Familji Eterni
L-obbligu tagħna fis-saċerdozju hu li nieħdu ħsieb il-familji tagħna u l-familji ta’ dawk ta’ madwarna.
Jiena grat li ninsab hawn magħkom illejla fil-laqgħa ġenerali tas-saċerdozju tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Dan huwa mument grandjuż fl-istorja tal-Knisja. Mija u tnejn u tmenin sena ilu, fl-1834, ġewwa Kirtland, Ohio, dawk kollha li jħaddnu s-saċerdozju ġew imsejħin sabiex jiltaqgħu flimkien f’ dar tal-injam li kienet tintuża bħala skola u li kienet kbira 14-il pied kwadru. F’ dik il-laqgħa l-Profeta Joseph Smith ġie rrapportat li qal: “Dwar id-destin ta’ din il-Knisja u din is-saltna intom ma tafux aktar milli taf tarbija li tkun tinsab f’ ħoġor ommha. Ma tistgħux tifhmuha verament. … Hawn illejla qed taraw biss ftit irġiel li jħaddnu s-Saċerdozju, iżda din il-Knisja se timla l-Amerka ta’ Fuq u l-Amerka t’ Isfel—se tilma d-dinja.”1
Miljuni ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju, f’ aktar minn 110 pajjiżi, jinsabu miġburin f’ din is-sezzjoni. Jista’ jkun li l-Profeta Joseph ra dan iż-żmien u l-futur glorjuż li għad irid jasal.
Il-messaġġ tiegħi llejla huwa bażikament attentat biex jien niddeskrivi dan il-futur u x’ għandna nagħmlu biex inkunu parti mill-pjan ta’ ferħ li Missierna tas-Smewwiet ħejja għalina. Qabel twelidna, aħna konna ngħixu ġo familja flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet eżaltat u etern. Huwa ordna pjan li jagħtina ċ-ċans navvanzaw ħalli nsiru bħalu. Huwa għamel dan kollu sforz kemm iħobbna. L-għan tal-pjan kien li jagħtina ċ-ċans li jkollna l-privileġġ li ngħixu għal dejjem kif jgħix Missierna tas-Smewwiet. Dan il-pjan tal-evanġelju offrielna ħajja mortali li fiha aħna niġu ppruvati. Ġejna mwiegħda li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, jekk aħna nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi saċerdotali tal-evanġelju, aħna jkollna l-ħajja eterna, l-akbar fost ir-rigali kollha li tana.
Il-ħajja eterna hija t-tip ta’ ħajja li jgħix Alla l-Missier Etern tagħna. Alla qal li l-għan Tiegħu hu “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39). L-għan kbir ta’ kull min iħaddan is-saċerdozju, għalhekk, hu li jassisti fil-ħidma li jgħin lin-nies jiksbu l-ħajja eterna.
Kull sforz saċerdotali u kull ordinanza saċerdotali huma intenzjonati biex jgħinu jsseħħ bidla f’ ulied Missierna tas-Smewwiet permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu biex huma jsiru membri minn units ta’ familji pperfezzjonati. Dan għaliex “il-ħidma kbira ta’ kull bniedem hi li jemmen l-evanġelju, iżomm il-kmandamenti u joħloq u jipperfezzjona unit tal-familja eterna,”2 u jgħin oħrajn jagħmlu l-istess.
La darba l-verità kollha hija din, l-għan ta’ kull ħaġa li nagħmlu għandu jkun iż-żwieġ ċelestjali. Dan ifisser li għandna nagħmlu l-almu tagħna biex niġu ssiġillati ma’ sieħba eterna fit-tempju ta’ Alla. Għandna nħeġġu wkoll oħrajn sabiex jagħmlu u jżommu l-patti li jorbtu raġel u mara flimkien, mal-familja tagħhom, f’ din il-ħajja u fid-dinja li jmiss.
Għaliex dan hu daqshekk importanti għal kull wieħed u waħda minna—żgħir jew kbir, djaknu jew qassis il-kbir, iben jew missier? Għaliex l-obbligu tagħna fis-saċerdozju hu li nieħdu ħsieb il-familji tagħna u l-familji ta’ dawk ta’ madwarna. Kull deċiżjoni ewlenija għandna tkun ibbażata fuq l-effett li jista’ jkollha fuq il-familja biex din tkun tista’ tikkwalifika li tkun ma’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu. M’hemm xejn fis-servizz saċerdotali tagħna li hu importanti aktar minn hekk.
Ippermettuli ngħidilkom dan x’ jista’ jfisser għal dak id-djaknu li qed jismagħni llejla bħala membru ta’ unit ta’ familja u bħala membru tal-kworum.
Fil-familja tiegħu, jaf qed ikun hemm jew inkella ma jkunx hemm talb tal-familja regolari jew lejla d-dar mal-familja b’ mod frekwenti. Jekk missieru, għax jifhem dawn l-obbligi, jiġbor il-familja flimkien għat-talb jew għall-qari tal-iskrittura, id-djaknu jista’ jmur jiġri jagħmel dan b’ tbissima fuq ħaddejh. Huwa jista’ jħeġġeġ lil ħutu sabiex jipparteċipaw u jfaħħarhom meta huma jagħmlu dan. Huwa jista’ jitlob lil missieru sabiex jagħtih barka meta tibda l-iskola jew f’ xi mument ieħor importanti.
Jista’ jkun li missieru mhux daqstant fidil. Iżda l-istess xewqa ta’ qalbu li f’ ħajtu jkollu dawn l-esperjenzi tistieden il-qawwiet tas-smewwiet fost dawk ta’ madwaru minħabba l-fidi tiegħu. Huma jfittxu li jkollhom il-ħajja tal-familja li dak id-djaknu jkun jixtieq b’ qalbu kollha.
L-għalliem fis-Saċerdozju Aroniku jista’ jara fl-essajnment tiegħu bħala għalliem tad-dar opportunità li jgħin lill-Mulej jibdel il-ħajja ta’ xi familja partikolari. Hekk issuġġerixxa l-Mulej f’ Duttrina u Patti:
“Id-dmir tal-għalliem hu li jħares dejjem lill-membri tal-knisja, u jkun magħhom u jsaħħahom;
”U jara li ma jkunx hemm għemejjel ħżiena fil-knisja, ma jkunx hemm ebusija ta’ qalb bejniethom, lanqas gideb, zekzik jew kliem velenuż” (D&C 20:53–54).
Bl-istess mod, il-qassis fis-Saċerdozju Aroniku ġie mogħti l-istess kmand:
“Id-dmir tal-qassis hu li jgħallem, jispjega, jeżorta u jgħammed u jamministra s-sagrament,
“U jżur id-dar tal-membri kollha, u jitlobhom bil-ħerqa sabiex jitolbu kemm bil-fomm kif ukoll f’ qalbhom u jieħdu ħsieb id-dmirijiet kollha tal-familja” (D&C 20:46–47).
Tafu ma tħossukomx ċerti, kif ħassejtni jiena meta kont għadni għalliem u qassis żagħżugħ, kif se tilqgħu dawk l-isfidi kollha. Jiena qatt ma kont ċert kif kont stajt inwissihom b’ mod li nressaq il-membri ta’ xi familja lejn il-ħajja eterna mingħajr ma noffendihom jew nidher li qed nikkritikahom. Jiena tgħallimt li l-unika twissija li tibdel il-qlub tasal mingħand l-Ispirtu s-Santu. Dan jiġri ta’ spiss hekk kif aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna dwar is-Salvatur, li kien u hu l-membru perfett tal-familja. Hekk kif aħna niffokaw l-imħabba tagħna fuqu, l-armonija u l-paċi jikbru fid-djar li aħna nżuru. L-Ispirtu s-Santu jkun magħna fis-servizz li aħna nagħtu lill-familji.
Dak iż-żagħżugħ li jħaddan is-saċerdozju jaf, bil-mod li bih huwa jitlob, bil-mod li jitkellem, u bil-mod li huwa jħeġġeġ lill-membri tal-familja, iressaq l-influwenza u l-eżempju tas-Salvatur f’ moħħhom u f’ qalbhom.
Wieħed mexxej tas-saċerdozju mill-aktar għaqli wrieni li dan kien fehmu verament. Huwa talab lil ibni biex ikun hu li jmexxi ż-żjara tat-tagħlim tad-dar waqt żjara li kienu se jagħmlu flimkien. Huwa qal li l-familja taf tirreżisti t-twiddib tagħhom, iżda huwa ħaseb li t-tagħlim u t-testimonjanza sempliċi ta’ daqsxejn ta’ tfajjel taf jirnexxielha tippenetra aktar il-qlub iebsa tagħhom.
X’ jista’ jagħmel il-presbiteru żagħżugħ biex jgħin fil-ħolqien tal-familji eterni? Jista’ jkun li dalwaqt wasal biex imur iservi missjoni. Huwa jista’ jitlob b’ qalbu kollha li jkun kapaċi jsib, jgħallem u jgħammed xi familji. Jien għadni niftakar il-jum meta wieħed żagħżugħ gustuż flimkien mal-għarusa ħelwa tiegħu u ż-żewġt ibniet ħelwin tagħhom kienu bilqiegħda ħdejja u ħdejn sieħbi l-missjunarju. L-Ispirtu s-Santu ġie fostna u xehed magħhom li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kien ġie rrestawrat. Huma emmnu biżżejjed li anke staqsewna jekk nistgħux nagħtu barka liż-żewġt itfal tagħhom kif raw iseħħ f’ waħda mil-laqgħat sagramentali tagħna. Huma diġà kienu wrew ix-xewqa li uliedhom jiġu mberkin, iżda kienu għadhom ma fehmux sew li l-ogħla barkiet setgħu jiġu fis-seħħ biss fit-tempji ta’ Alla wara li huma jkunu għamlu l-patti li kien jeħtieġ li jagħmlu.
Sal-lum għadni nħoss bħal weġgħa f’ qalbi meta naħseb fuq din il-koppja u dawk iż-żewġt ibniet, li llum probabbilment kibru fl-età, mingħajr il-wegħda ta’ familja eterna. Il-ġenituri tagħhom kellhom tal-anqas għarfien ċkejken tal-barkiet li setgħu jkunu disponibbli lilhom. It-tama tiegħi hi li huma b’ xi mod, x’imkien għad għandhom l-opportunità li jikkwalifikaw biex ikunu familja eterna.
Xi presbiteri oħra li se jmorru fuq missjoni jista’ jkun li jaf ikollhom l-esperjenza aktar sabiħa li kellu ibni Matthew. Hu u s-sieħeb tiegħu sabu waħda armla, omma ta’ ħdax il-tifel u tifla, li kienet tgħix f’ ċirkustanzi mill-aktar umli. Huwa ried li huma jkollhom dak li tridu intom—familja eterna. Għal ibni, f’ dak il-ħin partikolari, din dehret bħala ħaġa impossibbli jew verament diffiċli.
Jiena mort inżur dik il-belt bosta snin wara li ibni kien għammed lil dik l-armla u hija stednitni fil-knisja biex niltaqa’ mal-familja tagħha. Kelli nistenna daqsxejn mhux ħażin għaliex ħafna minn uliedha, flimkien mal-ħafna neputijiet tagħha, kellhom jiġu minn għadd ta’ djar tal-laqgħat differenti fl-inħawi. Wieħed mit-tfal tagħha kien qed iservi b’ mod leali fil-veskovat, ħafna minn uliedha kienu ġew imberkin permezz tal-patti tat-tempju, u hija tinsab issiġillata ġo familja eterna. Hekk kif kont se nħalli lil din l-oħt għażiża, hi għannqitni waħda kbira madwar qaddi (hija tant kienet qasira li bilkemm kienet tlaħħaq ma’ qaddi) u qaltli, “Jekk jogħġbok, għid lil Mateo biex qabel immut jiġi lura ċ-Ċili.” Hija ġiet mogħtija, grazzi għal dawk il-presbiteri fidili, l-antiċipazzjoni li xi darba hija tirċievi l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.
Hemm ċerti affarijiet li wieħed presbiteru, hekk kif imur lura d-dar mill-missjoni, għandu jagħmel biex ikun leali lejn l-impenn tiegħu li jfittex il-ħajja eterna għalih innifsu u għal dawk li jħobb. M’hemm l-ebda impenn f’ din il-ħajja u fl-eternità aktar importanti miż-żwieġ. Intom ġejtu mogħtija l-parir mill-aktar għaqli sabiex iż-żwieġ ikun priorità ewlenija fil-pjanijiet tagħkom wara l-missjoni. Dak il-qaddej fidil li jħaddan is-saċerdozju jagħmel dan b’ għaqal.
Meta jkun qed jikkonsidra ż-żwieġ, huwa jara li hu jkun qed jagħżel il-ġenituri ta’ wliedu u l-wirt li huma se jkollhom. Huwa jasal għal din l-għażla billi jfittex bis-serjetà kollha u bl-għajnuna tat-talb jikkunsidra sewwa l-għażla tiegħu. Huwa jrid ikun ċert li l-persuna li se jiżżewweġ għandha l-istess ideali tiegħu għall-familja, u l-istess konvinzjoni tiegħu tal-għan tal-Mulej għaż-żwieġ u li hi persuna li jkun lest jafda f’ idejha l-hena ta’ wliedu.
Il-President N. Eldon Tanner ta dan il-kunsill mill-aktar għaqli: “L-aktar ġenituri li intom għandkom tonoraw fost il-ġenituri kollha huma dawk li għad ikunu l-ġenituri tat-tfal futuri tagħkom. Dawk it-tfal huma intitolati li jkollhom l-aqwa ġenituri possibbli li intom tistgħu tagħtuhom—ġenituri safja.”3 Il-Purità tkun l-akbar protezzjoni tagħkom u l-protezzjoni ta’ wliedkom. Intom obbligati lejhom din il-barka.
Issa, hawn xi rġiel miżżewġin u missirijiet li qed jisimgħuni llejla. Intom x’ tistgħu tagħmlu? It-tama tiegħi hi li x-xewqa tagħkom kibret tant li intom lesti twettqu l-bidliet kollha neċessarji kemm għalikom kif ukoll għall-familja tagħkom biex xi darba tgħixu flimkien fis-saltna ċelestjali. Bħala missier li jħaddan is-saċerdozju, bil-mara tagħkom ħdejkom, intom tistgħu tmissu l-qlub tal-membri kollha tal-familja biex tħeġġuhom ħalli jħarsu ‘l quddiem għal dak il-jum. Intom tattendu l-laqgħat sagramentali tagħkom flimkien mal-familja tagħkom, intom ikollkom laqgħat tal-familja li fihom tistiednu l-Ispirtu s-Santu, intom titolbu flimkien ma’ martkom u mal-familja tagħkom u intom tħejju lilkom infuskom biex tieħdu l-familja tagħkom ġewwa t-tempju. Intom timxu magħhom fit-triq li twassal sad-dar ta’ familja eterna.
Intom tittrattaw lil martkom u lil uliedkom bl-istess mod li Missierna tas-Smewwiet jittratta lilkom. Intom timxu wara l-eżempju u d-direzzjoni tas-Salvatur u tmexxu l-familja tagħkom bil-mod Tiegħu.
