2010-2019
Immaġinaw Lilkom Infuskom fit-Tempju
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Immaġinaw Lilkom Infuskom fit-Tempju

Nitlob li lkoll kemm aħna nonoraw lis-Salvatur u nagħmlu t-tibdil kollu neċessarju biex inkunu nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna fit-tempji sagri Tiegħu.

Kważi diffiċli li aħna nifmu b’liema rata l-għarfien tal-pjan tas-salvazzjoni tal-Mulej se jinxtered tul id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.1 Eżempju ta’ dan hija t-tħabbira li għamel waqt din is-sezzjoni tal-konferenza, il-President Thomas S. Monson dwar 4 tempji ġodda. Meta fl-1963 il-President Monson ġie msejjaħ bħala Appostlu, kien hemm 12-il tempju joperaw madwar id-dinja.2 Bid-dedikazzjoni tat-Tempju taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Provo, illum hawn 150 tempju, u se jkun hemm b’ kollox 177  tempju meta dawk kollha mħabbrin ikunu dedikati. Din hija raġuni biex b’ umiltà aħna lkoll nifirħu.

Mija u tmenin sena ilu, preċiżament f’ dan il-jum, it-3 ta’ April, 1836, il-Profeta Joseph Smith u Oliver Cowdery kellhom dehra mill-aktar meraviljuża ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland. Dan seħħ ġimgħa biss wara d-dedikazzjoni ta’ dak it-tempju. F’ din il-viżjoni huma raw lill-Mulej wieqaf fuq il-pulptu ġewwa t-tempju. Fost ħwejjeġ oħra, is-Salvatur iddikjara:

“Ħalluha tifraħ il-qalb tan-nies kollha tiegħi, li, bis-saħħa tagħhom, bnew din id-dar f’ ismi.

“Għax araw, jiena aċċettajt din id-dar, u ismi se jkun hawnhekk; u fil-ħniena kollha jiena se nuri lili nnifsi lill-poplu tiegħi f’ din id-dar.”3

F’ dik l-okkażżjoni sagra, dehru għadd ta’ profeti tal-qedem, fosthom Elija, li taw l-imfietaħ essenzjali għall-ordinanzi tat-tempju.

Aħna nistgħu nifhmu xi ftit x’ ferħ qed jinħass, kemm mill-membri kif ukoll mill-missjunarji, ġewwa Quito, l-Ekwador; Harare, iż-Żimbabwe; Belém, il-Brażil; u Lima, il-Peru, ibbażat minn dak li seħħ sena ilu ġewwa Bangkok, it-Tajlandja, meta ġie mħabbar it-tempju t’hemmhekk. Sister Shelly Senior, il-mara ta’ David Senior, li dak iż-żmien kien il-president tal-Missjoni ta’ Bankok, fit-Tajlandja, bagħtet email lill-membri tal-familja u l-ħbieb tagħhom biex tgħidilhom li wara li hi u żewġha kienu semgħu lill-President Monson iħabbar dak it-tempju, huma għaddew “12-il siegħa sħaħ jibku bil-ferħ mingħajr ma għalqu għajn m’għajn .” Fil-11 u nofs ta’ filgħodu huma sejħu l-assistenti tagħhom tal-missjoni u infurmawhom b’ dan. L-assistenti sejħu lill-missjunarji kollha. Ġie rrapurtat li “l-missjunarji kollha qamu f’ nofs ta’ lejl jaqbżu kemm jifilħu fuq is-sodod tagħhom.” Sister Senior b’ mod umoristiku wissiet lill-familja u l-ħbieb tagħhom, “Jekk jogħġobkom tgħidux b’ dan lid-Dipartiment Missjunarju!”4

Ir-rispons spiritwali mill-aktar profond tal-membri fit-Tajlandja kien ukoll wieħed qawwi. Jiena ninsab ċert li kienet saret tħejjija spiritwali kbira fil-qlub u d-djar tal-membri kif ukoll manifestazzjonijiet mis-smewwiet li ħejjew lill-Qaddisin li jinsabu jgħixu fil-postijiet fihom tħabbar li se jinbnew tempji ġodda.

