2010-2019
Jien Iben Alla
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Jien Iben Alla

Biex niksbu l-eżaltazzjoni hu essenzjali li aħna jkollna għarfien korrett tal-wirt tagħna fis-smewwiet.

Id-duttrina l-aktar fundamentali tagħna tinkludi fiha l-għarfien li aħna wlied Alla l-ħaj. Għalhekk wieħed mill-aktar ismijiet sagri Tiegħu hu Missier—Missierna tas-Smewwiet. Din id-duttrina ġiet mgħallma b’ mod ċar minn għadd ta’ profeti tul iż-żminijiet:

  1. Meta ġie mġarrab minn Satana, Mosè kisru billi qallu: “Int min int? Għax ara, jien iben Alla.1

  2. Meta kien qed jindirizza lil ulied Iżrael, is-Salmista ddikjara, “Intom ulied l-Għoli lkoll kemm intom.2

  3. Pawlu għallem lil Atenin fuq l-Arjopagu li huma kienu “nisel ta’ Alla.”3

  4. Joseph Smith u Sidney Rigdon irċevew viżjoni li fiha raw lill-Missier u lill-Iben, u leħen mis-smewwiet iddikjara li l-abitanti tad-dinjiet “huma wlied imnissla minn Alla.4

  5. Fl-1995, il-15-il appostlu u profeta ħaj irriaffermaw: “Il-bnedmin kollha … huma maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huma iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.5

  6. Il-President Thomas S. Monson xehed: “Aħna wlied Alla l-ħaj. … Ma nistgħux b’ sinċerità nħaddnu din il-konvinzjoni mingħajr ma nesperjenzaw sens ġdid u profond ta’ qawwa.”6

Din id-duttrina tant hija bażika, tant smajnieha u tant hi istintivament sempliċi li taf tidher li hi waħda ordinarja, meta fir-realtà hi waħda mill-aktar għarfien straordinarju li nistgħu niksbu. Biex niksbu l-eżaltazzjoni hu essenzjali li aħna jkollna għarfien korrett tal-wirt tagħna fis-smewwiet. Hija ħaġa mill-aktar fundamentali li aħna nifhmu l-pjan glorjuż tas-salvazzjoni u li nikkultivaw il-fidi fl-Ewwel Wild tal-Missier, Ġesù l-Kristu u fl-Att tal-Fidwa kollu ħniena Tiegħu.7 Barra minn hekk, dan jipprovdilna motivazzjoni kontinwa li nagħmlu u nżommu l-patti indispensabbli u eterni tagħna.

Ħlief għall-ftit eċċezzjonijiet, dawk kollha li qed tieħdu sehem f’ din il-laqgħa tistgħu f’ dan il-mument, mingħajr ebda kliem jew mużika quddiemkom, tkantaw “Jien Iben Alla.”8 Din l-għanja tant għażiża hija waħda mill-aktar li nkantaw f’ din il-Knisja. Iżda l-mistoqsija l-aktar importanti hi, aħna verament nafu dan? Dan nafuh f’ moħħna, f’ qalbna u f’ ruħna? In-nisel tagħna tas-smewwiet hu l-identità ewlenija u l-aktar profonda tagħna?

Hawn fid-dinja, aħna nidentifikaw ruħna b’ diversi modi, fosthom skont fejn twelidna, skont in-nazzjonalità tagħna u l-lingwa tagħna. Xi wħud saħansitra jidentifikaw ruħhom skont l-impjieg tagħhom jew il-passatemp tagħhom. Dawn l-identitajiet tad-dinja mhumiex xi ħaġa ħażina sakemm ma nħarsux lejhom b’ importanza akbar mill-identità eterna tagħna jew inkellha jkunu ta’ xkiel għaliha.

Meta t-tifla ż-żgħira tagħna kellha sitt snin u kienet tinsab fl-ewwel klassi tal-primarja, l-għalliema tagħha talbet lit-tfal sabiex jiktbu xi ħaġa fil-klassi. Kien ix-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar ta’ Ħelowin, festa li tiġi ċċelebrata f’ xi partijiet tad-dinja. Għalkemm ma kenitx il-festa favorita tiegħi, naħseb li hemm xi aspetti innoċenti u ta’ fidwa fil-Ħelowin.

L-għalliema tat biċċa karta lill-istudenti ċkejknin kollha. Fuq in-naħa ta’ fuq kien hemm stampa impenġija bl-idejn ta’ saħħara immaġinarja (għedtilkom li din mhux l-aktar festa favorita tiegħi) bilwieqfa ħdejn kardarun bil-misħun jagħli fih. Il-mistoqsija li kien hemm fuq il-karta, biex tħeġġeġ l-immaġinazzjoni tat-tfal u tittestja l-ħila tagħhom fil-kitba, kienet “Inti għadek kif xrobt tazza mit-taħlita tas-saħħara. Xi ġralek?” Jekk jogħġobkom kunu afu li din l-istorja mhux qegħdin naqsmuha biex għalliema oħra biex jieħdu xi ideat minnha.

