Missirijiet
Illum jien se niffoka fuq it-tajjeb kollu li l-irġiel jistgħu jwettqu fl-ogħla rwol tagħhom bħala rġiel—bħala rġiel miżżewġin u missirijiet.
Illum se nitkellem dwar il-missirijiet. Il-missirijiet huma fundamentali fil-pjan divin tal-ferħ, u nixtieq nsemma’ leħni biex ninkuraġġixxi lil dawk li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex iwettqu b’ mod tajjeb din is-sejħa. Li tfaħħar u tħeġġeġ l-irwol ta’ missier u lill-missirijiet ma jfissirx li tkun qed tmaqdar jew tiżvaluta lil xi ħadd ieħor. Illum jien se niffoka fuq it-tajjeb kollu li l-irġiel jistgħu jwettqu fl-ogħla rwol tagħhom bħala rġiel—bħala rġiel miżżewġin u missirijiet.
David Blankenhorn, l-awtur ta’ Fatherless America, osserva: “Illum, is-soċjetà Amerikana hija fundamentalment maqsuma u mhijiex daqstant ċerta dwar il-kunċett tal-irwol ta’ missier. Xi nies lanqas biss jiftakru x’inhu dan l-irwol. Oħrajn joffendu ruħhom bih. Oħrajn, fosthom numru mhux ħażin ta’ studjużi tal-familja, jinjorawh jew ma jaqblux miegħu. Ħafna oħrajn mhux eżattament jopponuh, iżda lanqas ma huma tant ħerqanin isemmgħu leħinhom favur tiegħu. Bosta nies jixtiequ li nagħmlu xi ħaġa dwar dan, iżda jemmnu li s-soċjetà tagħna sempliċiment ma tista’ tagħmel xejn.”1
Bħala Knisja, aħna nemmnu fil-missirijiet. Aħna nemmnu “fl-ideal tar-raġel li jpoġġi l-ewwel il-familja tiegħu.”2 Aħna nemmnu li “permezz ta’ pjan divin, il-missirijiet għandhom jippresidu fuq il-familji tagħhom bl-imħabba u bis-sewwa, u huma responsabbli li jipprovdu l-bżonnijiet tal-ħajja u l-protezzjoni għall-familji tagħhom.”3 Aħna nemmnu li fid-dmirijiet komplimentari tagħhom fil-familja, “il-missirijiet u l-ommijiet huma obilgati li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs.”4 Aħna nemmnu li mhux talli l-missirijiet huma meħtieġa, iżda l-missirijiet huma uniċi u xejn ma jista’ joħdilhom posthom.
Xi wħud jaraw it-tajjeb fl-irwol ta’ missier f’ termini soċjali, bħal xi ħaġa li tobbliga l-irġiel lejn uliedhom, tħeġġiġhom biex ikunu ċittadini tajbin u biex jaħsbu dwar il-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor, jissuplimentaw “l-investiment maternali fit-tfal permezz tal-investiment paternali fit-tfal. … F’ kelma waħda, importanti għall-irġiel li jkunu missirijiet. Importanti għat-tfal li jkollhom il-missirijiet f’ ħajjithom. Importanti għas-soċjetà li toħloq il-missirijiet.”5 Għalkemm dawn il-konsiderazzjonijiet huma ċertament vera u importanti, aħna nafu li l-irwol ta’ missier huwa ferm aktar minn xi kunċett soċjali jew minn xi prodott tal-evoluzzjoni. L-irwol ta’ missier huwa ta’ oriġini divina, nibdew b’ Missier fis-Smewwiet u, f’ din l-isfera mortali, b’ Missierna Adam.
Missierna tas-Smewwiet huwa l-espressjoni perfetta u divina tal-irwol ta’ missier. Il-karattru u l-kwalitajiet tiegħu jinkludu t-tjubija abbundanti u l-imħabba perfetta. Il-ħidma u l-glorja Tiegħu huma l-iżvilupp, l-hena u l-ħajja eterna ta’ wliedu.6 Il-missirijiet f’ din id-dinja imperfetta ma jistgħux jippretendu li huma wisq imqabblin mal-Majestà fil-Smewwiet, iżda huma jistgħu jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu jixbhuh u fil-fatt jaħdmu fil-ħidma Tiegħu. Huma għandhom iħossuhom onorati li ġew mogħtija daqstant fiduċja tal-għaġeb.