Immaġni
Tfajla Tajlandiża b’ mera f’ idha li tgħid, “Immaġina Lilek Innifsek fit-Tempju.”

Fit-Tajlanda, Sister Senior kellha diversi mirja tal-idejn speċjali li hi kienet għamlet biex tużahom fil-lezzjonijiet li kienet tgħallem, speċjalment mal-aħwa nisa. Fuq mera minnhom kien hemm tempju mnaqqax bil-kliem, “Immaġina Lilek Innifsek fit-Tempju.” Hekk kif in-nies kienu jħarsu fil-mera, huma kienu jaraw lilhom infushom fit-tempju. Is-Seniors għallmu lill-investigaturi u lill-membri jimmaġinaw lilhom infushom fit-tempju u jagħmlu t-tibdil neċessarju fil-ħajja li jgħixu u jitħejjew spiritwalment biex jilħqu dan il-għan.

L-isfida tiegħi dalgħodu hi li kull wieħed u waħda minna, ġejjin minn fejn ġejjin, nimmaġinaw lilna nfusna fit-tempju. Il-President Monson iddikjara: “Jekk inti għadek ma dħaltx fid-dar tal-Mulej u għadek ma rċevejtx il-barkiet kollha li jinsabu jistennewk hemmhekk, inti għadek ma ksibtx dak kollu li l-Knisja għandha x’ toffri. L-ogħla u l-aktar barkiet importanti fost il-barkiet kollha li nistgħu niksbu bħala membri tal-Knisja hemm dawk li nirċievu fit-tempji ta’ Alla.”5

Minkejja n-nuqqas ta’ sewwa fid-dinja llum, aħna ninsabu ngħixu fi żmien sagru u qaddis. Għal sekli sħaħ, il-profeti, b’ qalb kollha mħabba u stennija, iddeskrivew żmienna.6

Il-Profeta Joseph Smith, meta kien qed jikkwota kemm il-ktieb ta’ Għabdija7 fit-Testment il-Qadim kif ukoll l-Ewwel Ittra ta’ Pietru8 fit-Testment il-Ġdid, għaraf l-għan kbir ta’ Alla li pprovda l-magħmudija għall-mejtin u tana ċ-ċans li nkunu salvaturi fuq l-Għolja Sijon.9

Il-Mulej stagħana lill-poplu tagħna u pprovda r-riżorsi u l-gwida profetika sabiex aħna nistgħu nkunu qalbenin fir-responsabbiltajiet tagħna li nattendu t-tempju kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin.

Grazzi għall-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, aħna nifhmu l-għan tal-ħajja, il-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier għal uliedu, is-sagrifiċċju ta’ fidwa tas-Salvatur u l-irwol ewlieni tal-familji fl-organizzazzjoni tas-smewwiet.10

In-numru dejjem jikber ta’ tempji flimkien mat-teknoloġija avvanzata biex aħna nkunu nistgħu nwettqu r-responsabbiltajiet sagri tagħna tal-istorja tal-familja għall-antenati tagħna jagħmlu żmienna l-aktar żmien imbierek fl-istorja kollha tal-umanità. Jiena verament nifraħ bil-fedeltà straordinarja taż-żgħażagħ tagħna li jirreġistraw u jfittxu l-antenati tagħhom u mbagħad imorru jwettqu l-ħidma tal-magħmudija u l-konferma ġewwa t-tempju. Intom letteralment parti mill-imbassra salvaturi fuq l-Għolja Sijon.

Kif Nistgħu Nitħejjew għat-Tempju?

Aħna nafu li s-sewwa u s-santifikazzjoni huma partijiet essenzjali mit-tħejjija tagħna għat-tempju.

Fid- Duttrina u Patti sezzjoni 97, hemm miktub, “U sakemm in-nies tiegħi jibnu dar għalija f’ isem il-Mulej, u jaraw li l-ebda ħaġa li mhux nadifa ma tidħol fiha, li hi ma tkunx imniġġsa, il-glorja tiegħi se tibqa’ fiha.”11

Sal-1891, il-President tal-Knisja kien dak li jiffirma r-rakkomandazzjoni tat-tempju biex jipproteġi s-santità tat-tempju. Dik ir-responsabbiltà mbagħad ġiet iddelegata lill-isqfijiet u l-presidenti tal-wited.

