2010-2019
L-Ingwent tal-Fejqan tal-Maħfra
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


L-Ingwent tal-Fejqan tal-Maħfra

Il-maħfra hi prinċipju glorjuż li jfejjaq. M’għandniex għalfejn inkunu vittmi darbtejn. Nistgħu naħfru.

Dak kollu li ġej minn Alla jinkludi l-imħabba, id-dawl u l-verità. Madankollu bħala umani aħna ngħixu f’ dinja mitlufa, xi kultant mimlija dalma u konfużjoni. Mhux sorpriżi li nagħmlu l-iżbalji, li jsiru l-inġustizzji u li jitwettqu d-dnubiet. B’ riżultat ta’ dan, m’hawn ħadd li qed jgħix li xi darba jew oħra ma spiċċax vittma tal-għemejjel bla ħsieb, tal-kondotta li tweġġa’ u tal-imġieba midinba ta’ ħaddieħor. Din hi ħaġa li hi komuni bejn kulħadd.

Nirringrazzjaw lil Alla, li fl-imħabba u l-ħniena li għandu għal uliedu, Huwa ħejja mod biex jgħinna ninnavigaw dawn l-esperjenzi xi kultant imqanqla tal-ħajja. Huwa pprovda refuġju għal dawk kollha li jaqgħu vittma tal-għemejjel ħżiena ta’ ħaddieħor. Huwa għallimna li aħna nistgħu naħfru! Avolja stajna konna vittma darba, m’hemmx għalfejn inkunu vittma darbtejn billi nġorru t-tagħbija tal-mibegħda, l-imrar, l-uġigħ, ir-riżentiment jew saħansitra l-vendetta. Nistgħu naħfru u nistgħu nkunu ħielsa!

Bosta snin ilu, meta kont qed nirranġa ħajt tal-injam, daħħalt skalda żgħira f’ sebgħi. Ippruvajt nipprova nneħħi l-iskalda u ħsibt li kien irnexxieli, iżda apparentament ma kienx il-każ. Hekk kif għadda ftit żmien, kiber il-laħam fuq l-iskalda u spiċċajt b’ nefħa fuq sebgħi. Bdiet iddejjaqni u kultant anke bdiet tuġagħni.

Snin wara ddeċidejt li finalment nagħmel xi ħaġa. Kull ma għamilt kien sempliċiment poġġejt ftit ingwent fuq in-nefħa u rbattha b’ faxxa. Irrepetejt dan il-proċess b’ mod frekwenti. Ma tistgħux timmaġinaw is-sorpriża tiegħi meta jum fost l-oħrajn, hekk kif neħħejt il-faxxa ħarġet l-iskalda minn ġo sebgħi.

L-ingwent rattab il-ġilda tiegħi u ħoloq bħal refuġju għall-istess ħaġa li tant ikkawżatli uġigħ matul is-snin. La darba l-iskalda kienet tneħħiet, sebgħi malajr fieq u sal-lum, ma baqa’ l-ebda evidenza li xi darba kont weġġajt.

Bl-istess mod, qalb li ma taħfirx iżżomm ġewwa fiha ħafna uġigħ bla bżonn. Meta aħna napplikaw l-ingwent li jfejjaq tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, Huwa jrattab qalbna u jgħinna ninbidlu. Huwa jista’ jfejjaq ir-ruħ miġruħa (ara Jacob 2:8).

Jiena konvint li ħafna minna rridu naħfru, iżda nsibuha diffiċli nagħmlu dan. Meta aħna nesperjenzaw xi inġustizzja, ma nsibuhiex bi tqila biex ngħidu, “Dak il-bniedem għamel ħażin. Jeħtieġ kastig. Fejn hi l-ġustizzja?” Xi kultant nagħmlu l-iżball u naħsbu li jekk naħfru, b’ xi mod il-ġustizzja ma sseħħx u l-kastig jiġi evitat.

Dan sempliċiment mhux il-każ. Alla jagħti lil kulħadd kastig li hu ġust, għaliex il-ħniena ma tistax tisraq il-ġustizzja (ara Alma 42:25). B’ imħabba Alla jassigura lilkom u lili: “Ħallu l-ġudizzju f’ idejja, għaliex huwa tiegħi u jiena npatti. Iżda araw li intom tkunu fil-paċi” (D&C 82:23). Il-profeta Ġakobb mill-Ktieb ta’ Mormon wiegħed ukoll li Alla “ jikkonslakom fis-sofferenza tagħkom, u huwa jidħol għalikom u jpattiha lil dawk li jippruvaw jeqirdukom” (Jacob 3:1).