Lilna l-irġiel, l-irwol ta’ missier jesponi d-dgħjufijiet tagħna u l-bżonn li aħna nitjiebu. L-irwol ta’ missier jeħtieġ minna li nagħmlu s-sagrifiċċju, iżda huwa sors ta’ sodisfazzjon u saħansitra ta’ ferħ inkomparabbli. Għal darb’oħra, l-aqwa mudell tagħna huwa Missierna tas-Smewwiet, li tant ħabbna, l-ulied spirtu Tiegħu, li offra lil Uniku Iben Waħdieni Tiegħu għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tagħna.7 Ġesù qal, “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.”8 Il-missirijiet juru din l-imħabba hekk kif jum wara jum huma jgħaddu ħajjithom jaħdmu biex jissapportjaw lil familji tagħhom u jkunu ta’ servizz għalihom.
Forsi l-aktar ħidma essenzjali ta’ missier hi li jdawwar qlub uliedu lejn Missierhom tas-Smewwiet. Jekk permezz tal-eżempju tiegħu kif ukoll permezz ta’ kliemu dan il-missier ikun jista’ juri xi tfisser għal Alla l-fedeltà permezz tal-ħajja tiegħu ta’ kuljum, dak il-missier ikun ta lil uliedu il-muftieħ li permezz tiegħu huma jkun jista’ jkollhom l-paċi f’ din il-ħajja u l-ħajja eterna fil-dinja li jmiss.9 Missier li jaqra l-iskrittura lil uliedu u flimkien ma’ wliedu jkun qed jurihom kif huma jistgħu jagħrfu leħen il-Mulej.10
Aħna nsibu fl-iskrittura enfażi rripetuta dwar l-obbligu li għandhom il-ġenituri li jgħallmu lil uliedhom:
”U għal darb’oħra, jekk il-ġenituri jkollhom it-tfal ġewwa Sijon, jew f’ xi wited ieħor li ġie organizzat, u, meta jkollhom tmien snin, ma jgħallmuhomx sabiex jifhmu d-duttrina tal-indiema, il-fidi fi Kristu lben Alla u tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn, il-ġenituri jkunu ħatja ta’ dan id-dnub. …
“U għandhom jgħallmu ukoll lil uliedhom jitolbu, u jimxu b’ mod xieraq quddiem il-Mulej.”11
Fl-1833, il-Mulej ċanfar membri tal-Ewwel Presidenza għaliex ma tawx attenzjoni biżżejjed għad-dmir li kellhom li jgħallmu lil uliedhom. Lil wieħed Huwa speċifikament qallu, “Inti m’għallimtx id-dawl u l-verità lil uliedek, skont il-kmandamenti; u x-xitan għad għandu l-qawwa fuqek u din hija l-kawża tas-sofferenza tiegħek.”12
Il-missirijiet għandhom jgħallmu mill-ġdid lil kull ġenerazzjoni l-liġi u l-għemejjel ta’ Alla. Kif iddikjara s-Salmista:
“Waqqaf drawwa b’tifkira għall-poplu ta’ Ġakobb, għamel liġijiet għal Iżrael; u ordna lil missirijietna biex jgħallmuhom lil uliedhom:
“Ħalli jkun jafhom in-nisel ta’ warajhom; u l-ulied li jitwieldu minnhom jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom:
“Biex f’Alla jqiegħdu t-tama tagħhom; ma jinsewx l-għemejjel ta’ Alla, iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu.”13
Ċertament it-tagħlim tal-evanġelju huwa dmir li għandu jinqasam bejn il-missirijiet u l-ommijiet, iżda l-Mulej kien ċar meta qal li Hu jistenna li l-missirijiet għandhom ikunu dawk li jaraw li dan jingħata priorità ewlenija. (U ejjew niftakru li l-konverżazzjonijiet informali, li naħdmu u nilagħbu flimkien, u li nisimgħu lil xulxin huma elementi importanti tat-tagħlim.) Il-Mulej jistenna li l-missirijiet jgħinu jiffurmaw lil uliedhom u li l-ulied iridu u jeħtieġu mudell f’ ħajjithom.
