Fejn Tnejn jew Tlieta jkunu Miġburin
Jekk tisimgħu permezz tal-Ispirtu, intom ssibu li qalbkom tirtab, il-fidi tagħkom tissaħħaħ u l-kapaċità tagħkom li tħobbu lill-Mulej tikber.
Għeżież ħuti, nilqagħkom għall-186 Konferenza Ġenerali Annwali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Inħossni ferħan li ninsab magħkom u nilqagħkom b’ imħabba.
Jiena grat li intom ġejtu għal din il-konferenza biex tħossu l-ispirazzjoni mis-smewwiet u biex tħossukom aktar viċin Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu.
F’ din il-laqgħa, li qed tixxandar mad-dinja kollha, hawn miġburin miljuni ta’ dixxipli ta’ Ġesù Kristu li jinsabu taħt patt li dejjem jiftakru fih u jaqduh. Permezz tal-miraklu tat-teknoloġija moderna, id-distanza u l-ħin bħallikieku jgħibu. Niltaqgħu qisna ninsabu miġburin flimkien f’ sala waħda kbira.
Iżda aktar importanti minn din il-ġabra daqshekk kbira tagħna huwa dak li f’ismu aħna qed nagħmlu dan. Il-Mulej wiegħed li anke bin-numru daqstant kbir ta’ dixxipli Tiegħu fid-dinja illum, Huwa xorta waħda jibqa’ viċin ta’ kull wieħed u waħda minna. Fl-1829, Huwa qal lill-grupp żgħir ta’ dixxipli Tiegħu, “Tassew tassew ngħidilkom, … fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, … araw, hemmhekk inkun jien f’ nofshom—sewwasew kif ninsab f’ nofskom” (D&C 6:32).
Issa li ninsabu aktar minn membru wieħed jew tnejn, qegħdin miġburin bħala miġemgħa ta’ dixxipli Tiegħu f’ din il-konferenza, u kif Huwa wiegħed, il-Mulej jinsab f’ nofsna. Peress li Huwa bniedem imqajjem mill-imwiet u gglorifikat, Huwa ma jinsabx fiżikament f’ kull post fejn jinġabru l-Qaddisin. Iżda, bil-qawwa tal-Ispirtu, aħna nistgħu nħossu li Huwa jinsab hawn magħna.
Fejn u meta aħna nħossu lis-Salvatur viċin tagħna jiddependi minn kull wieħed u waħda minna. Huwa tana din l-istruzzjoni:
“U għal darb’oħra, fis-sewwa ngħidilkom, ħbieb tiegħi, jiena nħallilkom dan il-kliem biex intom tixtarruh f’ qalbkom, b’ dan il-kmandament li jiena se nagħtikom, li intom issejħuli waqt li jiena ninsab viċin tagħkom—
”Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bid-diliġenza kollha u ssibuni; itolbu u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom” (D&C 88:62–63).
Jiena naf mill-inqas tnejn minn nies li llum qed jisimgħuna li jixtiequ dik il-barka b’ qalbhom kollha. Waqt din il-konferenza huma se jippruvaw b’ ħerqa kbira jersqu viċin il-Mulej. It-tnejn li huma kitbuli—l-ittri tagħhom waslu fl-uffiċċju tiegħi fl-istess ġimgħa—jitolbu bil-ħerqa għall-istess tip ta’ għajnuna.
It-tnejn huma konvertiti fil-Knisja u kienu rċevew testimonjanza ċara tal-imħabba ta’ Alla l-Missier u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-dinja. Huma kienu jafu li l-Profeta Joseph Smith organizza l-Knisja permezz ta’ rivelazzjoni diretta mingħand Alla u li l-imfietaħ tas-saċerdozju mqaddes ġew irrestawrati. It-tnejn ħassew fihom xhieda li l-imfietaħ jinsabu hawn fil-Knisja llum. Fl-ittra tagħhom huma qasmu miegħi t-testimonjanza solenni tagħhom.
Madankollu, it-tnejn li huma b’ diqa’ ta’ qalb iddeskrivew li s-sentimenti ta’ mħabba għall-Mulej u l-imħabba Tiegħu għalihom m’ għadhomx li kienu. B’ qalbhom kollha, it-tnejn li huma riedu li jien ngħinhom jerġgħu jiksbu lura l-ferħ u s-sentiment li hemm xi ħadd li jħobbhom kif kienu jħossu hekk kif huma ngħaqdu mas-saltna ta’ Alla. It-tnejn esprimew biża’ li jekk huma ma jerġgħux jiksbu lura bħal qabel is-sentimenti ta’ mħabba lejn is-Salvatur u l-Knisja Tiegħu, l-isfidi u l-provi li huma jħabbtu wiċċhom magħhom finalment jispiċċaw biex jegħlbu l-fidi tagħhom.