Bħala vittmi, jekk aħna nkunu fidili, nistgħu nħossu l-faraġ għax nafu li Alla jikkompensana għal kull inġustizzja li nesperjenzaw. Il-Presbiteru Joseph B. Wirthlin iddikjara: “Il-Mulej jikkumpensa l-fidil għal kull telfa. … Kull demgħa li nibku llum eventwalment npattu għaliha għal mitt darba bi dmugħ ta’ ferħ u gratitudni.”1

Hekk kif nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naħfru lil ħaddieħor, ejjew ukoll nippruvaw niftakru li aħna lkoll ninsabu nikbru spiritwalment, iżda lkoll kemm aħna ninsabu f’ livelli differenti. Għalkemm huwa faċli nosservaw it-tibdil li jseħħ f’ ġisimna u kemm nikbru fiżikament, huwa diffiċli naraw kemm aħna nikbru fl-ispirtu tagħna.

Mod importanti biex naħfru lil ħaddieħor hu li nippruvaw narawh kif jarah Alla. Xi kultant, Alla jaf ineħħi l-purtiera minn quddiem għajnejna u jberikkna bid-don li naraw ġewwa l-qalb, ir-ruħ u l-ispirtu ta’ dik il-persuna li offendietna. Jekk inħarsu lejha b’ dan il-mod dan jaf iwassalna biex inħossu imħabba kbira għal dik il-persuna.

L-iskrittura tgħallimna li l-imħabba ta’ Alla għal uliedu hi waħda perfetta. Huwa jaf il-potenzjal tagħhom għat-tajjeb, hu x’inhu l-passat tagħhom. Bla ebda dubju, ma setax kien hemm għadu aktar aggressiv jew aktar aħrax tad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu minn Sawl ta’ Tarsu. Madankollu la darba Alla wera d-dawl u l-verità lil Sawl, ma kienx hemm dixxipli tas-Salvatur aktar devot, entużjast jew bla biża’ daqsu. Sawl sar l-Appostlu Pawlu. Ħajtu toffri eżempju mill-isbaħ dwar kif Alla jara n-nies mhux biss kif inhuma bħalissa iżda wkoll kif jistgħu jsiru. F’ ħajjitna aħna lkoll għandna individwi jixbhu lil Sawl bil-potenzjal li jsiru jixbhu lil Pawlu. Tistgħu timmaġinaw kif il-familji, il-komunitajiet u d-dinja tagħna b’ mod ġenerali jistgħu jinbidlu jekk aħna nippruvaw naraw lil xulxin kif jarana Alla?

Ta’ spiss aħna nħarsu lejn dak li offendiena bil-mod kif aħna nħarsu lejn blokka silġ fil-baħar—naraw biss il-ponta u mhux x’ hemm taħt il-wiċċ. Ma nafux b’ dak kollu li tkun għaddejja minnu dik il-persuna f’ ħajjitha. Ma nafux il-passat tagħha; ma nafux it-taqbid tagħha; ma nafux l-uġigħ li qed iġġorr. Ħuti, jekk jogħġobkom tifhmunix ħażin. Li taħfer ma jfissirx li tiskuża. Aħna ma niskużawx imġieba ħażina jew nagħtu ċ-ċans biex dak li jkun jittrattana ħażin minħabba t-taqbid, l-uġigħ jew id-dgħjufijiet tiegħu. Iżda aħna nistgħu niksbu għarfien u paċi akbar meta aħna nħarsu minn perspettiva aktar wiesgħa.

Ċertament dawk li huma spiritwalment anqas maturi jafu fil-fatt jagħmlu żbalji mill-aktar serji—madankollu ħadd minna m’għandu jiġi deskritt biss skont l-agħar ħwejjeġ li jagħmel. Alla huwa imħallef perfett. Huwa jara dak li hemm taħt il-wiċċ. Huwa jaf kollox u jara kollox (ara 2 Nephi 2:24). Huwa qal ”Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd” (D&C 64:10).