Jiena stess ġejt imbierek b’ missier mill-aktar eżemplari. Niftakar meta kont għadni tfajjel ta’ xi 12-il sena, missieri kien kandidat għall-kunsill tal-belt f’ komunità li pjuttost kienet waħda żgħira. Huwa ma kienx mexxa xi kampanja elettorali estensiva—kull ma niftakar kien li Missieri qabbad lili u l-ħuti nqassmu bieb, bieb ir-riklami tiegħu, u nitolbu lin-nies sabiex jivvutaw għal Paul Christofferson. Kien hemm numru ta’ adulti li jiena stess tajt ir-riklam li rrimarkaw li Paul kien raġel twajjeb u onest u li huma ma kellhom l-ebda problema li jivvutawlu. Ħassejtni verament kburi għal missieri. Imtlejt bil-kunfidenza u x-xewqa li nimxi wara l-passi tiegħu. Huwa ma kienx perfett—ħadd mhu—iżda huwa kien raġel ġust u eżempju tajjeb għal ibnu.
Id-dixxiplina u l-korrezzjoni huma parti mit-tagħlim. Kif qal Pawlu, “Għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb.”14 Iżda l-missier għandu joqgħod attent kif jiddixxiplina, li ma jmurx jispiċċa jaqa’ fl-abbuż, li qatt mhu ġġustifikat. Meta missier jikkoreġi lil uliedu, il-motivazzjoni tiegħu għandha tkun l-imħabba u l-gwida tiegħu għandu jkun l-Ispirtu s-Santu:
”Ċanfar kmieni bir-reqqa, meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tal-Ispirtu s-Santu; u mbagħad wara ara li turi mħabba akbar lejn dak li inti ċanfart, ma jmurx jibda jikkunsidrak bħala għadu tiegħu;
“Sabiex huwa jkun jaf li l-fedeltà tiegħek hija aktar b’ saħħitha mill-irbit tal-mewt.”15
Id-dixxiplina fil-mudell divin mhijiex daqstant dwar il-kastig iżda dwar li ngħinu lill-maħbubin tagħna jsiru nies aħjar.
Il-Mulej qal li “l-ulied kollha jistennew li l-ġenituri tagħhom jieħdu ħsiebhom sakemm huma jkollhom l-età tagħhom.”16 Li tmur taqla’ l-ħobża ta’ kuljum hija attività kkonsagrata. Li wieħed jipprovdi għall-familja tiegħu, għalkemm dan jirrikjedi ħin ‘il bogħod mill-familja, mhux xi ħaġa inkonsistenti mal-irwol ta’ missier—hija l-essenza li tkun missier tajjeb. “Ix-xogħol u l-familja huma responsabbiltajiet li ħafna drabi jikklaxxjaw flimkien.”17 Dan, bla dubju, ma jiġġustifikax li raġel jittraskura lill-familja tiegħu minħabba l-karriera tiegħu jew, fl-estrem l-ieħor, wieħed ma jaqbadx ir-responsabbiltà tiegħu u jixħet kollox fuq ħaddieħor. Fil-kliem is-Sultan Benjamin:
“Intom ma tħallux lil uliedkom jibqgħu bil-ġuħ jew bla ħwejjeġ; lanqas ma tħalluhom jiksru l-liġijiet ta’ Alla, u jiġġieldu u jargumentaw bejniethom. …
“Iżda tgħallmuhom biex jimxu fit-triq tal-verità u s-sewwa; tgħallmuhom iħobbu lil xulxin u jaqdu lil xulxin.”18
Aħna nagħrfu l-agunija ta’ dawk l-irġiel li ma jistgħux isibu mod adegwat biżżejjed biex isostnu lill-familji tagħhom. M’għandhomx għalfejn jistħu dawk li, f’ xi żmien partikolari, minkejja l-isforzi kbar tagħhom, ma jistgħux iwettqu d-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħhom bħala missirijiet. “Minħabba xi diżabiltà, mewt jew xi ċirkustanzi oħra jaf bżonn ikollhom jadattaw ħajjithom. Il-familji estiżi għandhom joffru s-sapport tagħhom jekk ikun hemm il-ħtieġa.”19
Li missier iħobb l-omm uliedu—u juriha mħabbtu—huma tnejn mill-aħjar affarijiet li huwa jista’ jagħmel għal uliedu. Dan jirreaffirma u jsaħħaħ iż-żwieġ li huwa s-sisien tal-ħajja u s-sigurtà tal-familja.
