2010-2019
Oppożizzjoni f’ Kollox
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Oppożizzjoni f’ Kollox

L-oppożizzjoni twassalna biex aħna nikbru f’ dak li Missierna tas-Smewwiet iridna li nsiru.

Fil-qalba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hemm il-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier għall-progress etern ta’ wliedu. Dan il-pjan, kif spjegat fir-rivelazzjoni moderna, jgħinna nifhmu bosta ħwejjeġ li aħna niffaċċjaw fil-mortalità. Il-messaġġ tiegħi jiffoka fuq l-irwol essenzjali tal-oppożizzjoni f’ dan il-pjan.

I.

L-għan tal-ħajja mortali għal ulied Alla hu li jipprovdilhom l-esperjenzi meħtieġa “biex huma jimxu ‘l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament iġibu fis-seħħ id-destin divin tagħhom bħala werrieta tal-ħajja eterna.”1 Kif għallimna b’ tant qawwa l-President Thomas S. Monson dalgħodu, aħna nkunu qed nagħmlu progress billi nagħmlu l-għażliet, li permezz tagħhom aħna niġu ppruvati ħalli nuru li aħna lesti nżommu l-kmandamenti ta’ Alla (ara Abraham 3:25). Biex inkunu ppruvati, irid ikollna l-għażla ħielsa li nagħżlu bejn l-alternattivi. Biex aħna jkollna l-alternattivi li permezz tagħhom inkunu nistgħu neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna, jeħtieġ li jkollna l-oppożizzjoni.

Il-kumplament tal-pjan huwa essenzjali wkoll. Meta aħna nagħmlu xi għażliet ħżiena—kif inevitabbilment aħna żgur li se nagħmlu—aħna nkunu ħatja permezz tad-dnub u jkunu jeħtieġ li aħna nitnaddfu biex inkunu nistgħu nipproċedu lejn id-destin etern tagħna. Il-pjan tal-missier jipprovdilna mod kif aħna nistgħu nagħmlu dan, mod kif nistgħu nissodisfaw id-domanda eterna tal-ġustizzja: kien hemm Salvatur li ħallas prezz biex jifdina minn dnubietna. Dan is-Salvatur huwa l-Mulej Ġesù Kristu, l-Uniku Iben Imnissel ta’ Alla l-Missier Etern, li permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu—permezz tas-sofferenza Tiegħu—ħallas il-prezz għal dnubietna jekk aħna nindmu minnhom.

Waħda mill-aqwa spjegazzjonijiet tal-irwol ippjanat tal-oppożizzjoni tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon, fit-tagħlim ta’ Leħi lil ibnu Ġakobb.

“Jeħtieġ, li jkun hemm oppożizzjoni f’ kollox. Jekk ma jkunx dan, … is-sewwa ma tkunx tista’ tiġi fis-seħħ, lanqas il-ħażen, jew il-qdusija jew il-miżerja, lanqas it-tajjeb jew il-ħażin” (2 Nephi 2:11; ara wkoll vers 15).

B’ riżultat ta’ dan, Leħi kompla, “il-Mulej Alla ta lil bniedem l-opportunità li huwa jista’ jagħżel għalih innifsu. Għalhekk, il-bniedem ma jistax jagħżel għalih innifsu ħlief jekk huwa jiġi mħajjar minn wieħed jew mill-ieħor” (verse 16). Bl-istess mod, fir-rivelazzjoni moderna l-Mulej iddikjara, ”U jeħtieġ li x-xitan jitħalla jittanta lil ulied il-bnedmin, inkella huma ma jkunux jistgħu jużaw l-għażla ħielsa tagħhom.” (D&C 29:39).

L-oppożizzjoni kienet neċessarja fil-Ġnien tal-Għeden. Leħi għallem li jekk Adam u Eva m’għażlux li jintroduċu l-mortalità, “huma kienu jibqgħu fi stat ta’ innoċenza, … ma jagħmlux it-tajjeb, għaliex ma kienu jkunu jafu bl-ebda dnub” (2 Nephi 2:23).

