2010-2019
L-Akbar Mexxejja Huma l-Akbar Dixxipli
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


L-Akbar Mexxejja Huma l-Akbar Dixxipli

Se jkun hemm żminijiet meta t-triq li għandkom quddiemkom tkun tidher waħda mudlama, iżda araw li tibqgħu mexjin dejjem wara s-Salvatur. Huwa jaf it-triq; fil-fatt, Huwa hu it-triq.

Meta kelli 12-il sena, missieri ħadni għall-kaċċa fil-muntanji. Stembaħna fit-3 ta’ filgħodu, xeddejna ż-żwiemel tagħna, u f’ dlam ċappa rħejnielha lejn il-muntanja kollha siġar. Minkejja li kont inħobb ħafna mmur għall-kaċċa ma’ missieri, dak il-ħin ħassejtni xi ftit nervuż. Qatt ma kont mort f’ dawn il-muntanji qabel, u jien la stajt nara t-trejqa—u l-ebda ħaġa oħra li kien hemm quddiemi! L-unika ħaġa li stajt nara kien biss id-dawl baxx tat-torċ li kien qed iġorr missieri hekk kif beda jixħet dawl mill-aktar fjakk fuq is-siġar tal-arżnu li kien hemm tul it-triq. Issa kieku ż-żiemel tiegħi kellu jiżloq u jaqa’ mal-art—tgħid jirnexxielu jara fejn hu sejjer? Iżda dan il-ħsieb farraġni: “Missieri jaf x’inhu jagħmel. Jekk nimxi warajh, kollox ikun sew.”

U kollox kien sew. Eventwalment ħarġet ix-xemx, u qattajna jum mill-isbaħ flimkien. Hekk kif konna sejrin lura lejn id-dar, missieri wera b’ idu quċċata ta’ għolja mill-aktar majestuża li kienet tispikka fost l-għoljiet l-oħra kollha. “Dik il-Windy Riġġ,” qalli. “Post verament tajjeb għall-kaċċa.” Instantanjament, kont naf li ridt nerġa’ lura hemmhekk biex xi darba nitla’ fuq il-Windy Riġġ.

Fis-snin ta’ wara, spiss kont nisma’ lil missieri jitkellem dwar il-Windy Riġġ, iżda qatt aktar ma erġajna morna lura hemm—sakemm jum fost l-oħrajn, 20 sena wara, jiena sejjaħt lil missieri u għedtlu, “Ejja mmorru salWindy.” Għal darb’oħra aħna xeddejna ż-żwiemel tagħna u rħejnielha lejn il-muntanja. Għalkemm issa kelli fuq it-30 sena u kont sirt rikkieb ta’ esperjenza, xorta ssorprendejt ruħi kif kont qed inħossni nervuż bħalma kont ħassejtni bħala tifel ta’ 12-il sena. Iżda missieri kien jaf it-triq, u jiena mxejt warajh.

Finalment irnexxielna naslu fuq il-quċċata tal-Windy. Il-veduta li rajna kienet waħda li tqanqlek, u s-sentiment mill-isbaħ li ħassejt kien li rrid nerġa’ nirritorna hemmhekk—din id-darba mhux minħabba fija, iżda minħabba marti u wliedi. Ridthom jesperjenzaw dak li esperjenzajt jiena.

Tul is-snin, kelli diversi opportunitajiet li mmexxi lil uliedi s-subien u ġuvintur oħra sa fuq il-quċċata tal-muntanji, l-istess kif kien mexxa lili missieri. Dawn l-esperjenzi wassluni biex nixtarr xi tfisser li tmexxi—u xi tfisser li ssegwi jew li tkun dixxiplu.

Ġesù Kristu, l-Akbar Mexxej u l-Akbar Dixxiplu

Kieku kelli nistaqsikom, “Min kien l-akbar mexxej li qatt għex?”—x’ tgħiduli? It-tweġiba, bla dubju, hi Ġesù Kristu. Huwa wriena permezz tal-eżempju perfett Tiegħu kull kwalità ta’ tmexxija immaġinabbli.

Iżda kieku kelli nistaqsikom, “Min kien l-akbar dixxiplu li qatt għex?”—mhux anke hawn it-tweġiba terġa’ tkun Ġesù Kristu? Huwa l-akbar mexxej għaliex Huwa l-akbar dixxiplu—Huwa jimxi wara l-Missier b’ mod perfett, f’ kollox.

Id-dinja tgħallem li l-mexxejja għandhom ikunu setgħana; il-Mulej jgħallem li għandhom ikunu umli. Il-mexxejja tad-dinja jiksbu l-qawwa u l-influwenza permezz tat-talent, tal-kapaċità u l-ġid materjali tagħhom. Il-mexxejja li jixbhu lil Kristu jiksbu l-qawwa u l-influwenza “permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza, tal-manswetudni, u permezz tal-imħabba ġenwina.”1

F’ għajnejn Alla, l-akbar mexxejja kienu dejjem l-akbar dixxipli.