F’ din il-prova la huma tal-ewwel u l-anqas l-uniċi. Tul il-ministeru mortali Tiegħu, is-Salvatur tana l-parabbola tal-bidwi li jiżra’. Iż-żerriegħa kienet il-kelma ta’ Alla. Il-bidwi li jiżra’ kien il-Mulej. L-għixin taż-żerriegħa u kemm hija tikber jiddependu mill-kundizzjoni tal-ħamrija. Tiftakruh il-kliem:
Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom.
Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda;
iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq.
Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.
Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin.
Min għandu widnejn, ħa jisma’’ (Mattew 13:4–9).
Għal darb’oħra, iż-żerriegħa hija l-kelma ta’ Alla. Il-ħamrija hija l-qalb tal-persuna li tirċievi ż-żerriegħa.
Ilkoll kemm aħna nixbhu ħafna lil dawk in-nies meraviljużi li kitbuli għall-għajnuna u l-kuraġġ. Xi darba, ilkoll kemm aħna kellna ż-żerriegħa, jew il-kelma ta’ Alla, miżrugħa ġo qalbna. Għal xi wħud minna, dan seħħ meta konna tfal, meta l-ġenituri tagħna stednuna biex nitgħammdu u niġu kkonfermati minn dawk li għandhom l-awtorità. Oħrajn fostna ġew mgħallmin minn qaddejja imsejħin minn Alla. Ilkoll ħassejna li ż-żerriegħa kienet tajba, anke ħassejniha tikber ġo qalbna u esperjenzajna l-ferħ hekk kif qalbna u moħħna dehru li bdew jespandu.
Ilkoll kemm aħna għaddejna minn mumenti fejn il-fidi tagħna ġiet ippruvata għaliex domna biex niksbu ċerti barkiet prezzjużi, minħabba l-attakki vjolenti ta’ dawk li riedu jeqirdulna l-fidi tagħna, minħabba t-tentazzjoni għad-dnub, u ċerti interessi egoisti li naqsu l-isforzi tagħna li nikkultivaw is-sentimenti spiritwali profondi li kellna f’ qalbna.
Dawk li jinsabu mnikktin minħabba t-telfin tal-ferħ li darba kellhom ġewwa fihom huma fil-fatt imberkin. Xi wħud lanqas biss jintebħu li l-fidi ta’ ġo fihom tkun qed tiddgħajjef. Satana huwa makakk. Huwa jgħid lil dawk li hu jixtieq li jkunu miżerabbli li l-ferħ li darba kienu jħossu ma kien xejn ħlief delużjoni biex iqarrqu bihom infushom.
Il-messaġġ tiegħi għalina lkoll illum hu li fil-ftit jiem li ġejjin se jkollna opportunità mill-aktar prezzjuża li nagħżlu li naraw li qalbna tirtab u li nirċievu u nsostnu ż-żerriegħa. Iż-żerriegħa hija l-kelma ta’ Alla, u se jinxtered fuqna lkoll li nisimgħu, naraw u naqraw dak li se jseħħ f’ din il-konferenza. Il-mużika, id-diskors u t-testimonjanzi ġew imħejjijin minn qaddejja ta’ Alla li fittxew b’ diliġenza sabiex l-Ispirtu s-Santu jiggwidahom fit-tħejjija tagħhom. Hekk kif bdew resqin il-jiem tal-konferenza huma bdew jitolbu aktar mis-soltu u b’ umiltà akbar.
Huma talbu li jkollhom il-qawwa li lilkom jinkuraġġukom sabiex tagħmlu l-aħjar għażliet li joħolqu ġewwa qalbkom art aktar fertili biex il-kelma ta’ Alla tikber u tagħti aktar frott. Jekk tisimgħu permezz tal-Ispirtu, intom ssibu li qalbkom tirtab, il-fidi tagħkom tissaħħaħ u l-kapaċità tagħkom li tħobbu lill-Mulej tikber.