Hija x-xewqa kbira tagħna li l-membri tal-Knisja jgħixu denji li jkollhom rakkomandazzjoni tat-tempju. Jekk jogħġobkom tħarsux lejn it-tempju bħala xi għan wisq diffiċli u forsi impossibbli tiksbuh. Jekk jaħdmu flimkien mal-isqof, bosta membri jistgħu jiksbu dak kollu li jeħtieġu fi żmien relattivament qasir jekk huma jkollhom id-determinazzjon li jikkwalifikaw u jindmu kompletament minn dnubiethom. Dan jinkludi li jkunu lesti li jaħfru lilhom infushom u ma jiffukawx fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom jew fuq dawk id-dnubiet li jiskwalifikawhom milli qatt jidħlu fit-tempju sagru.

L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur ġie fis-seħħ għal ulied Alla kollha. Is-sagrifiċċju ta’ fidwa Tiegħu jissodisfa d-domanda tal-ġustizzja għal dawk li verament jindmu. L-iskrittura tiddeskrivi dan b’ mod mill-aktar sabiħ:

“Jekk inhuma dnubietkom bħall-iskarlat, bħas-silġ jibjadu.”12

“U ma niftakarhomx aktar.”13

Niżgurawkom li meta intom tgħixu prinċipji ġusti dan iwassal biex intom u l-familja tagħkom ikollkom il-ferħ, is-sodisfazzjoni u l-paċi.14 Il-membri, kemm adulti kif ukoll żgħażagħ,15 jiċċertifikaw kemm huma verament denji meta jwieġbu l-mistoqsijiet tar-rakkomandazzjoni tat-tempju. L-aktar ħtieġa essenzjali hi li nkabbru t-testimonjanza tagħna f’ Alla l-Missier; f’ Ibnu, Ġesù Kristu; u fir-Restawrazzjoni tal-evanġelju Tiegħu u li nesperjenzaw il-qadi tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Barkiet tat-Tempju Huma Numerużi

Il-barkiet ewlenin tat-tempju huma l-ordinanzi tal-eżaltazzjoni. Il-pjan tal-evanġelju jittratta dwar l-eżaltazzjoni u jirrikjedi li aħna nagħmlu u nżommu l-patti sagri tagħna ma’ Alla. Ħlief għall-magħmudija u l-konferma, dawn l-ordinanzi u l-patti jiġu mwettqa u nirċevuhom ġewwa t-tempju għall-ħajjin. Għall-mejtin, ġewwa t-tempju nistgħu nirċievu f’ isimhom l-ordinanzi u l-patti kollha tas-salvazzjoni.

Brigham Young għallem, “M’hemm xejn li l-Mulej seta’ jwettaq għas-salvazzjoni tal-familja umana li huwa baqa’ ma wettqux; … dak kollu li seta’ twettaq għas-salvazzjoni tagħhom, indipendenti x’ jagħmlu huma, twettaq fis-Salvatur u permezz tas-Salvatur.”16

Il-mexxejja tal-Knisja jorganizzaw l-utied, l-oqsma, il-kworums, l-awżiljarji u l-missjonijiet tal-Knisja fil-kappelli u f’ bini ieħor tagħna. Il-Mulej jorganizza l-familji eterni ġewwa t-tempji biss.

Hija ħaġa ċara li dawk ta’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien li verament nidmu minn dnubiethom jiġu kompletament aċċettati mill-Mulej fid-dar imqaddsa Tiegħu.17 Aħna nafu li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.”18 Waħda mill-aktar affarijiet prezzjużi li jiena nħobb dwar it-tempju hi li fost dawk li jattendu, huma ma jiġux ikkategorizzati skont il-ġid materjali, il-kariga jew il-pożizzjoni li huma għandhom. Għal Alla Aħna lkoll Indaqs Kulħadd jilbes l-abjad bħala simbolu li aħna nies safjin u ġusti.19 Ilkoll ipoġġu bilqiegħda ħdejn xulxin b’ xewqa f’ qalbhom li jkunu wlied denji ta’ Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna.

