2010-2019
Ma Jkunx Hemm Iżjed Mewt
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Ma Jkunx Hemm Iżjed Mewt

Għal dawk kollha li bkew minħabba l-mewt ta’ xi ħadd li huma ħabbew, ir-Resurrezzjoni hija sors ta’ tama kbira.

Ġimgħa ilu kien l-Għid, u ħsibijietna kienu ffukati għal darb’oħra fuq s-sagrifiċċju tat-tpattija u r-Reżurezzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu. Din l-aħħar sena għaddejt ħin aktar mis-soltu naħseb u nixtarr dwar il-Qawmien mill-imwiet.

Kważi sena ilu, mietet it-tifla tagħna Alisa. Hija għaddiet kważi tmien snin tiġġieled mal-marda tal-kanċer, li fihom għamlet diversi operazzjonijiet, ħafna trattamenti differenti, rat iseħħu ċerta mirakli mill-aktar eċċitanti kif ukoll esperjenzat għadd ta’ diżappunti. Aħna rajna l-kundizzjoni fiżika tagħha tiddeterjora hekk kif hija bdiet riesqa lejn it-tmiem tal-ħajja mortali tagħha. Kien diffiċli ħafna naraw dan kollu jseħħ lit-tifla prezzjuża tagħna—dik it-tarbija ċkejkna b’ għajneha ċari li kibret biex saret mara u omm meraviljuża u kapaċi. Ħassejt qalbi trid tinqasam.

Immaġni
Alisa Johnson Linton

Is-sena l-oħra fiż-żmien l-Għid, ftit aktar minn xahar qabel ma mietet, Alisa kitbet: “L-Għid huwa tifkira ta’ dak kollu li jien nittama għalija nnifsi. Li xi darba jien nitfejjaq u xi darba nkun mimlija saħħa. Xi darba ma jkollix aktar metall u plastik ġewwa fija. Xi darba qalbi ma tkunx mimlija aktar bil-biża’ u moħħi jkun ħieles minn kull anzjetà. Jien mhux qed nitlob li dan iseħħ fi żmien qasir, iżda kemm jien kuntenta li verament nemmen f’ ħajja li jmiss mill-isbaħ.”1

Ir-Resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu tiżguralna dawk il-veru ħwejjeġ li Alisa kienet qed tittama għalihom, u trawwem ġewwa kull wieħed u waħda minna “raġuni għat-tama li tinsab ġewwa fina.”2 Il-President Gordon B. Hinckley irrefera għar-Resurrezzjoni bħala “l-akbar ġrajja fost il-ġrajjiet kollha fl-istorja tal-umanità.”3

Ir-Resurrezzjoni ġiet fis-seħħ permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u hija element mill-aktar neċessarju tal-pjan kbir tas-salvazzjoni.4 Aħna wlied spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.5 Meta aħna niġu f’ din id-dinja, l-ispirtu tagħna jingħaqad ma’ ġisimna. Aħna nesperjenzaw il-ferħ kollu u l-isfidi kollha assoċjati mal-ħajja mortali. Meta bniedem imut, l-ispirtu tiegħu jiġi sseparat minn ma’ ġismu. Ir-Resurrezzjoni tagħmilha possibbli li l-ispirtu u l-ġisem tal-persuna jerġgħu jingħaqdu flimkien, biss din id-darba l-ġisem ikun wieħed immortali u perfett6—mhux suġġett għall-uġigħ, għall-mard jew għal problemi oħra.