Kristu nnifsu, meta kien ġie akkużat b’ mod inġust, u wara ġie attakkat, imsawwat u tħalla jsofri fuq salib, propju f’ dak il-mument qal, “Missier aħfrilhom; għax ma jafux x’ inhuma jagħmlu” (Luqa 23:34).

Bil-vista qasira tagħna, xi kultant aħna nsibuha faċli li niżviluppaw riżentiment lejn dawk li ma jaġixxux bħalna jew li ma jaħsbuhiex bħalna. Nafu nifformaw attitudni intolleranti bbażata fuq ħwejjeġ superfiċjali bħal li nissapportjaw lil xi tim oppost, li nħaddnu xi twemmin politiku differenti jew li għandna twemmin reliġjuż differenti.

Il-President Russell M. Nelson tana kunsill mill-aktar għaqli meta qal, “L-opportunitajiet li jkollna li nisimgħu lil dawk ta’ twemmin reliġjuż jew politiku differenti minn tagħna jista’ jippromwovi fina t-tolleranza u t-tagħlim.”2

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar żmien meta “in-nies tal-knisja bdew jitkabbru, u … bdew jistmerru lil xulxin, u … bdew jippersegwitaw lil dawk li ma kinux jemmnu bħalhom u kif jogħġob lilhom”(Alma 4:8). Ejjew niftakru li Alla ma jħarisx lejn il-kulur tal-flokk jew lejn il-partit politiku. Minflok, kif iddikjara Ammonin, “Alla jħares ‘l isfel lejn ulied il-bnedmin; u huwa jaf il-ħsibijiet kollha u l-intenzjoni tal-qalb” (Alma 18:32). Ħuti, fil-kompetizzjonijiet tal-ħajja, jekk nirbħu, ejjew nirbħu bil-grazzja. Jekk nitilfu, ejjew nitilfu bil-grazzja. Għaliex jekk ngħixu bil-grazzja lejn xulxin, il-grazzja tkun il-premju tagħna fl-aħħar jum.

Hekk kif, f’ xi ħin jew ieħor, aħna lkoll vittmi tal-għemejjel ħżiena tal-oħrajn, daqstant ieħor aħna xi kultant inkunu wkoll dawk li noffendu lil ħaddieħor. Aħna lkoll niżbaljaw u neħtieġu l-grazzja, il-ħniena u l-maħfra. Jeħtieġ ilkoll niftakru li l-maħfra ta’ dnubietna u n-nuqqasijiet tagħna hija bil-kundizzjoni li aħna naħfru lil ħaddieħor. Is-Salvatur qal:

“Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll:

“Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom. (Mattew 6:14–15).

Fost l-affarijiet kollha li s-Salvatur seta’ semma fit-Talba tal-Missierna, li hija verament qasira, interessanti l-fatt li Huwa għażel li jinkludi “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mattew 6:12; 3 Nephi 13:11).

Il-maħfra hija l-vera raġuni għalfejn Alla bagħat lil Ibnu, għalhekk ejjew nifirħu fl-offerta Tiegħu biex ifejjaqna lkoll. L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur mhijiex biss għal dawk li jeħtieġ li jindmu; hija wkoll għal dawk li jeħtieġ li jaħfru. Jekk qed issibuha diffiċli biex taħfru lil ħaddieħor, jew saħansitra lilkom infuskom, itolbu lil Alla biex jgħinkom. Il-maħfra hi prinċipju glorjuż li jfejjaq. M’għandniex għalfejn inkunu vittmi darbtejn. Nistgħu naħfru.

Jiena nagħti xhieda tal-imħabba u l-paċenzja dejjiema ta’ Alla għal uliedu kollha u tax-xewqa Tiegħu li aħna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu (ara Ġwanni 15:9, 12). Hekk kif nagħmlu dan, aħna ngħaddu mid-dalma ta’ din id-dinja għall-glorja u l-majestà tas-saltna Tiegħu fis-smewwiet. Aħna nkunu ħielsa. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Joseph B. Wirthlin, “Come What May, and Love It,” Liahona, Nov. 2008, 28.

  2. Russell M. Nelson, “Listen to Learn,” Ensign, Mejju 1991, 23.

Ipprintja