2010-2019
L-Ispirtu s-Santu
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


L-Ispirtu s-Santu

Jiena nesprimi l-imħabba u l-gratitudni tiegħi lejn Missierna tas-Smewwiet għad-don tal-Ispirtu s-Santu, li permezz Tiegħu Huwa jiżvela r-rieda Tiegħu u jsostnina.

Għeżież ħuti, qed inkellimkom illum bħala qaddej tal-Mulej kif ukoll bħala bużnannu. Lilkom u lit-tfal u t-tfal tat-tfal għeżież tiegħi, jiena ngħallem u naqsam it-testimonjanza tiegħi dwar id-don meraviljuż tal-Ispirtu s-Santu.

Nibda billi nagħraf id-Dawl ta’ Kristu, li hu mogħti lil “kull bniedem li jiġi fid-dinja.”1 Ilkoll kemm aħna nibbenefikaw minn dan id-dawl qaddis. Jinsab “f’ kollox u permezz ta’ kollox,”2 u jagħtina ċ-ċans li niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin.3

Iżda l-Ispirtu s-Santu huwa differenti mid-Dawl ta’ Kristu. Huwa t-tielet membru tad-Divinità, personaġġ distintiv ta’ spirtu b’ ċerti responsabbiltajiet sagri, u jinsab magħqud f’ għan wieħed mal-Missier u l-Iben.4

Bħala membri tal-Knisja, aħna nafu nesperjenzaw is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu kontinwament. Permezz tas-saċerdozju rrestawrat ta’ Alla, aħna nitgħammdu b’ immersjoni għall-maħfra ta’ dnubietna u mbagħad niġu kkonfermati membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. F’ din l-ordinanza, aħna niġu mogħtijin id-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn minn dawk li jħaddnu s-saċerdozju.5 Minn hemm ‘il quddiem, aħna nistgħu nirċievu u jkollna magħna dejjem is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu billi dejjem niftakru fis-Salvatur, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, nindmu minn dnubietna u b’ mod den nirċievu s-sagrament f’ jum is-Sabbath.

L-Ispirtu s-Santu jipprovdilna r-rivelazzjoni personali biex jgħinna nagħmlu ċerti deċiżjonijiet importanti tal-ħajja bħal ħwejjeġ li jirrigwardaw per eżempju l-edukazzjoni, il-missjoni, il-karrieri, iż-żwieġ, it-tfal, fejn se mmorru noqogħdu mal-familji tagħna, etċ. F’ dawn l-affarijiet, Missierna tas-Smewwiet jistenna li aħna nużaw l-għażla ħielsa tagħna, nistudjaw is-sitwazzjoni ġewwa moħħna skont il-prinċipji tal-evanġelju u mmorru bid-deċiżjoni li nieħdu quddiemu fit-talb tagħna.

Ir-rivelazzjoni personali hija essenzjali, iżda hija biss parti waħda mill-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Kif tgħidilna l-iskrittura, l-Ispirtu s-Santu jagħti x-xhieda wkoll tas-Salvatur u ta’ Alla l-Missier.6 Huwa jgħallimna wkoll “il-ħwejjeġ tas-saltna li jwassluna biex nesperjenzaw il-paċi”7 u jikkawżawlna sabiex “it-tama tagħna toktor.”8 Huwa “jwassalna biex nagħmlu t-tajjeb … u niġġudikaw b’ mod ġust.”9 Huwa jagħti “lil kull raġel u mara … don spiritwali … li jiswiehom ilkoll.”10 Huwa “jagħtina l-għarfien”11 u “jfakkarna kull ħaġa.”12 Permezz tal-Ispirtu s-Santu, aħna “nitqaddsu”13 u nirċievu “maħfra ta’ dnubietna.”14 Huwa ”il-farràġ,” l-istess wieħed li “ġie mwiegħed lid-dixxipli tas-Salvatur.”15

Infakkar lilna lkoll li l-Ispirtu s-Santu ma ġiex mogħti lilna biex jikkontrollana. Xi wħud minna, b’ nuqqas ta’ għaqal, infittxu d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu anke fl-iċken deċiżjoni li jkollna nieħdu f’ ħajjitna. Dan jispiċċa jċekken l-irwol sagru Tiegħu. L-Ispirtu s-Santu jonora l-prinċipju tal-għażla ħielsa. Huwa jkellimna bil-ħlewwa, f’ moħħna u f’ qalbna, dwar bosta ħwejjeġ sinifikanti.16

Kull wieħed u waħda minna nistgħu nħossu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu b’ mod differenti. Il-livell ta’ intensità jvarja fil-mod kif aħna nħossu s-suġġerimenti Tiegħu skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi individwali tagħna.