L-għażla tagħkom li titolbu b’ għan sħiħ f’ qalbkom tittrasforma l-esperjenza tagħkom waqt is-sezzjonijiet tal-konferenza u fil-jiem u x-xhur li ġejjin.
Uħud minnkom diġà bdejtu tagħmlu dan. Fil-bidu ta’ din is-sezzjoni, intom mhux sempliċiment smajtu talba; intom żidtu l-fidi tagħkom mal-petizzjoni li aħna se ngawdu l-barka li jkollna l-Ispirtu s-Santu mxerred fuqna. Hekk kif intom għalaqtu t-talba siekta tagħkom f’ isem Ġesù Kristu, intom ersaqtu aktar viċin Tiegħu. Din hija l-konferenza Tiegħu. L-Ispirtu s-Santu biss jista’ jwassal il-barkiet li l-Mulej jixtieq li jkollna. Fl-imħabba Tiegħu għalina, Huwa wiegħed li aħna nistgħu nħossu dan:
“Dak kollu li jgħidu, meta jiġu mmexxija li jagħmlu dan permezz tal-Ispirtu s-Santu, ikun skrittura, ikun ir-rieda tal-Mulej, ikun il-moħħ tal-Mulej, ikun il-kelma tal-Mulej, ikun il-leħen tal-Mulej, u l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni.
“Araw, din hi l-wegħda tal-Mulej għalikom, iI-qaddejja tiegħi.
“Għalhekk, agħmlu l-qalb, u tibżgħux, għax jiena l-Mulej ninsab magħkom u nieqaf magħkom; u intom tagħtu xhieda tiegħi, l-istess Ġesù Kristu, li jiena Bin Alla l-ħaj, li kont, għadni u se nerġa’ niġi” (D&C 68:4–6).
Intom tistgħu titolbu u żżidu l-fidi tagħkom kull darba li qaddej ta’ Alla jersaq quddiem il-pulptu sabiex tiġi fis-seħħ il-wegħda tal-Mulej li hemm fid-Duttrina u Patti sezzjoni 50:
“Fis-sewwa ngħidilkom, dak li hu ordnat minni u mibgħut biex jippriedka l-kelma tal-verità permezz tal-Farràġ, fl-Ispirtu tal-verità, dan jippriedka l-kelma permezz tal-Ispirtu tal-verità jew inkella permezz ta’ xi ħaġa oħra?
“U jekk jagħmel dan permezz ta’ xi ħaġa oħra dan ma jkunx ġej minn Alla.
“U għal darb’oħra, dak li jirċievi l-kelma tal-verità, dan jirċeviha permezz tal-Ispirtu tal-verità jew inkella permezz ta’ xi ħaġa oħra?
“Jekk hu permezz ta’ xi ħaġa oħra dan ma jkunx ġej minn Alla.
“Għalhekk, għalfejn ma tistgħux tifhmu u tkunu tafu, li dak li jirċievi l-kelma permezz tal-Ispirtu tal-verità jirċeviha kif tiġi mgħallma mill-Ispirtu tal-verità?
“Għalhekk, dak li jippriedka u dak li jirċievi, jifhmu lil xulxin u t-tnejn jiġu edifikati u jifirħu flimkien” (D&C 50:17–22).
Tistgħu anke titolbu hekk kif il-kor wasal biex ikanta. Id-direttur tal-kor, l-organisti u l-membri tal-kor ilkoll talbu u pprattikaw b’ talba f’ qalbhom u b’ fidi li l-mużika u l-kliem tagħhom iwasslu biex irattbu l-qlub u jkabbru l-qawwa tagħhom li jibnu l-fidi ta’ ħaddieħor. Huma jkantaw għall-Mulej bħallikieku jinsabu quddiemu, u huma jafu b’ ċertezza li Missierna tas-Smewwiet jismagħhom daqs kemm huma ċerti li Huwa jisma’ t-talb personali tagħhom. Huma ħadmu flimkien b’ imħabba biex tiġi fis-seħħ il-wegħda li s-Salvatur għamel lil Emma Smith: “Għax ruħi titgħaxxaq bl-għanja tal-qalb; iva, l-għanja tal-ġusti hija talba indirizzata lili, u jien nilqagħha billi nibgħat barka fuqhom”. (D&C 25:12).