Mill-bidu nett, l-għażla ħielsa u l-oppożizzjoni kienu fil-qalba tal-pjan tal-Missier u tar-ribelljoni ta’ Satana kontrieh. Kif il-Mulej żvela lil Mosè, fil-kunsill tas-smewwiet Satana “fittex li jeqred l-għażla ħielsa tal-bniedem” (Moses 4:3). Dik il-qerda kienet waħda inerenti fit-termini tal-offerta ta’ Satana. Huwa mar quddiem il-Missier u qal, “Ara, jien hawn, ibgħat lili, jiena nkun ibnek, u jien nifdi l-umanità kollha, li l-anqas ruħ waħda ma tispiċċa tintilef, u jien dan żgur inwettqu; għalhekk agħtini ġieħek” (Moses 4:1).

B’hekk, Satana ppropona li jġib fis-seħħ il-pjan tal-Missier b’ tali mod li huwa jżomm milli jiġi fis-seħħ l-għan tal-Missier u l-glorja tingħata lil Satana.

Il-proposta ta’ Satana kienet tiżgura ugwaljanza perfetta: kien li “jifdi l-umanità kollha,” fejn l-ebda ruħ ma tintilef. Ħadd ma seta’ jkollu għażla ħielsa u, għalhekk, ma kienx ikun hemm bżonn ta’ oppożizzjoni. Ma kien ikun hemm l-ebda prova, l-ebda falliment, u l-ebda suċċess. Ma kien ikun hemm l-ebda tkabbir biex jiġi fis-seħħ l-għan li l-Missier xtaq għal uliedu. L-iskrittura tgħid li l-oppożizzjoni ta’ Satana wasslet għal “gwerra fis-sema” (Rivelazzjoni 12:7), li fiha żewġ terzi ta’ wlied Alla kisba d-dritt li jesperjenzaw il-ħajja mortali meta huma għażlu l-pjan tal-Missier u warrbu r-ribelljoni ta’ Satana.

L-għan ta’ Satana kien li jikseb huwa stess l-unur u l-qawwa tal-Missier (ara Isaija 14:12–15; Moses 4:1, 3). “Għalhekk,” qal il-Missier, “peress li Satana rribella kontrija, … jiena rajt li huwa jinxteħet għal isfel” (Moses 4:3) flimkien mal-ispirti li eżerċitaw l-għażla ħielsa tagħhom li jimxu warajh (ara Ġuda 1:6; Rivelazzjoni 12:8–9; D&C 29:36–37). Mixħutin għal isfel f’ din id-dinja mortali bħala Spirti mingħajr ġisem, Satana u d-dixxipli tiegħu jippruvaw iġarrbu u jfittxu li jqarrqu u jitfgħu fil-jasar lil ulied Alla (ara Moses 4:4). Għalhekk huwa missier il-ħażen, dak li oppona u fittex li jeqred il-pjan tal-Missier, li fil-fatt għen biex jiġi fis-seħħ, għaliex hija l-oppożizzjoni li twassal għall-għażla u hija l-opportunità li aħna nagħmlu l-għażla tajba li twassal għat-tkabbir li hu l-għan tal-pjan tal-Missier.

II.

B’ mod mill-aktar sinifikanti, it-tentazzjoni għad-dnub mhijiex l-unika oppożizzjoni fil-mortalità. Leħi għallem li kienu l-Waqgħa ma seħħitx, Adam u Eva “kienu jibqgħu fi stat ta’ innoċenza, ma kien ikollhom l-ebda ferħ, għaliex ma kienu jesperjenzaw l-ebda miżerja” (2 Nephi 2:23). Mingħajr l-esperjenza tal-oppożizzjoni fil-mortalità, “kollox ikun bħallikieku ħaġa waħda,” fejn ma kien ikun hawn l-ebda ferħ jew miżerja (vers 11). Għalhekk, Leħi kompla, wara li Alla ħalaq kollox, “biex iġib fis-seħħ l-għanijiet eterni għall-bniedem, …jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni; saħansitra l-frotta pprojbita f’ oppożizzjoni mas-siġra tal-ħajja; waħda hija ħelwa u l-oħra morra” (verse 15).2 It-tagħlim tiegħu dwar din il-parti tal-pjan tas-salvazzjoni jgħalaq b’ dan il-kliem:

“Araw, kollox seħħ fl-għerf ta’ dak li jaf kollox.