Wara l-qawmien mill-imwiet, l-ispirtu ma jiġix aktar isseparat minn mal-ġisem għaliex ir-Resurrezzjoni tas-Salvatur ġabet fis-seħħ rebħa totali fuq il-mewt. Sabiex niksbu d-destin etern tagħna, neħtieġu li jkollna din ir-ruħ immortali—spirtu u ġisem—magħqudin għal dejjem. Bi spirtu u ġisem immortali magħqudin flimkien b’ mod inseparabbli, aħna nistgħu nirċievu milja ta’ ferħ.7 Fil-fatt, mingħajr ir-Resurrezzjoni aħna qatt ma nistgħu nirċievu milja ta’ ferħ iżda nkunu miżerabbli għal dejjem.8 Anke nies fidili u twajbin iħarsu lejn is-separazzjoni ta’ ġisimhom minn mal-ispirtu tagħhom bħala jasar. Aħna nistgħu ninħelsu minn dan il-jasar permezz tar-Resurrezzjoni, li hija fidwa mill-irbit jew mill-ktajjen tal-mewt.9 M’hemmx salvazzjoni mingħajr l-ispirtu tagħna u l-ġisem tagħna flimkien.

Kull wieħed u waħda minna għandna ċerta limitazzjonijiet u dgħjufijiet fiżiċi, mentali u emozzjonali. Dawn l-isfidi, li xi wħud minnhom bħalissa jidhru impossibli li negħlbuhom, eventwalment għad jirrisolvu ruħhom. L-ebda waħda minn dawn il-problemi m’huma se jikkawżawlna sofferenza wara li aħna nqumu mill-mewt. Alisa kienet għamlet riċerka biex tara r-rata ta’ nies li rnexxielhom jibqgħu ħajjin bit-tip ta’ kanċer li hija kellha, u n-numru ma kienx wieħed inkuraġġanti. Hija kitbet: “Iżda fejqan hemm, għalhekk jiena ma nħossnix beżgħana. Ġesù diġà fejjaq il-kanċer tiegħi, u tiegħek. ... Jien żgur se nkun aħjar. Kuntenta li naf dan.”10

Aħna nistgħu nibdlu l-kelma canċer ma’ kull mard ieħor fiżiku, mentali jew emozzjonali li nistgħu niffaċċjaw. Minħabba r-Resurrezzjoni huma wkoll diġà fiequ. Il-miraklu tal-qawmien mill-imwiet, il-kura aħħarija, tmur lil hinn mill-qawwa tal-mediċina moderna. Iżda mhijiex lil hinn mill-qawwa ta’ Alla. Aħna nafu li dan hu possibli għaliex is-Salvatur qam mill-imwiet u se jġib fis-seħħ ir-Resurrezzjoni wkoll ta’ kull wieħed u waħda minna.11

Ir-Resurrezzjoni tas-Salvatur tipprovdi li Hu huwa Iben Alla u dak li għallimna huwa reali. “Qam, kif kien qal.”12 Ma jistax ikun hemm prova aqwa tad-divinità Tiegħu milli Hu stess iqum mill-qabar b’ ġisem immortali.

Aħna nafu dwar ċerta xhieda tar-Resurrezzjoni fiż-żminijiet tat-Testment il-Ġdid. Minbarra n-nisa u l-irġiel li naqraw dwarhom fl-Evanġelji, it-Testment il-Ġdid jiżgurana li fil-fatt kienu mijiet dawk li raw lill-Mulej imqajjem mill-imwiet.13 U l-Ktieb ta’ Mormon jgħidilna dwar mijiet oħra: “Il-miġemgħa marret għandu, u missew ġenbu b’ idhom,  … u huma raw b’ għajnejhom u ħassew b’ idejhom, u kienu jafu b’ ċertezza u taw xhieda li kien verament hu, li dwaru kitbu l-profeti, li kellu jiġi.”14

Flimkien ma’ dawk ix-xhieda tal-qedem tiżdied ukoll ix-xhieda ta’ dawn l-aħħar jiem. Fil-fatt, fix-xena tal-ftuħ ta’ din id-dispensazzjoni, Joseph Smith ra lis-Salvatur imqajjem mill-imwiet flimkien mal-Missier.15 Għadd ta’ profeti u appostli ħajjin taw ix-xhieda tagħhom dwar ir-realtà ta’ Kristu l-Ħaj imqajjem mill-imwiet.16 Għalhekk nistgħu ngħidu, “Aħna wkoll għandna madwarna sħaba kbira ta’ xhieda.”17 U kull wieħed u waħda minna nistgħu nkunu parti minn sħaba ta’ xhieda li lkoll nafu, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li dak li aħna niċċelebraw fl-Għid fil-fatt ġie fis-seħħ—li r-Resurrezzjoni hija reali.