Ippermettuli naqsam magħkom żewġ esperjenzi li riċentament jiena kelli mal-ġuvintur tal-Knisja li għallmuni dwar kif wieħed għandu jkun mexxej u dixxiplu.

Aħna Lkoll Mexxejja

Riċentament, marti u jiena attendejna laqgħa tas-sagrament f’ post ’il bogħod mill-qasam ta’ fejn noqogħdu. Qabel bdiet il-laqgħa, wieħed ġuvni ġie fuqi u staqsieni jekk nistax ngħinhom iqassmu s-sagrament. Jiena għedtlu, “Bi pjaċir kollu.”

Poġġejt bilqiegħda flimkien mad-djakni l-oħra u staqsejt lil dak li kien jinsab bilqiegħda ħdejja, “Xi triduni nagħmel?” Huwa qalli li kelli nibda nqassam mill-aħħar ringiela tal-kappella fis-sezzjoni tan-nofs u li hu kien se jkun fuq in-naħa l-oħra tal-istess sezzjoni u flimkien ridna nitilqu minn hemm sar-ringiela ta’ quddiem.

Jien għedtlu, “Ili żmien twil ma’ nagħmel dan.”

Huwa wieġeb, “Ma jimpurtax. Żgur jirnexxielek. Jien ħassejtni l-istess bħal meta kont għadni nibda.”

Aktar tard, l-iżgħar djaknu fil-kworum, li kien għadu kif ġie ordnat ftit ġimgħat biss qabel, għamel diskors fil-laqgħa tas-sagrament. Wara l-laqgħa, id-djakni l-oħra daru miegħu biex jgħidulu kemm kienu kburin b’ seħibhom il-membru l-ġdid tal-kworum.

Hekk kif dak inhar mort inżurhom, jien sibt li kull ġimgħa l-membri tal-kworums kollha tas-Saċerdozju Aroniku f’ dak il-qasam kienu jippruvaw jilħqu ġuvintur oħra u jistednuhom sabiex ikunu parti mill-kworums tagħhom.

Dawn il-ġuvintur kienu kollha mexxejja meraviljużi. U kienet ħaġa ċara li huma kellhom jissapportjawhom minn wara l-kwinti rġiel oħra li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku, kif ukoll ġenituri u nies oħra li kienu jispirawhom fi dmirijiethom. Dawk l-adulti li verament jimpurtahom minn dawn il-ġuvintur iħarsu lejhom mhux biss kif inhuma bħalissa, iżda wkoll kif għad isiru. Meta huma jitkellmu ma’ dawn il-ġuvintur jew jitkellmu dwarhom, huma ma jiffukawx fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Minflok, jenfasizzaw il-kwalitajiet tat-tmexxija eċċezzjonali li huma jkunu qed juru.

O ġuvintur, dan hu kif iħares lejkom il-Mulej. Nistedinkom biex tħarsu lejkom infuskom b’ dan il-mod. Ikun hemm żminijiet f’ ħajjitkom meta intom tiġu msejħin biex tmexxu. U f’ mumenti oħra jkun mistenni minnkom li timxu wara ħaddieħor. Iżda l-messaġġ tiegħi lilkom illum hu li, tkun xi tkun is-sejħa tagħkom, intom dejjem mexxejja, u intom dejjem dixxipli. Li tmexxi hija espressjoni ta’ wieħed li hu dixxiplu—hi sempliċiment att kif tgħin lil ħaddieħor jersaq lejn Kristu, li hu dak li suppost jagħmlu d-dixxipli vera. Jekk qed tagħmlu minn kollox biex tkunu dixxipli ta’ Kristu, mela intom tistgħu tgħinu  oħrajn sabiex jimxu warajh u intom tistgħu tkunu mexxejja.

L-abbiltà tagħkom li tmexxu ma tiġix mill-personalità estroverta tagħkom, mill-kapaċitajiet li jafu jimmotivaw jew saħansitra li tkunu verament kapaċi titkellmu fil-pubbliku. Tiġi mill-impenn tagħkom li timxu wara Ġesù Kristu. Tiġi mix-xewqa tagħkom li tkunu, biex nuża kliem Abraham, “dixxipli akbar tas-sewwa.”2 Jekk tistgħu tagħmlu dan—anke jekk m’intomx perfetti f’ dan, iżda qed tippruvaw—mela intom verament mexxejja.

Is-Servizz Saċerdotali Huwa Tmexxija

F’ okkażżjoni oħra, jiena kont ninsab ġewwa New Zealand inżur id-dar ta’ waħda omm single li kellha tlett itfal żgħażagħ. L-akbar tifel tagħha kellu 18-il sena u l-Ħadd ta’ qabel kien għadu kif irċieva s-Saċerdozju Melkisedeku. Jien staqsejt jekk s’issa kellux iċ-ċans li jeżerċita dan is-saċerdozju. Huwa qal, “M’iniex ċert xi trid tfisser.”