“Adam waqa’ biex jitwieldu l-bnedmin; u l-bnedmin twieldu biex ikunu ferħanin” (versi 24–25).

L-oppożizzjoni li tieħu l-forma taċ-ċirkustanzi diffiċli li nħabbtu wiċċna magħhom fil-mortalità hija wkoll parti mill-pjan li jkompli jkabbar it-tkabbir tagħna fil-mortalità.

III.

Ilkoll kemm aħna nesperjenzaw diversi tipi ta’ oppożizzjoni biex aħna niġu ppruvati Uħud minn dawn il-provi huma t-tentazzjonijiet biex aħna nidinbu. Xi wħud huma ċerta sfidi mortali li mhumiex relatati mad-dnub personali. Uħud minnhom huma kbar ħafna. Oħrajn huma żgħar. Xi ftit jitwettqu kontinwament u oħrajn temporalment. Ħadd minna mhu eżentat. L-oppożizzjoni twassalna biex aħna nikbru f’ dak li Missierna tas-Smewwiet iridna li nsiru.

Wara li Joseph Smith temm jittraduċi l-Ktieb ta’ Mormon, huwa kien għad irid isib pubblikatur. Ma kenitx ħaġa faċli. Il-kumplessità ta’ dan il-manuskritt twil u l-ispejjeż biex huwa jistampa u jillega eluf ta’ kopji kienu għalih daqsxejn ta’ sfida mhux ħażin. Joseph l-ewwel mar għand E. B. Grandin, stampatur, minn Palmira, li rrifjuta. Imbagħad huwa mar jistaqsi stampatur ieħor ġewwa Palmira, li wkoll irrifjuta. Huwa telaq lejn Roċester, 25 mil (40 km) ‘il bogħod, u mar għand l-aktar pubblikatur prominenti fil-punent ta’ New York, u anke dan irrifjuta. Pubblikatur ieħor minn Roċester kien lest li jaċċetta, iżda ċ-ċirkustanzi wasslu biex ma din l-alternattiva ma tkunx aċċettabli.

Għaddew il-ġimgħat, u Joseph probabilment beda jħossu jitħawwad bl-oppożizzjoni li sab biex iwettaq il-mandat divin tiegħu. Il-Mulej m’għamilx l-affarijiet faċli, iżda għamilhom possibbli. Joseph irnexxielu fil-ħames attentat tiegħu, it-tieni wieħed għand il-pubblikatur Grandin minn Palmira.3

Snin wara, Joseph għadda xhur sħaħ ta’ tbatija kbira maqful ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty. Meta huwa talab għall-għajnuna, il-Mulej qallu li “dak kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek” (D&C 122:7).

Ilkoll kemm aħna ħabbatna wiċċna ma’ kull tip ta’ oppożizzjoni mortali li mhijiex riżultat tad-dnubiet personali tagħna, inkluż il-mard, id-diżabiltà u l-mewt. Il-President Thomas S. Monson spjega:

“Jista’ jkun li xi wħud minnkom, f’ xi mumenti, bdejtu titolbu fis-sofferenza tagħkom, u tistaqsu għaliex Missierna tas-Smewwiet jippermetti li intom tgħaddu mill-provi kollha li tkunu qed tħabbtu wiċċkom magħhom. …

