Qaddisin fl-1840 li għandu jsir “sforz sħiħ,” se nkunu neħtieġu għadd ta’ riżorsi—u hekk kif il-ħidma biex nibnu t-tempju għandha fis-sewwa kollha sseħħ b’ ċerta urġenza, huwa xieraq li l-Qaddisin jgħarfu l-importanza ta’ dawn il-ħwejjeġ, f’ moħħhom, … u mbagħad jieħdu l-passi neċessarji biex dan iseħħ; u filwaqt li jarmaw lilhom infushom bil-kuraġġ, huma jiddeċiedu li jagħmlu dak kollu li jistgħu, u jħossuhom interessati f’ din il-ħidma bħallikieku kollox jiddependi fuqhom biss.”14

Fil-ktieb tal-Apokalissi naqraw:

“Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minfejn ġejjin?

“… Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.

“Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu.”15

Tistgħu timmaġinaw f’ moħħkom lil dawk li llum jinsabu jservu fit-tempju?

Hawn aktar minn 120,000 ħaddiema tal-ordinanzi fil-150 tempju li jinsab jopera madwar id-dinja. Madankollu hemm opportunità biex saħansitra aktar nies ikun jista’ jkollhom din l-esperjenza ħelwa. Meta l-President Gordon B. Hinckley ħabbar il-kunċett ta’ ħafna tempji iżgħar madwar id-dinja, huwa għallem li “l-ħaddiema tal-ordinanzi kollha għandhom ikunu nies lokali li jservu f’ kapaċitajiet oħra fl-oqsma u l-utied tagħhom.”16 Normalment, il-ħaddiema jiġu msejjħin iservu bejn sentejn u tliet snin, bil-possibiltà li jestendu ż-żmien. Mhijiex l-intenzjoni li la darba tiġi msejjaħ, inti tibqa’ hemm kemm trid. Ħafna li għamlu żmien twil jaqdu fit-tempju iġorru magħhom kull fejn imorru l-imħabba tagħhom għat-tempju hekk kif huma jinħallu mis-sejħa tagħhom u jagħtu ċ-ċans lil ħaddiema oħra ġodda biex iservu.

Kien kważi 100 sena ilu li l-Appostlu John A. Widtsoe għallem: “Neħtieġu aktar ħaddiema biex inwettqu flimkien din il-ħidma meraviljuża. … Neħtieġu aktar membri li jikkonvertu għall-ħidma tat-tempju, ta’ kull età. …Wasal iż-żmien, … f’ dan il-moviment tat-tempju ġdid, li naraw li n-nies kollha ta’ kull età jkunu attivi f’ dan is-servizz. … Il-ħidma tat-tempju hija … ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ u dawk li għadhom jifilħu, daqs kemm hu ta’ benefiċċju għall-anzjani, li issa ħallew warajhom ħafna mit-tagħbija tal-ħajja. Iż-żagħżugħ jeħtieġ li jkun fit-tempju saħansitra aktar minn missieru u nannuh, li huma aktar stabbli minħabba l-esperjenza tagħhom fil-ħajja; u t-tfajla żagħżugħa li għadha kif bdiet tesperjenza l-ħajja, teħtieġ l-ispirtu, l-influwenza u d-direzzjoni li tista’ tikseb jekk tipparteċipa fl-ordinanzi tat-tempju.”17

F’ bosta tempji, il-presidenti tat-tempju jinsabu jilqgħu fosthom għadd ta’ missjunarji adottati, ġuvintur u tfajliet, li għadhom kif ġew imsejjħin biex iservu għal żmien qasir bħala ħaddiema tal-ordinanzi qabel ma jmorru ġewwa ċ-ĊTM. Dawn iż-żgħażagħ mhumiex biss imberkin li jservu, iżda “huma jżidu s-sbuħija u l-ispirtu għal dawk kollha li jservu fit-tempju.”18

Jiena talbt lil numru ta’ żgħażagħ li servew bħala ħaddiema tal-ordinanzi qabel u wara l-missjoni tagħhom sabiex jaqsmu s-sentimenti tagħhom miegħi. Huwa użaw frażijiet bħal dawn li ġejjin biex jiddeskrivu l-esperjenza tagħhom fit-tempju:

Meta nservi fit-tempju

  • Inħoss “sens li ninsab aktar viċin Missieri u s-Salvatur”;

  • Inħoss “paċi u hena kbira”;

  • Inħossni li “ninsab id-dar”;

  • Nirċievi “qdusija u qawwa”;

  • Inħoss “l-importanza tal-patti sagri”;

  • “It-tempju sar parti minni”;

  • “Waqt l-ordinanzi, dawk li aħna nservu ikunu jinsabu ferm aktar viċin tagħna”;

  • “Jagħtini l-qawwa li negħleb it-tentazzjoni”; u

  • “It-tempju bidilli ħajti għal dejjem.”19

Li sservu fit-tempju hija esperjenza prezzjuża u qawwija għal membri ta’ kull età. Anke hemm koppji li għadhom kif iżżewġu li jinsabu jservu flimkien. Il-President Nelson għallem, “Is-servizz fit-tempju … huwa attività sublimi għall-familja.”20 Bħala ħaddiema tal-ordinanzi, minbarra li tirċievu l-ordinanzi għall-antenati tagħkom, intom tistgħu wkoll tiffunzjonaw fl-ordinanzi għalihom.

Kif qal il-President Wilford Woodruff:

“X’ sejħa akbar jista jkollu l-bniedem fuq wiċċ id-dinja milli jħaddan il-qawwa u l-awtorità li jmur u jamministra fl-ordinanzi tas-salvazzjoni? …

… Intom tistgħu ssiru strument f’ idejn Alla għas-salvazzjoni ta’ dik ir-ruħ. M’hawn xejn li ġie mogħti lil ulied il-bnedmin li jista’ jitqabbel ma’ dan.”21

Huwa jkompli:

“Il-vuċi siekta u ħelwa tal-Ispirtu s-Santu tiġi mogħtija lilkom u minn żmien għal żmien intom tirċievu wkoll teżori tas-Smewwiet, il-komunjoni tal-anġli.”22

“Vallapena s-sagrifiċċju kollu li intom u jien nagħmlu matul il-ftit snin li se nqattgħu hawn f’ dan il-ġisem.”23

M’ilux il-President Thomas S. Monson fakkarna li “il-barkiet tat-tempju huma imprezzabbli.”24 “L-ebda sagrifiċċju mhu kbir wisq.”25

Ejjew fit-tempju. Ejjew spiss. Ejjew mal-familja u għall-familja tagħkom. Ejjew, u għinu lil ħaddieħor biex jiġi wkoll.

“Dawn li għandhom l-ilbiesi bojod fuqhom min huma?” Ħuti, huma intom—intom irċevejtu l-ordinanzi tat-tempju, li żammejtu l-patti tagħkom b’ tant sagrifiċċju; intom li qed tgħinu lill-familji tagħkom isibu l-barkiet tas-servizz tat-tempju u li għintu lil ħaddieħor tul it-triq. Grazzi għas-servizz tagħkom. Jiena nixhed li kull tempju huwa d-dar qaddisa u sagra ta’ Alla u li ġewwa fih kull wieħed u waħda minna nistgħu nitgħallmu u nsiru nafu l-qawwiet tad-divinità, f’ isem Ġesù Kristu, amen.