Immaġni
Kamra tas-siġill ta’ Tempju

Aħsbu ftit, madwar id-dinja bosta nisa u rġiel jistgħu, permezz “ta’ ordinanzi u patti sagri li huma disponibbli fit-tempji mqaddsa … jerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla u … jingħaqdu flimkien għall-eternità.”20 Huma jagħmlu dan f’ kamra tas-siġill mill-aktar sabiħa u sagra li hija disponibbli għall-membri kollha li huma denji biex jidħlu fit-tempju. Wara li huma jidħlu f’ dawn il-patti, huma jkunu jistgħu “jaraw lilhom infushom fil-mirja tat-tempju” li jkollhom quddiemhom. “Flimkien il-mirja tat-tempju jirriflettu min-naħa għall-oħra l-imaġini tagħhom bħallikieku tibqa’ sejra lil hinn fl-eternità.”21 Dawn l-imaġini li jirriflettu fil-mirja jgħinuna nikkontemplaw dwar il-ġenituri u n-nanniet tagħna u l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ qabilna. Jgħinuna nagħrfu l-patti sagri li jgħaqqduna flimkien mal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna. Dan huwa verament sinifikanti, u dan jibda jiġi fis-seħħ meta intom timmaġinaw lilkom infuskom fit-tempju.

Immaġni
Mirja fil-kamra tas-siġill tat-tempju

Il-President Howard W. Hunter qalilna sabiex “nikkunsidraw it-tagħlim majestuż li nsibu fit-talba dedikatorja meraviljuża tat-Tempju ta’ Kirtland, talba li l-Profeta Joseph Smith qal li ġiet mogħtija lilu permezz ta’ rivelazzjoni. Hi talba li tkompli tiġi mwieġba fuq kull wieħed u waħda minna individwalment, fuq il-familji tagħna kif ukoll fuqna bħala poplu minħabba l-qawwa tas-saċerdozju li l-Mulej tana biex nużawha fit-tempji mqaddsa Tiegħu.”22 Ikun tajjeb jekk aħna nistudjaw is- sezzjoni 109 tad-Duttrina u Patti u li nimxu wara l-kmand tal-President Hunter “li nwaqqfu t-tempju tal-Mulej bħala s-simbolu ewlieni tas-sħubija tagħna.”23

It-tempju huwa wkoll post ta’ refuġju, ringrazzjament, tagħlim u għarfien, “sabiex aħna nkunu nistgħu niġu pperfezzjonati … f’ kull ħaġa li tirrigwarda s-salta ta’ Alla fid-dinja.”24 Tul ħajti kollha kien għalija post ta’ trankwillità u paċi f’ dinja li letteralment tinsab f’ konfużjoni.25 Hija ħaġa meraviljuża li nistgħu nħallu warajna l-problemi kollha tad-dinja f’ dak il-post mill-aktar sagru.

Ħafna drabi ġewwa t-tempju, kif ukoll meta aħna ningaġġaw ruħna nirriċerkaw l-istorja tal-familja, aħna nħossu s-suġġerimenti u l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.26 Ġot-tempju xi kultant il-velu li jeżisti bejna u bejn dawk li jinsabu fuq in-naħa l-oħra verament jirqaq. Aħna jkollna ftit aktar assistenza fl-isforzi tagħna li nkunu salvaturi fuq l-Għolja Sijon.

Bosta snin ilu f’ tempju ġewwa l-Amerika Ċentrali, il-mara ta’ wieħed li llum huwa Awtoritjiet Ġenerali emeritus kienet qed tassisti missier, omm u lil uliedhom hekk kif kienu qed jirċievu l-patti eterni tagħhom fil-kamra tas-siġill, post li fih hemm il-mirja tat-tempju. Hekk kif huma waslu fi tmiem l-ordinanza u dawru wiċċhom lejn il-mirja, hija nnutat li fil-mera kien jidher wiċċ ta’ persuna li ma kenitx magħhom fil-kamra. Hija tkellmet mal-omm u saret taf li huma kellhom tifla li kienet mietet u b’ hekk ma kenitx fiżikament preżenti magħhom. It-tifla l-mejta kienet mbagħad ġiet inkluza bi prokura f’ din l-ordinanza sagra.27 Qatt tnaqqsu l-importanza tal-assistenza li fit-tempju tiġi pprovduta lilkom min-naħa l-oħra tal-velu.