“L-intenzjoni tal-ħajja mortali tagħna, madankollu, ma kienx li tkun xi waħda faċli jew konsistentiment pjaċevoli. Missierna tas-Smewwiet … jaf li aħna nitgħallmu u nikbru u nsiru rraffinati permezz tal-isfidi iebsa, tan-niket ta’ qsim il-qalb u l-għażliet diffiċli tagħna. Kull wieħed u waħda minna nesperjenzaw jiem mudlama meta xi ħadd li nħobbu jmut, mumenti ta’ wġigħ meta nitilfu saħħitna, inħossuna mitlufin meta dawk li nħobbu jidhru li jkunu abbandunawna. Dawn l-isfidi u sfidi oħra jippreżentawlna l-veru test biex naraw jekk aħniex kapaċi nibqgħu sodi.”4

L-isforzi tagħna li ntejjbu l-osservanza tagħna ta’ Jum is-Sabbath taf tpoġġi quddiemna oppożizzjoni anqas stressanti. Aħna ġejna mogħtijin il-kmandament tal-Mulej li nonoraw is-Sabbath. Xi wħud mill-għażliet tagħna jafu jiksru dak il-kmandament, iżda xi għażliet oħra kif aħna nqattgħu is-Sabbath huma sempliċiment kwistjoni ta’ jekk aħniex lesti li nagħmlu biss dak li hu tajjeb jew dak li hu aħjar jew l-aqwa.5

Biex juri l-oppożizzjoni tat-tentazzjoni, il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi tliet metodi li x-xitan juża fl-aħħar jiem. L-ewwel, huwa “iżarġant f’ qlub ulied il-bnedmin u jqanqalhom sabiex jirrabjaw kontra dak li hu tajjeb” (2 Nephi 28:20). It-tieni, huwa “iberred u jitfa’ lill-membri f’ sigurtà karnali,” jgħidilhom “Sijon qed tirnexxi, kollox sew” (vers 21). It-tielet, huwa jgħidilna “m’hemmx infern; u … jiena mhux xitan, għax mhux veru jeżisti” (vers 22), u għalhekk mhemmx tajjeb u ħażin. Minħabba din l-oppożizzjoni, aħna nwissija sabiex ma jkollniex “moħħna mistrieħ f’ Sijon!” (vers 24).

Il-Knisja fil-missjoni divina tagħha u aħna fil-ħajja personali tagħna jidher li fi żmienna aktar ma mmorru akter qed niffaċċjaw oppożizzjoni. Jista’ jkun li hekk kif il-Knisja tikber fil-qawwa u aħna l-membri nikbru fil-fidi u l-ubbidjenza, Satana ikabbar il-qawwa tal-oppożizzjoni tiegħu ħalli aħna jkun jista’ jkollna “oppożizzjoni f’ kollox.”

Xi oppożizzjoni tasal ukoll minn xi membri tal-Knisja. Xi wħud li jużaw ir-raġunar jew l-għerf personali tagħhom biex jirreżistu d-direzzjoni profetika jkunu qed jagħtu lilhom infushom tikketta li normalment tintuża mill-gvernijiet eletti—”l-oppożizzjoni leali.” Għalkemm din tista’ tkun xi ħaġa xierqa għad-demokrazija, m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan il-kunċett fil-gvern tas-saltna ta’ Alla, fejn il-mistoqsijiet jiġu onorati iżda l-oppożizzjoni ma tiġix (ara Mattew 26:24).

Bħala eżempju ieħor, hemm bosta affarijiet fl-istorja bikrija tal-Knisja tagħna, bħal per eżempju dak li f’ kull ċirkustanza għamel jew m’għamilx Joseph Smith, li xi wħud jużaw biex jiġġustifikaw l-oppożizzjoni tagħhom. Lilkom ilkoll ngħidilkom, eżerċitaw il-fidi u afdaw fuq it-tagħlim tas-Salvatur li aħna “mill-frott tagħhom nagħrfuhom” (Mattew 7:16). Il-Knisja qiegħda tagħmel sforzi kbar biex tkun trasparenti bir-reġistri li għandna, iżda wara dak kollu li aħna nippubblikaw, il-membri tagħna xi kultant jispiċċaw b’ ċerti mistoqsijiet bażiċi li mhux faċli jirrisolvu ruħhom biss permezz tal-istudju. Din hija l-verżjoni tal-istorja tal-Knisja fejn tidħol “oppożizzjoni f’ kollox.” Xi ħwejjeġ nistgħu nitgħallmuhom biss permezz tal-fidi (ara D&C 88:118). Għandna niddependu l-aktar fuq il-fidi tagħna fix-xhieda li aħna rċevejna mill-Ispirtu s-Santu.