Jekk intom mhux sempliċiment tisimgħu iżda titolbu wkoll hekk kif huma jkunu qed ikantaw, it-talb tagħkom u t-talb tagħhom jiġi milqugħ permezz ta’ barka li t-tnejn li intom tirċievu. Intom tħossu l-barka tal-imħabba u l-approvazzjoni tas-Salvatur. Kull min jingħaqad f’ dan it-tifħir iħoss l-imħabba tiegħu lejh tikber.
Tafu tħossu li għandkom titolbu hekk kif xi kelliem ikun jidher li wasal biex jagħlaq il-messaġġ tiegħu. Huwa jkun qed jitlob ġewwa fih lill-Missier sabiex l-Ispirtu s-Santu jgħinu jtenni kliem ta’ testimonjanza li jwassal biex iqawwi l-qlub, it-tamiet u d-determinazzjoni ta’ dawk li jkunu qed jisimgħuh biex huma dejjem jiftakru fis-Salvatur u jżommu l-kmandamenti li Huwa tahom.
It-testimonjanza ma tkunx sempliċiment dikjarazzjoni ta’ xi messaġġ. Tkun konferma ta’ xi verità li l-Ispirtu jista’ jwassal fi qlub dawk li jkunu qed jitolbu għall-għajnuna, għad-direzzjoni divina u biex jirċievu l-imħabba pura ta’ Kristu.
Dawn il-kelliema jaqsmu ma’ dawk li jisimgħuhom testimonjanza vera. Jaf ikun biss ftit kliem, iżda dan il-kliem jgħaddi fil-qalb ta’ dawk li jisimgħuh b’ umiltà li ġew għal din il-konferenza bil-ġuħ għall-kelma tajba ta’ Alla.
Jiena naf minn esperjenza personali x’ kapaċi tagħmel il-fidi tan-nies twajba biex twassal kliem li ġej mill-Ispirtu f’ għeluq diskors li jkun sar. Aktar minn darba, xi ħadd qalli wara t-testimonjanza tiegħi, “Inti kif kont taf jien x’ kelli bżonn nisma’?” Tgħallimt sabiex ma nissorprendix ruħi meta wara ma niftakarx il-kliem li nkun għedt. Veru nkun jiena li ntenni l-kliem tat-testimonjanza, iżda l-Mulej ikun hemm biex jgħidli x’ għandi ngħid f’ dak il-mument. Il-wegħda li l-Mulej jgħidilna xi kliem għandna ntennu f’ dak il-mument partikolari japplika speċjalment għat-testimonjanza (ara D&C 24:6). Isimgħu sewwa t-testimonjanzi li jingħataw f’ din il-konferenza—tħossukom żgur aktar qrib il-Mulej.
Żgur indunajtu li issa jien wasalt fil-mument fejn se nagħlaq il-messaġġ li ppruvajt ngħaddilkom permezz tat-testimonjanza tal-verità. It-talb tagħkom jgħinni sabiex niġi mogħti l-kliem ta’ testimonjanza li jista’ jgħin lil xi ħadd li jinsab ifittex tweġiba għall-mistoqsijiet li huwa għandu.
Se nagħtikom ix-xhieda ċerta tiegħi li Missierna tas-Smewwiet, l-Eloħim il-kbir, iħobb u jaf lil kull wieħed u waħda minna. Taħt id-direzzjoni Tiegħu, Ibnu, Ġehova, kien il-Ħallieq. Jiena nixhed li Ġesù ta’ Nazaret twieled bħala l-Iben ta’ Alla. Huwa fejjaq lill-morda, ta d-dawl lill-għomja u qajjem lill-mejtin. Huwa ħallas il-prezz għad-dnubiet kollha ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet li qatt twieldu f’ din il-ħajja mortali. Huwa kisser l-irbit tal-mewt għalina lkoll hekk kif Huwa qam mill-qabar f’ dak l-ewwel Ħadd il-Għid. Huwa jgħix illum, Alla—imqajjem mill-imwiet u glorjuż.
Din hija l-unika Knisja vera, u Hu huwa l-ġebla tax-xewka tagħha. Thomas S. Monson huwa l-profeta Tiegħu għad-dinja kollha. Il-profeti u l-appostli li se tisimgħu waqt din il-konferenza jitkellmu għall-Mulej. Huma l-qaddejja Tiegħu, awtorizzati biex jaġixxu f’ ismu. Huwa jimxi quddiem il-qaddejja Tiegħu fid-dinja. Dana jiena nafu. U nixhed dan f’ ismu, sewwasew l-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.