“Inti għadek kif xrobt tazza mit-taħlita tas-saħħara Xi ġralek?” Permezz ta’ kitba ta’ waħda li għadha tibda, iċ-ċkejkna tagħna kitbet, “Jien immut u nispiċċa fis-smewwiet. Jogħġobni żgur hemmhekk. Jogħġobni għaliex huwa l-aħjar post li tista’ tkun fih għaliex tkun ma’ Missierek tas-Smewwiet.” Din it-tweġiba probabilment issorprendiet lill-għalliema tagħha; madankollu, meta t-tifla tagħna ġabet magħha d-dar ix-xogħol lest, innutajna li hija ġiet mogħtija stilla, l-ogħla grad.

Fil-ħajja reali, aħna nħabbtu wiċċna ma’ diffikultajiet attwali u mhux immaġinarji. Nesperjenzaw l-uġigħ—fiżiku, emozzjonali u spiritwali. Nesperejnzaw il-qsim il-qalb meta ċ-ċirkustanzi jkunu verament differenti minn dak li nkunu anteċipajna. Nesperjenzaw l-inġustizzja meta nħossu li ma jistħoqqilniex li nkunu fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Nesperjenzaw id-diżappunt meta xi ħadd li konna nafdaw fih ma mexiex magħna tajjeb. Nesperjenzaw problemi ta’ saħħa u finanzjarji li jafu jħawduna. Nafu nesperjenzaw mumenti ta’ dubju meta ma nkunux nistgħu nifhmu sew xi duttrina partikolari jew xi avventiment fl-istorja.

Meta f’ ħajjitna nesperejenzaw mumenti diffiċli, xi jkun ir-rispons immedjat tagħna? Ikun mument ta’ konfużjoni, dubju jew dgħjufija spiritwali? Ikun daqqa ta’ ħarta għall-fidi tagħna? Aħna nagħtu tort lil Alla jew lil xi ħaddieħor għaċ-ċirkustanzi li nkunu fihom? Jew l-ewwel rispons tagħna jkun li niftakru min verament aħna—li aħna wlied Alla li tant iħobbna? Inħossu fina wkoll fiduċja assoluta li Huwa jippermetti li aħna nesperjenzaw xi ftit sofferenza fid-dinja għaliex Huwa jaf li din tberikna, bħan-nar tar-raffinatur, sabiex inkunu nistgħu nsiru bħalu u niksbu l-wirt etern tagħna?9

Riċentiment, jiena attendejt laqgħa flimkien mal-Presbiteru Jeffrey R. Holland. Meta kien qed jgħallem il-prinċipju li l-ħajja mortali taf tkun waħda mimlija niket iżda d-diffikultajiet tagħna għandhom għan etern—anke jekk dak il-ħin ma nkunux nistgħu nifhmu dan—il-Presbiteru Holland qal, “Jista’ jkollkom dak li tridu, jew jista’ jkollkom xi ħaġa aħjar.”

Ħames xhur ilu, marti, Diane, u jiena morna l-Afrika flimkien mal-Presbiteru u Sister David A. Bednar. Is-sitt u l-aħħar pajjiż li żorna kien il-Liberja. Il-Liberja huwa pajjiż kbir b’ nies nobbli u bi storja rikka, iżda l-pajjiż għandu storja mill-aktar imqalba. Diċenji sħaħ ta’ instabbiltà politika u gwerer ċivili komplew jiggravaw il-ġerħa tal-faqar. Biex tkompli tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli, il-marda qerrieda tal-Ebola qatlet kważi 5,000 ruħ l-aħħar li laqtet il-pajjiż. Aħna konna l-ewwel grupp ta’ mexxejja tal-Knisja minn barra r-reġjun li morna nżuru Monrovia, il-belt kapitali, minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li ma kienx ta’ periklu li żżur il-pajjiż wara l-kriżi tal-Ebola.

F’ għodwa tal-Ħadd mill-aktar sħuna u umduża, aħna vvjaġġajna sa post tal-laqgħat mikri fiċ-ċentru tal-belt. Kull siġġu li kien disponibbli kien lest biex jintuża, b’ kollox 3,500 siġġu. In-numru finali ta’ dawk li attendew kien 4,100. Kważi dawk kollha li ġew kellhom jivvjaġġaw bil-mixi jew b’ xi forma ta’ trasport pubbliku mill-aktar inkonvenjenti; ma kienx faċli biex il-Qaddisin jinġabru hemmhekk. Iżda huma ġew. Ħafna minnhom waslu hemm sigħat sħaħ qabel kellha tibda l-laqgħa. Hekk kif dħalna fis-sala, l-atmosfera spiritwali kienet waħda ta’ eċċitament kbir! Il-Qaddisin ġew imħejjijin biex jitgħallmu.