Jekk jogħġobkom aħna nixtiqukom tagħrfu kemm aħna verament nixtiequ li kulħadd jagħmel it-tibdil kollu neċessarju biex ikun jista’ jikkwalifika għat-tempju. Bl-għajnuna tat-talb agħtu ħarsa fejn tinsabu f’ ħajjitkom bħalissa, fittxu l-gwida tal-Ispirtu u tkellmu mal-isqof tagħkom dwar kif tistgħu tħejju lilkom infuskom għat-tempju. Il-President Thomas S. Monson qal, “M’ għandu jkollkom l-ebda għan li tridu taħdmu għalih f’ ħajjitkom aktar importanti milli tkunu denji li tmorru fit-tempju.”28

Is-Salvatur “Huwa l-Ġebla tax-Xewka Ewlenija u Immobbli tal-Fidi Tagħna u tal-Knisja Tiegħu”

Xahrejn ilu, jiena kelli l-privileġġ li nieħu sehem flimkien mal-President Henry B. Eyring fid-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Suva, il-Fiji. Kienet okkażżjoni mill-aktar speċjali u sagra. Il-kuraġġ u l-ispirazzjoni spiritwali tal-President Eyring għenu biex id-dedikazzjoni mill-ġdid issir kif kien ippjanat minkejja li ħabbatna wiċċna mal-agħar ċiklun li qatt ħakem l-Emisfera tan-Nofsinhar. Iż-żgħażagħ, il-missjunarji u l-membri ġew ilkoll protetti kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment.29 Kienet ħaġa evidenti li l-influwenza tal-Mulej kienet tinsab magħhom. Id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Suva fil-Fiji kienet verament refuġju mill-maltempata. Ħafna drabi hekk kif aħna nesperjenzaw il-maltempati ta’ ħajjitna, aħna naraw b’ għajnejna l-influwenza tal-Mulej li jipprovdilna l-protezzjoni divina.

Id-dedikazzjoni oriġinali tat-tempju ta’ Suva, fil-Fiji fit-18 ta’ Ġunju, tas-sena 2000, ukoll kienet waħda mill-aktar sinjifikanti. Hekk kif it-tempju kien wasal biex jitlesta, il-membri tal-parlament kienu ttieħdu bħala ostaġġi minn grupp ta’ ribelli. Huma spiċċaw taw in-nar il-qalba tal-belt ta’ Suva, fil-Fiji, u anke kissru u serqu mill-ħwienet u n-negozji. Il-militar iddikjara liġi marzjali.

Bħala l-President Reġjonali, jiena mort flimkien mal-erba’ presidenti tal-wited li kien hemm fil-Fiji u ltqajt mal-mexxejja militari fil-kwartieri tal-armata ta’ Queen Elizabeth. Wara li spjegajnielhom dwar id-dedikazzjoni li kellna ppjanata, huwa wrew is-sapport tagħhom iżda kienu qed jinkwetaw dwar is-sigurtà tal-President Gordon B. Hinckley. Huma rrakkomandaw li nagħmlu dedikazzjoni żgħira mingħajr ma ntellgħu l-ebda avveniment fuq in-naħa ta’ barra tat-tempju, bħall ma jiġri fiċ-ċerimonja tal-ġebla tax-xewka. Huma enfasizzaw li kull min kien ikun fuq in-naħa ta’ barra tat-tempju seta’ jispiċċa l-mira għal xi vjolenza.

Il-President Hinckley approva li ssir biss sezzjoni dedikatorja waħda fuq skala żgħira li fiha jieħdu sehem il-membri l-ġodda tal-presidenza tat-tempju u ftit mexxejja lokali; minħabba l-periklu ħadd ma ġie mistieden. Madankollu, huwa ddikjara bla tlaqliq, “Jekk niddedikaw it-tempju, għandna nagħmlu ċ-ċerimonja tal-ġebla tax-xewka għaliex Ġesù Kristu huwa l-ġebla tax-xewka ewlenija, u din hi l-Knisja Tiegħu.”