F’ dawn l-aħħar jiem, aħna nisħqu li huwa biss il-profeta li jista’ jirċievi rivelazzjoni permezz tal-Ispirtu s-Santu f’ isem il-Knisja kollha. Xi wħud dan jinsewh, bħal meta Aaron u Mirjam ippruvaw jikkonvinċu lil Mosè biex jaqbel magħhom. Iżda l-Mulej għallem kemm lilhom kif ukoll lilna. Huwa qal:

“Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta, Jiena l-Mulej nidhirlu. …

“Jien inkellmu wiċċ imb wiċċ.”17

Xi kultant l-avversarju jġarrabna permezz ta’ ideat foloz li aħna nafu naħsbu li jkunu ġejjin mill-Ispirtu s-Santu. Jiena nixhed li l-fedeltà li aħna nuru meta nobdu l-kmandamenti u nżommu l-patti tagħna tasal tipproteġina milli niġu mqarrqin. Permezz tal-Ispirtu s-Santu, aħna nkunu nistgħu nagħrfu dawn il-profeti foloz li bħala duttrina jgħallmu l-kmandamenti tal-bnedmin.18

Hekk kif aħna nirċievu l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu għalina nfusna, ikun għaqli jekk niftakru li aħna ma nistgħux nirċievu r-rivelazzjoni għal ħaddieħor. Jiena naf dwar wieħed ġuvni li qal lill-waħda tfajla, “Kelli ħolma li inti se tkun il-mara tiegħi.” It-tfajla xtarret ftit dik id-dikjarazzjoni u mbagħad wieġbet, “Meta noħlom l-istess ħolma, niġi u nkellmek.”

Ilkoll kemm aħna taf tiġina t-tentazzjoni li nħallu x-xewqat personali tagħna jegħlbu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu. Il-Profeta Joseph Smith talab bil-ħerqa lil Missierna tas-Smewwiet biex jagħtih permess isellef l-ewwel 116-il paġna tal-Ktieb ta’ Mormon lil Martin Harris. Joseph ħaseb li kienet idea tajba. Għall-ewwel l-Ispirtu s-Santu ma kkonfermax miegħu s-sentimenti li kellu. Eventwalment, il-Mulej ippermetta li Joseph isellef dawk il-paġni. Martin Harris spiċċa biex tilifhom. Għal perjodu ta’ żmien, il-Mulej ħa lura mingħand il-Profeta d-don tat-traduzzjoni, u Joseph tgħallem il-lezzjoni mill-aktar diffiċli iżda prezzjuża li ffurmat il-kumplament tas-servizz tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu għandu rwol ewlieni fir-Restawrazzjoni. Dwar il-qari li qara meta kien għadu tfajjel f’ Ġakbu 1:5, il-Profeta Joseph irrakkonta, “Ma kien hemm l-ebda passaġġ ieħor fl-iskrittura li laqat b’ qawwa daqstant kbira lil qalb il-bniedem milli laqat lili dan il-kliem f’ dak il-mument.”19 Il-qawwa li ddeskriva Joseph Smith kienet l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. B’ riżultat ta’ dan, Joseph mar fil-bosk ħdejn fejn kien joqgħod u niżel għarkupptejh biex jitlob lil Alla. L-Ewwel Viżjoni li seħħet wara kienet verament waħda mill-aktar sinifikanti u meraviljuża. Iżda t-triq għal dik il-viżitazzjoni mill-aktar personali tal-Missier u l-Iben bdiet permezz ta’ suġġeriment mill-Ispirtu s-Santu biex huwa jmur jitlob.

Il-veritajiet żvelati tal-evanġelju rrestawrat waslu permezz ta’ mudell divin li l-ewwel aħna għandna nfittxu permezz tat-talb u mbagħad nirċievu u nimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Ikkunsidraw dawn l-eżempji: it-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon; ir-restawrazzjoni tas-saċerdozju u l-ordinanzi tiegħu, nibdew bil-magħmudija; u l-organizzazzjoni tal-Knisja—biex inkunu semmejna ftit minnhom. Jiena nixhed li lllum, ir-rivelazzjoni mill-Mulej lill-Ewwel Presidenza u lit-Tnax tasal skont dan l-istess mudell sagru. Dan huwa l-istess mudell sagru li jwassal biex aħna nirċievu r-rivelazzjoni personali.

Aħna nonoraw lil dawk kollha li mxew wara l-Ispirtu s-Santu biex huma rċevew l-evanġelju rrestawrat, fejn nibdew l-ewwel bil-membri tal-familja ta’ Joseph Smith. Meta t-tfajjel Joseph qal lil missieru dwar iż-żjara ta’ Moroni, missieru rċieva xhieda li kkonfermatlu dan. Immedjatament, Joseph tħalla jieqaf jaħdem fir-razzett u ġie mħeġġeġ biex jimxi wara d-direzzjoni tal-anġlu.