Meta xi kelliem kien ikun qed jikkwota xi skrittura, il-membri bdew jirrepetu l-vers b’ vuċi għolja. Ma kinetx tagħmel differenza—jekk l-iskrittura kenitx qasira jew twila; il-kongregazzjoni sħiħa kienet tirrispondi b’ vuċi waħda. Issa, aħna mhux neċessarjament nirrakkomandaw dan, iżda kien ċertament xi ħaġa mill-aktar impressjonanti li setgħu jagħmlu dan. U l-kor—x’ qawwa bdiet ħierġa minnu. Flimkien mad-direttur tal-kor mimli entużjażmu u b’ ġuvnott ta’ 14-il sena fuq l-orgni, il-membri tal-kor kantaw b’ enerġija u qawwa.

Imbagħad tkellem il-Presbiteru Bednar. Dan, bla dubju, kien il-qofol anteċipat tal-laqgħa—li jisimgħu Appostlu jgħallem u jixhed. B’ mod mill-aktar ċar kif ġie mnebbaħ mill-ispirtu, f’ nofs id-diskors tiegħu, il-Presbiteru Bednar waqaf u qal, “Tafuh l-innu ‘X’ Sisien Sodi Ferm’?”

Jidher li l-4,100 leħen li kien hemm wieġbu b’ għajta waħda, “IVA!”

Imbagħad huwa staqsiehom, “Tafuh vers 7?”

Għal darb’oħra l-miġemgħa sħiħa għajtet, “IVA!”

L-arranġament tal-innu mill-aqwa “X’Sisien Sodi Ferm” kif ilu jiġi interpretat mill-Kor tat-Tabernaklu Mormon għall-aħħar 10 snin jinkludi wkoll vers 7, li qabel ma kienx jintuża wisq. Il-Presbiteru Bednar qal, “Ejjew inkantaw vers 1,2,3 u 7.”

Mingħajr ma qagħad jaħsibha, id-direttur tal-kor qam fil-pront u l-organist li kien iħaddan is-Saċerdozju Aroniku beda immedjatament idoqq b’ enerġija l-akkordji tal-bidu. B’ daqstant konvinzjoni li jiena qatt ma kont ħassejt qabel waqt innu tal-kongregazzjoni, aħna kantajna vers 1, 2 u 3. Imbagħad il-volum u l-qawwa spiritwali żdiedu meta l-4,100 leħen kantaw flimkien is-seba’ vers u ddikjaraw:

Ir-ruħ li f’ Ġesù dejjem sabet is-serħan

Jiena ma nistax żgur inħalliha fid-dlam;

Għalkemm l-għadu jaħdem biex lilha huwa jwaqqa’

Le, le, qatt ma nħalliha, żgur le, qatt ma nħalliha,

Le, le, qatt ma nħalliha, tintilef fid-dlam!10

F’ wieħed mill-aktar avvenimenti sinjifikanti u spiritwali ta’ ħajti, dak inhar jiena ġejt mgħallem lezzjoni mill-aktar profonda. Aħna ngħixu f’ dinja li tista’ twassalna ninsew min verament aħna. Aktar ma jkollna distrazzjoni madwarna, aktar faċli li ma tantx nagħtu importanza, imbagħad ninjoraw u mbagħad ninsew għal kollox il-rabta tagħna ma’ Alla. Il-Qaddisin fil-Liberija ftit li xejn għandhom ħwejjeġ materjali, u madankollu jidher li spiritwalment għandhom kull ma jeħtieġu. Dak li rajna b’ għajnejna dak inhar ġewwa Monrovia kien grupp ta’ wlied Alla li dan kienu jafuh!

Fid-dinja tal-lum, ngħixu f’liema pajjiż ngħixu u huma x’inhu ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, huwa essenzjali li l-identità preminenti tagħna tkun li aħna wlied Alla. Li nkunu nafu dan jagħtina ċ-ċans biex il-fidi tagħna tiffjorixxi, nimmotivaw l-indiema kontinwa tagħna u nimtlew bil-qawwa biex “inkunu fermi u sodi” tul il-vjaġġ mortali tagħna.11 F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Moses 1:13; enfażi miżjuda.

  2. Salm 82:6; enfażi miżjuda.

  3. Atti 17:29; enfażi miżjuda.

  4. Doctrine and Covenants 76:24; enfażi miżjuda.

  5. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129; enfażi miżjuda.

  6. Thomas S. Monson, “Canaries with Gray on Their Wings,” Liahona, Ġunju 2010, 4; enfażi miżjuda.

  7. Ara Kolossin 1:13–15.

  8. ”Jien Iben Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 58.

  9. Ara Malakija 3:2.

  10. “X’Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ 6.

  11. Mosiah 5:15.

Ipprintja