Alla rari jirristrinġi l-għażla ħielsa ta’ xi ħadd minn uliedu billi jintervjeni kontra xi wħud biex ikun jista’ jgħin oħrajn. Iżda Huwa jnaqqas it-tagħbija tas-sofferenza tagħna u jagħtina l-qawwa biex inkunu nistgħu nġorruha, kif Huwa għamel mal-poplu ta’ Alma fl-art ta’ Ħilam (ara Mosija 24:13–15). Huwa ma jipprevenix id-diżastri kollha, iżda li jagħmel hu li jwieġeb it-talb tagħna biex jibdel ir-rotta tagħhom, kif għamel biċ-ċiklun mill-aktar qawwi li hedded li jisfratta d-dedikazzjoni tat-tempju fil-Fiji;6 jew Huwa jnaqqas l-effett tagħhom, kif għamel bl-ispjużjoni tal-bombi fl-attakk terroristiku li sewa l-ħajja ta’ ħafna nies fl-ajruport ta’ Brussel iżda madankollu l-erba’ missjunarji tagħna weġġgħu biss ħafif.

Tul l-oppożizzjoni mortali kollha, aħna għandna l-assigurazzjoni ta’ Alla li Hu “jikkonsagra s-sofferenza tagħna għall-aħjar tagħna” (2 Nephi 2:2). Aħna ġejna mgħallmin ukoll biex nifhmu l-esperjenzi mortali tagħna u l-kmandamenti Tiegħu fil-kuntest tal-pjan il-kbir Tiegħu tas-salvazzjoni, li jgħallimna dwar l-għan tal-ħajja u jagħtina l-assigurazzjoni li għandna Salvatur, li f’ismu jiena nagħti xhieda dwar il-verità ta’ dawn il-ħwejjeġ. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

  2. Bl-istess mod, ir-rivelazzjoni moderna tgħallimna li jekk aħna qatt ma doqna il-morr, ma nistgħux napprezzaw il-ħelu (ara Doctrine and Covenants 29:39).

  3. Ara Michael Hubbard MacKay and Gerrit J. Dirkmaat, From Darkness unto Light: It-Traduzzjoni u l-Pubblikazzjoni ta’ Joseph Smith tal-Ktieb ta’ Mormon (2015), 163–79.

  4. Thomas S. Monson, “Joy in the Journey” (indirizz mogħti fil-Konferenza tan-Nisa ta’ BYU, Mejju 2, 2008), womensconference.ce.byu.edu. Kitba qasira dwar il-ġesti sportivi u d-demokrazija minn ohn S. Tanner, li llum huwa l-president ta’ BYU–Hawaii, li jinkludi ħsibijiet dwar suġġett li miegħu aħna lkoll familjari: “Li nitgħallmu nitilfu mhuwiex biss dmir ċivili; huwa ħtieġa reliġjuża. Alla fassal il-mortalità biex jużgura ‘l-oppożizzjoni f’ kollox’ (2 Nephi 2:11). It-tfixkil u l-iskonfitti huma parti mill-pjan tiegħu għall-perfezzjoni tagħna. … L-iskonfitta tilgħab irwol integrali fit-‘tfittxija tagħna għall-perfezzjoni’” (Notes from an Amateur: A Disciple’s Life in the Academy [2011], 57).

  5. Ara Dallin H. Oaks, “Good, Better, Best,” Liahona, Nov. 2007, 104–8.

  6. Ara Sarah Jane Weaver, “Rededication Goes Forward,” Aħbarijiet tal-Knisja, Fr. 28, 2016, 3–4.