Xi rġiel huma missirijiet single, missirijiet li qed irabbu t-tfal ta’ ħaddieħor jew missirijiet tar-rispett. Ħafna minnhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaqdu l-irwol tagħhom li jaf ikun wieħed diffiċli. Aħna nonoraw lil dawk li jagħmlu dak kollu li jistgħu b’ imħabba, paċenzja u sagrifiċċju biex jilħqu l-bżonnijiet individwali u tal-familja. Tajjeb ninnutaw li Alla Innifsu afda lil Uniku Iben Waħdieni Tiegħu f’ idejn missier adottiv. M’hemmx dubju li parti mill-krettu għandu jieħdu Ġużeppi għall-fatt li hekk kif Ġesù beda jikber, Huwa “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.”20
Huwa ta’ dispjaċir, li b’ riżultat ta’ mewt, abbandun jew divorzju, xi tfal m’ għandhomx missier jgħix magħhom id-dar. Xi wħud jaf għandhom missirijiet li fiżikament ikunu preżenti iżda emozzjonalment ikunu assenti jew inkella ma jagħtux kashom jew ma jissapportjawhomx. Aħna nitolbu lill-missirijiet kollha sabiex jagħmlu aħjar u jkunu aħjar. Nagħmlu appell lill-midja u l-postijiet ta’ divertiment biex jippromwovu l-immaġini ta’ missirijiet devoti u kapaċi li verament iħobbu lil marthom u b’ mod intelliġenti jiggwidaw lil uliedhom, minflok missirijiet imħawdin u buffuni jew “dawk li joħolqu l-problemi,” kif ħafna drabi jpinġuhom.
Lil dawk it-tfal li s-sitwazzjoni fil-familja tagħhom hija waħda xejn sabiħa, aħna ngħidulkom, intom m’intomx anqas minn ħaddieħor. L-isfidi xi drabi huma indikazzjoni li l-Mulej jafda fikom. Huwa jista’ jgħinkom, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ ħaddieħor, biex tikkumbattu dak li intom qed tiffaċċjaw. Intom tistgħu tkunu l-ġenerazzjoni, forsi l-ewwel waħda fil-familja tagħkom, fejn il-mudell divin li ordna Alla għall-familji verament jibda jiġi segwit u tispiċċaw tbierku l-ġenerazzjonijiet kollha li ġejjin warajkom.
Lilkom il-ġuvintur, filwaqt li nagħrfu l-irwol li intom għandkom bħala dawk li tipprovdu u tipproteġu, aħna ngħidulkom, tħejjew minn issa, billi tkunu diliġenti fl-iskola u tippjanaw għat-taħriġ post sekondarju. L-edukazzjoni, kemm jekk fl-università, fi skola teknika, f’ xi apprentistat, jew f’ xi programm simili, hija mill-aktar importanti biex intom tiżviluppaw is-snajja’ jew il-kapaċitajiet li tkunu teħtieġu. Ħudu vantaġġ mill-opportunitajiet li jista’ jkollkom li tassoċjaw irwieħkom ma’ nies ta’ kull età, fosthom tfal, u titgħallmu kif tistgħu tistabbilixxu relazzjonijiet b’ saħħithom u li jagħtukom sodisfazzjon. Dan ħafna drabi jfisser li titkellmu wiċċ imb’ wiċċ ma’ ċerti nies u xi kultant tagħmlu affarijiet flimkien, u mhux biss tipperfezzjonaw irwieħkom fil-mod kif tibagħtu l-messaġġi bil-mowbajl. Għixu ħajjitkom b’ tali mod li bħala rġiel intom tkunu xempji tal-purità fiż-żwieġ tagħkom u għal uliedkom.