Ir-realtà tar-Resurrezzjoni tas-Salvatur twassal biex post l-uġigħ il-qalb jittieħed mit-tama, għaliex magħha niksbu wkoll l-assigurazzjoni li l-wegħdiet l-oħra kollha tal-evanġelju huma reali bl-istess mod—wegħdiet li huma mirakolużi daqs ir-Resurrezzjoni. Aħna nafu li Hu għandu l-qawwa li jnaddafna minn dnubietna. Aħna nafu li Huwa ħa fuqu s-sofferenza, l-uġigħ u l-inġustizzji li aħna soffrejna.18 Aħna nafu li Hu “qam mill-imwiet, bil-fejqan f’ ġwenħajh.”19 Aħna nafu li Huwa jista’ jfejjaqna, għandna x’ għandna li qed jinkwetana. Aħna nafu li Huwa “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas tbatija ma jkun hemm iżjed.”20 Aħna nafu li aħna nistgħu nsiru “perfetti permezz ta’ Kristu … , li ġab fis-seħħ dan l-att tal-Fidwa perfett”21 jekk sempliċiment aħna lkoll ikollna daqsxejn ta’ fidi u nimxu warajh.

Lejn tmiem l-oratorju mill-aktar ispirat Messiah, Handel kiteb il-mużika mill-isbaħ għal kliem l-Appostlu Pawlu, li hu kliem ta’ ferħ minħabba r-Resurrezzjoni.

“Araw, se nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-raqda tal-mewt, iżda lkoll nitbiddlu,

“F’ waqt wieħed, f’ teptipa ta’ għajn, mal-aħħar tromba: … iddoqq it-tromba u l-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu.

“Għax jeħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità.

“… Imbagħad jiġi fis-seħħ id-diskors li hu miktub, “nbelgħet il-mewt fir-rebħa.

“Ja Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Ja qabar, fen hi l-qawwa tiegħek? …

“Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.”22

Jiena grat għall-barkiet li jistgħu jkunu tagħna minħabba l-Att tal-Fidwa u r-Reżurezzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu. Għal dawk kollha li difnu xi wild ġewwa l-qabar jew bkew fuq it-tebut tal-mara jew tar-raġel tagħhom jew tnikktu minħabba l-mewt ta’ xi ħadd mill-ġenituri tagħhom jew ta’ xi ħadd li huma ħabbew, ir-Resurrezzjoni hija sors ta’ tama kbira. X’ esperjenza mill-aqwa tkun li nerġgħu narawhom għal darb’oħra—mhux biss bħala spirti iżda b’ iġsma imqajmin mill-mewt.

Verament inħares bil-quddiem li nerġa’ nara lil ommi u nħoss l-għafsa ġentili tagħha u nerġa’ nħares fl-għajnejn kollha mħabba tagħha. Verament nixtieq nara t-tbissima ta’ missieri u nisma’ d-daħqa tiegħu u narah bħala bniedem perfett imqajjem mill-imwiet. B’ għajn ta’ fidi, jiena nimmaġina lil Alisa ħielsa minn kull inkwiet tad-dinja jew mingħajr l-effett tal-mewt—Alisa imqajma mill-imwiet bħala mara perfetta, rebbieħa u kollha ferħ.

Fl-Għid ta’ ftit snin ilu, hija kitbet sempliċiment: “Il-ħajja permezz ta’ ismu. Tama verament kbira. Dejjem. F’ kull ħaġa. Inħobb wisq li l-Għid għax ifakkarni f’ dan.”23

Jiena nixhed dwar ir-realtà tar-Resurrezzjoni. Ġesù Kristu jgħix, u peress li Hu jgħix, aħna lkoll nerġgħu ngħixu mill-ġdid. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja