Infaħħar lil Dawk li Jissalvagwardjaw
Hekk kif aħna nimitaw l-imħabba tas-Salvatur, Huwa żgur ibierek u jiffjorixxi l-isforzi xierqa tagħna biex aħna nsalvaw iż-żwieġ tagħna u nsaħħu l-familji tagħna.
Numru ta’ snin ilu, jiena kont ninsab fit-Tempju ta’ Frankfurt, il-Ġermanja, meta nnotajt koppja anzjana jżommu id f’ id. Il-ħlewwa u l-affezzjoni kollha mħabba li bdew juru lejn xulxin verament missewli qalbi.
Jiena mhux ċert għal kollox għalfejn din ix-xena effettwatni b’ daqstant profondità. Forsi kienet il-ħlewwa tal-imħabba li dawn iż-żewġ anzjani wrew lejn xulxin—simbolu mill-isbaħ ta’ perseveranza u impenn. Kien jidher biċ-ċar li din il-koppja kienet ilha flimkien għal snin twal u l-affezzjoni ta’ bejniethom kienet għadha waħda mill-aktar ħajja u b’ saħħitha.
Soċjetà ta’ Ħwejjeġ li Tużahom u Tarmihom
Naħseb raġuni oħra għalfejn din ix-xena ħelwa baqgħet f’ moħħi dawn is-snin kollha hi minħabba l-kuntrast tagħha mqabbla mal-attitudni ta’ xi wħud fi żmienna. F’ bosta soċjetajiet madwar id-dinja, donnu li kull ħaġa qiegħda hemm biex tintuża u tintrema. Hekk kif xi ħaġa tibda taħdem xi ftit ħażin jew ikun qed jidher iż-żmien fuqha—jew anke meta sempliċiment nixbgħu minnha—nispiċċaw narmuha u nibddluha ma’ xi ħaġa aqwa, xi ħaġa aktar ġdida jew aktar tlellex.
Hekk nagħmlu bil-mowbajls, bil-ħwejjeġ, bil-karozzi—u, b’ mod traġiku, saħansitra bir-relazzjonijiet tagħna.
Filwaqt li jaf ikun hemm raġuni għalfejn niddisponu minn ħwejjeġ materjali li ma nibqgħux neħtieġu f’ ħajjitna, meta niġu għall-ħwejjeġ ta’ importanza eterna—iż-żwiġijiet tagħna, il-familji tagħna u l-valuri tagħna—it-tendenza li nibdlu l-antik mal-ġdid taf twassal għal rimors profond f’ ħajjitna.
Jiena grat li jien parti minn knisja li tgħożż iż-żwieġ u l-familja. Il-membri tal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huma magħrufin madwar id-dinja li jipproduċu wħud mill-aqwa żwiġijiet u familji li tista’ ssib. Jiena nemmen li waħda mir-raġunijiet hi minħabba l-verità prezzjuża rrestawrata permezz ta’ Joseph Smith li ż-żwiġijiet u l-familji intenzjonati li jkunu eterni. Il-familji mhumiex biss arranġamenti biex ngħixu ħajja aktar konvenjenti hawn fid-dinja, li mbagħad ma nkunux neħtiġuhom aktar meta naslu fis-smewwiet. Pjuttost, huma l- ordni tas-smewwiet. Huwa l-eku ta’ mudell ċelestjali, imitazzjoni tal-familja eterna ta’ Alla.
Iżda r-relazzjonijiet b’ saħħithom taż-żwieġ u l-familja ma jseħħux sempliċiment għax aħna membri tal-Knisja. Jeħtieġu ħidma kostanti u intenzjonata. Id-duttrina tal-familji eterni għandha tispirana biex niddedikaw l-aqwa sforzi tagħna ħalli nsalvaw u ntejbu ż-żwiġijiet u l-familji tagħna. Jien nammira u napplawdi lil dawk li jippreservaw u jsostnu dawn ir-relazzjonijiet importanti u eterni.
Illum, nixtieq infaħħar lil dawk li jissalvagwardjaw.
Nissalvagwardjaw iż-Żwiġijiet Tagħna
Tul is-snin, jiena wettaqt l-ordinanza tas-siġill għal bosta koppji li jħobbu lil xulxin u jħarsu ’l quddiem b’ tama. Qatt għadni ma ltaqjt ma’ xi koppja li, hekk kif ħarsu lejn xulxin ħdejn l-artal, bdew jaħsbu li setgħu jispiċċaw iddivorzjati u b’ qalbhom maqsuma.
Sfortunatament, xi wħud hekk jispiċċaw.
Madankollu, hekk kif igerrbu s-snin u l-kulur tal-imħabba romantika jibda jinbidel, hemm xi wħud li, ftit ftit, jieqfu jaħsbu dwar l-imħabba ta’ xulxin u jibdew jinnotaw id-difetti żgħar f’ xulxin. F’ ambjent bħal dan, xi wħud jibdew jaslu fil-konklużjoni traġika li marthom mhux brava biżżejjed, ma tafx tiddeverti biżżejjed jew mhux żagħżugħa biżżejjed. U b’ xi mod huma jnibbtu f’ moħħhom idea li tagħtihom raġun għalfejn għandhom jibdew ifittxu x’imkien ieħor.
L-aħwa, jekk dan li għadni kif semmejt jiddeskrivi b’xi mod lilkom, jiena nwiddibkom li intom tinsabu fit-triq li twassal għal żwiġijiet imkissrin, familji mkissrin u qlub muġugħa. Nitlobkom b’ ħerqa sabiex tieqfu issa, dawru d-direzzjoni tagħkom u erġgħu lura għat-triq li żżommkom ‘il bogħod mill-periklu, it-triq tal-integrità u l-lealtà lejn il-patti tagħkom. U, bla dubju, l-istess prinċipji japplikaw għal għeżież ħutna n-nisa.
Issa, ippermettuli nkellem lil dawk ħutna li mhumiex miżżewġin li qed jitqarrqu meta jaħsbu li l-ewwel għandhom isibu l-”mara perfetta” qabel jibdew jinnamraw bis-serjetà jew jaħsbu għaż-żwieġ.
Għeżież ħuti, ippermettuli nfakkarkom, jekk teżisti xi mara perfetta, intom taħsbu li hi se tkun daqshekk interessata fikom?
Fil-pjan ta’ ferħ ta’ Alla, aħna m’aħniex daqstant infittxu xi ħadd li hu perfett iżda persuna li magħha, fis-snin kollha ta’ ħajjitna, nistgħu ngħaqqdu l-isforzi tagħna flimkien biex noħolqu relazzjoni ta’ mħabba, dejjiema u aktar perfetta. Dan huwa l-għan.
L-Aħwa, dawk li jissalvagwardjaw iż-żwiġijiet tagħhom jifhmu li din it-tfittxija teħtieġ il-ħin, il-paċenzja, u fuq kollox, il-barkiet tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Teħtieġ li intom tkunu twajbin, ma jkollkomx għira, ma tfittxux dak li hu tagħkom, ma tinkorlawx, ma żżommux f’ qalbkom għad-deni u tifirħu bil-verità. Fi kliem ieħor, teħtieġ li jkollkom il-karità, l-imħabba pura ta’ Kristu.1
Dan kollu ma jseħħx f’ ħakka t’għajn. L-aqwa żwiġijiet jinbnew ġebla fuq ġebla, jum wara jjum, tul ħajjitkom.
U din hija aħbar tajba.
Għaliex hi kemm hi diffiċli r-relazzjoni tagħkom bħalissa, jekk intom tkomplu żżidu magħha ċ-ċagħaq tat-tjubija, tal-kompassjoni, tas-sagrifiċċju, tal-altruwiżmu, u li tisimgħu u tifhmu lil xulxin, eventwalment tibdew taraw tikber quddiem għajnejkom piramida mill-aqwa.
Jekk dan jidher li qed jieħu żmien verament twil biex iseħħ, ftakru: iż-żwiġijiet hienja huma intenzjonati li jibqgħu għal dejjem! Għalhekk “qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tibnu l-pedament ta’ żwieġ mill-aqwa. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.”2
Din hi ħidma fuq medda ta’ żmien, iżda m’għandhiex għalfejn tkun ħidma monotona. Fil-fatt, minkejja li jista’ jkun se ngħid ħaġa li tidher ovvja, id-divorzju rararment iseħħ meta r-raġel u l-mara jkunu jinsabu ferħanin.
Għalhekk kunu ferħanin!
U l-aħwa, issorprendu lil martkom billi tagħmlu ħwejjeġ li lilha jferrħuha.
Dawk li jissalvagwardjaw iż-żwiġijiet tagħhom jagħżlu l-ferħ. Għalkemm huwa veru li xi tipi ta’ dipressjoni kronika jeħtieġu trattament speċjalizzat, jiena nemmen f’ dan il-ftit kliem ta’ għerf minn Abraham Lincoln: “Ħafna nies huma kuntenti daqs kemm jagħżlu huma li jkunu kunteni.” Din toqgħod tajjeb ħafna ma’ din l-iskrittura: “Fittxu, u ssibu.”3
Jekk infittxu l-imperfezzjoni fil-mara tagħna jew l-affarijiet li jurtawna fiż-żwieġ tagħna, aħna żgur li nsibuhom, għax kulħadd għandu xi ftit. Mill-banda l-oħra, jekk infittxu t-tajjeb, żgur insibuh, għaliex kulħadd għandu wkoll ħafna kwalitajiet tajbin.
Dawk li jissalvagwardjaw iż-żwiġijiet tagħhom jaqtgħu l-ħaxix ħażin u jbixxu l-fjuri. Huma jiċċelebraw l-atti żgħar ta’ grazzja li jispiraw ċerta sentimenti ħelwin ta’ karità. Dawk li jissalvagwardjaw iż-żwiġijiet jissalvagwardjaw lil ġenerazzjonijiet futuri.
L-aħwa, ftakru għalfejn intom sirtu tħobbu lil xulxin.
Aħdmu kuljum biex iż-żwieġ tagħkom ikun wieħed aktar b’ saħħtu u aktar kuntent.
Għeżież ħbieb tiegħi, ejjew nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkunu kkunsidrati fost dawk l-erwieħ qaddisa u ferħana li jissalvagwardjaw iż-żwiġijiet tagħhom.
Nissalvagwardjaw il-Familji Tagħna
Illum, nixtieq infaħħar lil dawk li jissalvagwardjaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-familji tagħhom. Kull familja teħtieġ min jissalvagwardjaha.
Hi kemm hi ħaġa mill-isbaħ li din il-Knisja hi magħrufa għall-familji b’ saħħithom tagħha, ħafna drabi inħossu li dan japplika għal kull familja oħra Qaddisa tal-Aħħar Jiem iżda mhux għal tagħna. Iżda r-realtà hi li familji perfetti ma jeżistux.
Kull familja tgħaddi minn mumenti imbarazzanti.
Bħal meta l-ġenituri tiegħek jistaqsuk biex tieħu ritratt ”selfie” tagħhom, jew meta z-zija ta’ missierek tinsisti li inti għadek mhux miżżewweġ għaliex tipprova tfittex kull difett jew meta ħuk tar-rispett jargumenta miegħek li l-opinjoni politika tiegħu tixbah lil dak li hemm fl-evanġelju jew meta missierek jirranġa r-ritratt tal-familja b’ kulħadd liebes qisu xi karattru mill-film favorit tiegħu.
U lilek jisfurzak tilbes kostum li bih ma tibqax tingħaraf aktar min inti.
Hekk huma l-familji.
Nafugħandna fina l-istess ġene, iżda b’daqshekk ma jfissirx li aħna l-istess. Aħna għandna spirti uniċi. Niġu influwenzati b’ modi differenti permezz tal-esperjenzi tagħna. U, b’ riżultat ta’ dan, kull wieħed u waħda minna nispiċċaw differenti minn xulxin.
Minflok ma nippruvaw nisfurzaw lil kulħadd biex jieħu l-istess forma tagħna, aħna nistgħu nagħżlu li niċċelebraw dawn id-differenzi u napprezzawhom għaliex dawn iżidu d-diversità u jipprovdulna diversi sorpriżi f’ ħajjitna.
Xi kultant, madankollu, il-membri tal-familji tagħna jagħmlu ċerta għażliet jew ċerti ħwejjeġ li huma bla ħsieb, li jweġġgħu jew li huma immorali. X’ għandna nagħmlu f’ dawn il-każijiet?
M’hemm l-ebda soluzzjoni li taħdem għal kull sitwazzjoni. Dawk li jissalvagwardjaw il-familji tagħhom jirnexxu għaliex huma jiddiskutu mal-mara u l-familja tagħhom, ifittxu r-rieda tal-Mulej u jisimgħu s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Huma jafu li dak li huwa tajjeb għal xi familja jaf ma jkunx tajjeb għal oħra.
Madankollu, hemm ħaġa li tgħodd għal kull familja.
Fil-Ktieb ta’ Mormon nitgħallmu dwar nies li skoprew is-sigriet tal-ferħ. Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, “ma kien hemm l-ebda tilwim. … U verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla.” Kif irnexxielhom jagħmlu dan? “Minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’ qalb il-poplu.”4
Huma x’inhuma l-problemi li qed tħabbat wiċċha magħhom il-familja tagħkom, huma x’inhuma dawk l-affarijiet li jeħtieġ tagħmlu biex issolvuhom, il-bidu u t-tmiem tas-soluzzjoni hija l-karità, l-imħabba pura ta’ Kristu. Mingħajr din l-imħabba, anke dawk il-familji li jkunu jidhru perfetti jsibuha diffiċli. Permezz tagħha, anke dawk il-familji li għaddejjin minn sfidi kbar jirnexxu.
Il-karità ma tmut qatt.”5
Dan huwa minnu biex aħna nissalvagwardjaw iż-żwiġijiet tagħna! Dan huwa minnu biex aħna nissalvagwardjaw il-familji tagħna!