“L-ebda qawwa jew influwenza ma tista’ tinkiseb permezz tal-virtù tas-saċerdozju, imma tinkiseb biss permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u l-manswetudni, u tal-imħabba ġenwina;
“Permezz tat-tjubija u l-għarfien pur, li għandu jkabbar verament ir-ruħ mingħajr ebda ipokresija, u mingħajr ħażen—
”Ċanfar kmieni bir-reqqa, meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tal-Ispirtu s-Santu; u mbagħad wara uri mħabba akbar lejn dak li inti ċanfart, ma jmurx jibda jikkunsidrak bħala għadu tiegħu.” (D&C 121:41–43).
Il-Mulej qal lill-missirijiet li jħaddnu s-saċerdozju x’ tip ta’ rġiel għandhom ikunu. Huwa qal, “Int għandek tħobb lil martek b’ qalbek kollha u torbot qalbek magħha biss u ma’ ħadd iżjed” (D&C 42:22). Meta l-Mulej ikellem kemm lir-raġel kif ukoll lill-mara, Huwa jikkmandahom, “Twettqux … adulterju, … jew xi ħaġa li tixbhu” (D&C 59:6).
Għaż-żgħażagħ, il-Mulej iddeskriva x’ għandu jkun l-istandard. “Tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej” (Kolossin 3:20) u “weġġaħ lil missierek u ’l ommok” (Eżodu 20:12).
Meta l-Mulej ikellem lill-membri kollha tal-familja, il-kunsill Tiegħu hu li għandhom iħobbu u jissapportjaw lil xulxin.
Huwa talabna biex “nagħmlu li nistgħu biex nipperfezzjonaw il-ħajja ta’ kull … membru” tal-familja, li “nsaħħu lid-dgħajjef; inġibu lura lil dak li qabad triq oħra u nifirħu fil-qawwa tat-tiġdid spiritwali tagħhom.”4
Il-Mulej jitlob ukoll li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lill-antenati mejtin tagħna biex ikunu magħna fid-dar eterna tagħna.
Il-mexxej tal-grupp tal-qassisin il-kbar li ħadem b’ diliġenza biex jgħin lin-nies isibu lill-antenati tagħhom u biex huma jieħdu l-ismijiet fit-tempju jinsab isalva lil dawk li telqu minn din id-dinja qabilna. Kemm se jsibu min jirringrazzjahom lil dawk il-qassisin il-kbar u lil dawk li joffru l-ordinanzi, għaliex huma ma nsewx lill-membri tal-familja li jinsabu jistennew fid-dinja tal-ispirti.
Il-Profeti qalu: “L-aktar ħidma importanti tal-Mulej li intom qatt tistgħu tagħmlu se tkun il-ħidma li tagħmlu bejn il-ħitan ta’ djarkom. It-tagħlim tad-dar, il-ħidma tal-veskovat u d-dmirijiet l-oħra tal-Knisja huma kollha importanti, iżda l-aktar ħidma importanti tinsab bejn il-ħitan ta’ djarkom.”5
Fi djarna u fis-servizz saċerdotali tagħna, l-akbar valur ikun fl-għemejjel żgħar li jgħin lilna u lil dawk li nħobbu naħdmu lejn il-ħajja eterna. Dawn l-għemejjel jafu jidhru verament żgħar f’ din il-ħajja, iżda huma jwasslu għall-barkiet ta’ dejjem fl-eternità.
Hekk kif aħna nkunu fidili fis-servizz tagħna li ngħinu lil ulied Missierna tas-Smewwiet imorru lura għandu, aħna nikkwalifikaw għall-merba li lkoll kemm aħna verament nixtiequ li nisimgħu meta ntemmu l-ministeru tagħna fid-dinja. Dan huwa l-kliem: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.” (Mattew 25:21).
Fost dawk il-””ħafna” insibu l-wegħda li n-numru ta’ dixxendenti tagħna jista’ jkun wieħed bla tmiem. It-talba tiegħi hi li jalla aħna nikkwalifikaw ilkoll u ngħinu lil ħaddieħor jikkwalifika għal din il-barka divina fid-dar ta’ Missierna u ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.