Għedtlu li issa huwa kellu l-awtorità li jagħti barka saċerdotali ta’ faraġ jew fejqan. Ħarist lejn ommu, li kienet ilha snin twal ma jkollha viċin tagħha xi ħadd li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku. “Naħseb tkun ħaġa meraviljuża,” għedtlu jien, “jekk inti tagħti barka lil ommok.”

“Ma nafx kif” wieġeb hu.

Jien spjegajtlu li huwa seta’ jqiegħed idejh fuq ras ommu, itenni isimha, jiddikjara li huwa qed jagħtiha barka bl-awtorità tas-Saċerdozju Melkisedeku, itenni dak kollu li l-Ispirtu jpoġġi ġewwa moħħu u ġewwa qalbu, u jagħlaq f’ isem Ġesù Kristu.

L-għada, jien irċevejt imejl mingħandu. Parti minnha kienet tgħid: “Illejla berikt lil ommi. ... Ħassejtni verament nervuż u inadegwat, u għalhekk tlabt kontinwament biex inkun ċert li kelli l-Ispirtu miegħi, għax naf li mingħajru ma stajt nagħti l-ebda barka. Hekk kif bdejt, insejt kompletament lili nnifsi u d-dgħjufijiet tiegħi. … Jien ma stennejtx li kont se nesperjenza l-qawwa immensa spiritwali u emozzjonali li ħassejt. … Wara, l-ispirtu ta’ mħabba laqatni tant b’ qawwa li kien diffiċli nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi, għalhekk għannaqt lil ommi u bkejt qisni tarbija. … Anke issa waqt li qed nikteb dan, qed inħoss l-Ispirtu tant b’ qawwa li ma rridx li nidneb qatt iżjed. … kemm inħobb dan l-evanġelju.”3

Mhijiex ħaġa li tispirak li tara lil dan il-ġuvni, li kien jidher tant ordinarju, iwettaq ħwejjeġ tant kbar permezz tas-servizz tiegħu tas-saċerdozju, anke meta huwa ħassu inadegwat? M’ilux sirt naf li dan il-presbiteru żagħżugħ irċieva sejħa tal-missjoni u x-xahar id-dieħel se jidħol fiċ-ċentru għat-taħriġ missjunarju. Jien nemmen li huwa se jmexxi diversi erwieħ lejn Kristu għaliex huwa tgħallem kif għandu jimxi wara Kristu permezz tas-servizz tiegħu tas-saċerdozju—li beda mill-istess dar tiegħu, fejn l-eżempju tiegħu qed ikollu influwenza profonda fuq ħuh ta’ 14-il sena.

L-aħwa, kemm jekk aħna nirrealizzaw dan kif ukoll jekk le, ħaddieħor qed josserva l-eżempju tagħna—il-membri tal-familja, il-ħbieb, anke dawk li ma nafux. Mhux biżżejjed li aħna nersqu lejn Kristu; id-dmir tagħna issa hu li “nistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu.”4 Ma nistgħux inkunu sodisfatti li nirċievu barkiet spiritwali għalina nfusna; jeħtieġ imexxu lin-nies li nħobbu lejn dawk l-istess barkiet—u bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, għandna nħobbu lil kulħadd. Il-kmand tas-Salvatur lil Pietru huwa wkoll kmand għalina lkoll: “Meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.”5

Imxu Wara r-Raġel tal-Galilija

Se jkun hemm żminijiet meta t-triq li għandkom quddiemkom tkun tidher waħda mudlama, iżda araw li tibqgħu mexjin dejjem wara s-Salvatur. Huwa jaf it-triq; fil-fatt, Huwa hu it-triq.6 Aktar ma tersqu b’ ħerqa lejn Kristu, akbar tkun ix-xewqa tagħkom li tgħinu lil ħaddieħor jesperjenza dak li esperjenzajtu intom. Kelma oħra li nistgħu nużaw għal dan is-sentiment hija karità, “li l-Missier sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”7 Imbagħad intom issibu li hekk kif intom timxu wara Kristu, intom tkunu qed tmexxu oħrajn lejh, għaliex skont kliem il-President Thomas S. Monson, “Hekk kif nimxu wara dak ir-Raġel tal-Galilija—sewwasew il-Mulej Ġesù Kristu—l-influwenza personali tagħna tibda tinħass għat-tajjeb, ninsabu fejn ninsabu, tkun xi tkun is-sejħa tagħna.”8

Naqsam it-testimonjanza tiegħi li din hi l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu. Aħna ninsabu mmexxijja minn profeta ta’ Alla, il-President Monson—mexxej kbir li huwa wkoll dixxiplu vera tas-Salvatur. F’ isem Ġesù Kristu, amen.