Warrbu fil-Ġenb il-Suppervja
L-akbar għadu tal-karità hija s-suppervja. Is-suppervja hi waħda mill-akbar raġunijiet għaliex ċerta żwiġijiet u familji jinsabu f’ tant taqbid. Is-suppervja taqbżilha malajr, mhijiex ħanina u hija għajjura. Is-suppervja tkabbar il-pożittiv fik innifsek u tinjora l-virtujiet tal-oħrajn. Is-suppervja hija egoista u tipprovoka ruħha malajr. Is-suppervja tassumi li hemm intenzjoni ħażina meta ma jkunx hemm, u taħbi d-dgħjufijiet tagħha wara ċerta skużi kollha makakkerija. Is-suppervja hija ċinika, pessimista, kollha rabja u mingħajr paċenzja. Fil-fatt, jekk il-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu, mela s-suppervja hija l-karatteristika li tiddeskrivi l-aħjar lil Satana.
Is-suppervja hija falliment komuni fost il-bnedmin. Iżda mhijiex parti mill-wirt spiritwali tagħna, u m’hemmx post għaliha fost dawk li jħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla.
Ħuti, il-ħajja qasira. Id-dispjaċiri jafu jibqgħu magħna għal żmien twil—xi wħud jafu għandhom riperkussjonijiet li jibqgħu jidwu tul l-eternità.
Il-mod kif tittrattaw lil martkom jew lil uliedkom jew lill-ġenituri tagħkom jew lil ħutkom jaf jinfluwenza lil ġenerazzjonijiet li għad jiġu warajkom. Intom x’ wirt tridu tħallu lid-dixxendenti tagħkom ? Wieħed ta’ ħruxija, tpattija, rabja, biża’ jew iżolament? Jew wieħed ta’ mħabba, umiltà, maħfra, kompassjoni, tkabbir spiritwali u għaqda?
Ilkoll jeħtieġ niftakru li “Il-ġudizzju huwa mingħajr ħniena għal dak li ma jurix ħniena.”6
Għall-ġid tar-relazzjonijiet fil-familja tagħkom, għal ġid tagħkom stess, jekk jogħġobkom uru l-ħniena, għaliex “il-ħniena tittrijonfa fuq il-ġudizzju.”7
Warrbu fil-ġenb is-suppervja.
Li sinċerament titolbu maħfra lil uliedkom, lil martkom, lill-familja tagħkom jew lil sħabkom mhuwiex sinjal ta’ dgħjufija iżda ta’ qawwa. Li jkollkom raġun hu aktar importanti milli intom tikkultivaw ambjent fejn tieħdu ħsieb xulxin u ambjent ta’ fejqan u mħabba?
Il-pontijiet għandkom tibnuhom u mhux teqirduhom.
Anke meta ma jkollkomx tort—anzi speċjalment meta ma jkollkomx tort—ħallu l-imħabba tegħleb is-suppervja.
Jekk tagħmlu dan, hi x’inhi l-avversità li qed tħabbtu wiċċkom magħha, din żgur li tgħaddi, u minħabba l-imħabba ta’ Alla li jkun hemm f’ qalbkom, it-tilwim ma jibqax aktar fostkom. Dawn il-prinċipji li jissalvagwardjaw ir-relazzjonijiet tagħna japplikaw għalina lkoll, irrilevanti jekk aħniex miżżewġin, iddivorzjati, romol jew single. Aħna lkoll nistgħu nkunu salvaturi ta’ familji b’ saħħithom.
L-Akbar Imħabba
L-aħwa, fl-isforzi tagħna biex nissalvagwardjaw iż-żwiġijiet u l-familji tagħna, bħal f’ kull ħaġa oħra, ejjew nimxu wara l-eżempju ta’ Dak li jissalvagwardjana kollha kemm aħna. Is-Salvatur tagħna rebaħ “ruħna bl-imħabba.”8 Ġesù Kristu huwa l-Imgħallem tagħna. Il-ħidma Tiegħu hija l-ħidma tagħna. Hija ħidma ta’ salvataġġ, u tibda fi djarna.
L-imħabba fil-pjan tas-salvazzjoni hija waħda altruwista u tfittex il-benesseri tal-oħrajn. Din hi l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina.
Hekk kif aħna nimitaw l-imħabba tas-Salvatur, Huwa żgur ibierek u jiffjorixxi l-isforzi xierqa tagħna biex aħna nsalvaw iż-żwieġ tagħna u nsaħħu l-familji tagħna.
Jalla l-Mulej iberikkom fl-isforzi kontinwi u xierqa tagħkom li tkunu fost dawk li tissalvagwardjaw lill-oħrajn. Din hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.