Lilkom li tagħmlu parti mill ġenerazzjoni li għadha tiela’, aħna ngħidulkom, kull meta tpoġġu lil missierkom fuq l-iskala ta’ tajjeb-aħjar-aqwa (u jiena nbassar li l-iskala tgħola hekk kif intom tikbru fl-età u fl-għaqal), araw li tonoraw kemm lilu kif ukoll lil ommkom bil-ħajja li intom tgħixu. Ftakru fit-tama kbira ta’ missier kif espremieha Ġwanni: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nisma’ li wliedi mexjin fil-verità.”21 Il-ħajja ġusta tagħkom hija l-akbar unur li missier jista’ qatt jirċievi.
Lil ħuti, il-missirijiet f’ din il-Knisja, jien ngħidilkom, jiena naf li intom tixtiequ li tkunu missirijiet aktar perfetti. Anke jiena nixtieq li kont missier aħjar. Madankollu, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna, ejjew nibqgħu għaddejjin. Ejjew inwarrbu l-kunċetti esaġerati tal-individwaliżmu u l-awtonomija li nisbu fil-kultura tal-lum u naħsbu l-ewwel fuq il-ferħ u l-benesseri tal-oħrajn. Bla dubju, minkejja l-imperfezzjoni tagħna, Missierna tas-Smewwiet ikabbarna u jwassal biex l-isforzi sempliċi tagħna jagħtu l-frott. Storja li xi snin ilu dehret fi New Era verament timlini bil-kuraġġ. L-awtur jirrakkonta dan li ġej:
“Meta jiena kont għadni żgħir, bħala familja konna ngħixu f’ appartament fit-tieni sular b’ kamra tas-sodda waħda. Jiena kont norqod fuq is-sufan fis-salott. …
“Missieri, li kien ħaddied, kien joħroġ kmieni ħafna kuljum biex imur għax-xogħol. Kull filgħodu huwa kien … igeżwer il-kutri madwari u jieqaf ftit ħin ħdejja. Kont inkun għaddej f’ nofs ta’ ħolma meta kont inħoss lil missieri wieqaf ħdejn is-sufan iħares lejja. Hekk kif kont nistenbaħ bil-mod, kont inħossni wisq imbarazzat bih ħdejja. Kont nippretendi li kont inkun għadni rieqed. … kont inkun konxju li hekk kif kien ikun wieqaf ħdejn is-sodda tiegħi huwa kien ikun qed jitolb bl-attenzjoni u bl-enerġija kollha tiegħu—għalija.
“Kull filgħodu missieri kien jitlob għalija. Huwa kien jitlob li jiena jkolli jum tajjeb, li nkun protett minn kull periklu, li nitgħallem u nħejji għall-futur. U peress li ma kienx jista’ jkun miegħi sa filgħaxija, huwa kien jitlob għall-għalliema u l-ħbieb li magħhom jien kont se ngħaddi l-jum. …
“Għall-ewwel, ma kontx naf x’ kien ikun qed jagħmel missieri kull filgħodu meta kien ikun qed jitlob għalija. Iżda meta bdejt nikber, bdejt nagħraf l-imħabba tiegħu għalija u l-interess tiegħu fija u f’ dak kollu li kont qed nagħmel. Din hi waħda mill-memorji favoriti ta’ tfuliti. Kien biss snin wara, wara li żżewwiġt, kelli t-tfal u kont immur fil-kmamar tagħhom waqt li kienu jkunu reqdin u hemm nitlob għalihom li jiena fhemt kompletament kif kien iħossu missieri dwari.”22
Alma ta din ix-xhieda lil ibnu:
“Ara, jien ngħidlek, li Kristu żgur għandu jiġi … ; iva huwa jiġi biex jiddikjara l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni lin-nies tiegħu.
“U issa, ibni, dan huwa l-ministeru li ġejt imsejjaħ għalih, li tiddikjara din il-bxara t-tajba lil dawn in-nies, li tħejji moħħhom; jew pjuttost … li huma jħejju moħħ uliedhom biex jisimgħu l-kelma fil-mument tal-miġja tiegħu.”23
Dan huwa l-ministeru tal-missirijiet illum. Jalla Alla jberikom u jgħinhom iwettqu dan, f’ isem Ġesù Kristu, amen.