Meta aħna fil-fatt ħriġna barra għaċ-ċerimonja tal-ġebla tax-xewka, ma kien hemmx membri, tfal, midja jew nies oħra preżenti. Iżda wieħed profeta mill-aktar fidil wera l-impenn kuraġġjuż u sod tiegħu lejn is-Salvatur.

Aktar tard, il-President Hinckley, meta kien qed jitkellem dwar is-Salvatur, qal: “M’hawn ħadd li jista’ jitqabbel Miegħu. Qatt ma kien hawn. Qatt mhu se jkun hawn. Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal ta’ Ibnu l-Għażiż, li ta ħajtu sabiex aħna nkunu nistgħu ngħixu u li huwa l-ġebla tax-xewka ewlenija u immobbli tal-fidi tagħna u tal-Knisja Tiegħu.”30

Ħuti, nitlob li lkoll kemm aħna nonoraw lis-Salvatur u nagħmlu t-tibdil kollu neċessarju biex inkunu nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna fit-tempji sagri Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu nistgħu nwettqu l-għanijiet mqaddsa Tiegħu u nħejju lilna nfusna u lill-familji tagħna għall-barkiet kollha li l-Mulej u l-Knisja Tiegħu jistgħu jagħtuna f’ din il-ħajja u fl-eternità. Jiena nagħti x-xhieda ċerta tiegħi li s-Salvatur jgħix. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 112:30–32.

  2. It-12-il tempju, it-Tempju ta’ Londra, l-Ingilterra, ġie ddedikat fis-7 ta’ Settembru, 1958.

  3. Doctrine and Covenants 110:6–7.

  4. Shelly Senior, email, 6 ta’ Apr., 2015.

  5. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Liahona, Mejju 2011, 93.

  6. Ara Isaija 2:2.

  7. AraGħabadija 1:21.

  8. Ara1 Pietru 4:6.

  9. AraTeachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 409.

  10. Ara Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff (2004), 177, 192–93.

  11. Doctrine and Covenants 97:15; ara wkoll vers 17.

  12. Isaija 1:18.

  13. Ġeremija 31:34.

  14. Ara Doctrine and Covenants 59:23.

  15. Barra r-rakkomandazzjoni li jħaddnu l-membri adulti li huma adottati, iż-żgħażagħ u l-membri adulti mhux adottati li huma denji jistgħu jiksbu rakkomandazzjoni għal użu limitat għall-magħmudiji tal-mejtin. Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet jeħtieġu l-firma tar-reċipjent li tiċċertifika li huwa personalment den. Ir-rakkomandazzjoni għal użu limitat hija valida għal sena u tipprovdi opportunità għall-membri tal-veskovat biex kull sena huma jiddiskutu ma’ kull persuna kemm hija denja.

  16. Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 32.

  17. Ara Doctrine and Covenants 58:42.

  18. Atti 10:34; ara wkoll Moroni 8:12; Doctrine and Covenants 1:35; 38:16.

  19. Ara Doctrine and Covenants 100:16.

  20. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

  21. Gerrit W. Gong, “Temple Mirrors of Eternity: A Testimony of Family,” Liahona, Nov. 2010, 37.

  22. Teachings of the Presidents of the Church: Howard W. Hunter (2015), 183.

  23. Teachings: Howard W. Hunter, 178.

  24. Ara Doctrine and Covenants 97:13–14.

  25. Ara Doctrine and Covenants 45:26–27.

  26. Aħna spiss nirreferu għal dan bħala l-ispirtu ta’ Elija. Il-President Russell M. Nelson għallem li l-ispirtu ta’ Elija huwa “manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu jagħti li xhieda tan-natura divina tal-familja” (“A New Harvest Time,” Ensign, Mejju 1998, 34).

  27. Qsamt dan bil-permess.

  28. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” 93.

  29. Il-missjunarji u ż-żgħażagħ li twasslu hemmhekk mill-gżejjer tal-madwar ittieħdu fi skejjel tal-Knisja u bini ieħor tal-Knisja li kienu jinsabu ‘l bogħod mill-periklu u b’ hekk kienu ‘l bogħod mill-agħar aspetti taċ-Ċiklun Winston.

  30. Gordon B. Hinckley, “Four Cornerstones of Faith,” Liahona, Fr. 2004, 4–5.

Ipprintja