Ejjew aħna, bħala ġenituri u mexxejja, nagħmu l-istess. Ejjew aħna nħeġġu lil uliedna u oħrajn biex jimxu wara d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Jekk nagħmlu dan, ejjew aħna stess nimxu wara l-eżempju tal-Ispirtu s-Santu, u mmexxu bil-ħlewwa, bil-manswetudni, bit-tjubija, bis-sabar u b’ imħabba ġenwina.20

L-Ispirtu s-Santu huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni għall-ħidma ta’ Alla fil-familji u madwar il-Knisja. B’ dan l-għarfien, tippermettuli naqsam magħkom ftit eżempji personali tal-Ispirtu s-Santu f’ ħajti u fis-servizz tiegħi fil-Knisja? Jiena noffrihom bħala xhieda personali li l-Ispirtu s-Santu jberikna lkoll.

Bosta snin ilu, Sister Hales u jien ippjanajna li nistiednu ftit minn sħabna tax-xogħol għal ikla speċjali fid-dar tagħna. Fi triqti lura mill-uffiċċju, ħassejt li kelli nieqaf fid-dar ta’ waħda armla li jien kont l-għalliem tad-dar tagħha. Meta ħabbatt fuq il-bieb ta’ din oħtna, hija qalet, “Kont qed nitlob li tiġi tarani.” Min issuġġerixxa li jien immur għandha? L-Ispirtu s-Santu.

Darba, wara marda serja, jiena kont qed nippresidi f’ konferenza tal-wited. Biex ma naħlix wisq enerġija, ippjanajt li nitlaq mill-kappella immedjatament wara s-sezzjoni tat-tmexxija tas-saċerdozju. Madankollu, wara l-benedizzjoni, l-Ispirtu s-Santu qalli, “Fejn sejjer?” Ħassejt li kelli nieħu b’ idejn kulħadd hekk kif kienu ħerġin mill-kamra. Hekk kif wieħed presbiteru żagħżugħ ġie quddiemi, ħassejt li kelli ngħaddilu messaġġ speċjali. Huwa kien qed iħares ‘l isfel, u jiena bqajt nistenna sakemm għajnejh ħarsu f’ għajnejja, u hekk stajt ngħidlu, “Itlob lil Missierna tas-Smewwiet, isma’ x’ għandu jgħidlek l-Ispirtu s-Santu, imxi wara s-suġġerimenti li jagħtik u kollox ikun sew f’ ħajtek.” Aktar tard il-president tal-wited qalli li dak iż-żagħżugħ kien għadu kif ġie lura minn missjoni li kien temm qabel iż-żmien. Il-president tal-wited, wara li mexa skont suġġeriment li kien rċieva, kien wiegħed lil missier dak iż-żagħżugħ li jekk huwa kien iġib lil ibnu fil-laqgħa tas-saċerdozju, il-Presbiteru Hales żgur kien se jkellmu. Għalfejn jien waqaft biex nieħu b’ idejn kulħadd? Għalfejn waqaft biex inkellem lil dan iż-żagħżugħ speċjali? X’ kien is-sors tal-kunsill tiegħi? Sempliċi: l-Ispirtu s-Santu.

Fil-bidu tal-2005, jiena kont ġejt gwidat biex inħejji messaġġ għall-konferenza ġenerali dwar il-koppji missjunarju anzjani. Wara l-konferenza, wieħed minn ħuna rrakkonta: “Hekk kif konna qed nisimgħu l-konferenza, … immedjatament l-Ispirtu tal-Mulej ħassejtu jippenetra r-ruħ tiegħi. … Kienet ħaġa mill-aktar ċara li l-messaġġ kien partikolarment għalija u għall-maħbuba tiegħi. Aħna kellna nservu missjoni u l-aħjar żmien kien issa. Meta jiena … ħarist lejn marti, intbaħt li hija kienet irċeviet l-istess suġġerimenti mingħand l-Ispirtu.”21 X’ wassal biex huma t-tnejn jirċievu l-istess sentiment b’ tant qawwa fl-istess ħin? L-Ispirtu s-Santu.

Lil uliedi u lil ulied uliedi u lil dawk kollha li qed jisimgħuni, jiena noffri testimonjanza tiegħi dwar ir-rivelazzjoni personali u n-nixxiegħa kontinwa ta’ kuljum ta’ gwida, twissija, inkuraġġiment, qawwa, tindif spiritwali, faraġ u sliem li jaslu għand il-familja tagħna permezz tal-Ispirtu s-Santu. Permezz tal-Ispirtu s-Santu, aħna nesperjenzaw “il-kobor tal-ħniena u t-tjieba ta’ Alla”22 u l-mirakli li ma jiqfux.23

Jiena nagħti x-xhieda speċjali tiegħi li s-Salvatur jgħix. Jiena nesprimi l-imħabba u l-gratitudni tiegħi ma’ Missierna tas-Smewwiet għad-don tal-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu Huwa jiżvela r-rieda Tiegħu u jsostnina f’ ħajjitna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.