Refuġju fil-Maltempata
Dan il-mument mhuwiex se jiddefinixxi lir-refuġjati, iżda r-rispons tagħna se jgħin jiddefinixxi lilna.
“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni: Kont bil-għatx u sqejtuni: Kont barrani u lqajtuni:
“Kont għeri u libbistuni. …
“… Ngħidilkom is-sewwa, kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”1
Illum fid-dinja hawn bejn wieħed u ieħor 60 miljun refuġjat, li jfisser li “1 minn kull 122 bniedem uman … ġew sfurzati biex jaħarbu minn djarhom,”2 u nofshom huma tfal.3 Hija ħaġa xokkanti meta tikkunsidra kemm hu kbir dan in-numru u meta tirrifletti xi jfisser dan fil-ħajja ta’ kull individwu. Jiena bħalissa ġejt imsejjaħ biex inservi fl-Ewropa, fejn fl-aħħar sena biss waslu hemm miljun u kwart refuġjat minn inħawi li jinsabu mifnija bil-gwerra ġewwa l-Lvant Nofsani u l-Afrika.4 Ħafna minnhom narawhom ġejjin biss bil-ħwejjeġ li jkunu lebsin fuqhom u dak li jkunu kapaċi jġorru f’ daqsxejn ta’ basket żgħir. Numru sew minnhom huma nies ta’ ċerta edukazzjoni, u lkoll kellhom jabbandunaw id-djar, l-iskejjel u l-impjiegi tagħhom.
Taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza, il-Knisja qed taħdem ma’ 75 organizzazzjoni differenti fi 17-il pajjiż Ewropew. Dawn l-organizzazzjonijiet ivarjaw minn istituzzjonijiet internazzjonali kbar sa ċerti inizjattivi żgħar fil-komunità, minn aġenziji governattivi sa numru ta’ karitajiet reliġjużi u sekulari. Aħna nħossuna ffortunati li ninsabu naħdmu flimkien u nitgħallmu minn oħrajn li ilhom snin sħaħ jaħdmu mar-refuġjati madwar id-dinja.
Bħala membri tal-Knisja, bħala nies, m’hemmx għalfejn inħarsu lura wisq fl-istorja tagħna biex nirriflettu fuq żminijiet meta aħna stess konna refuġjati, li b’ mod vjolenti ġejna mkeċċijin bosta drabi minn djarna u mill-irziezet tagħna. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kienet qed titkellem dwar ir-refuġjati, Sister Linda Burton talbet lin-nisa kollha tal-Knisja sabiex jikkunsidraw, “Xi ngħidu kieku l-istorja tagħhom kienet l-istorja tagħna?”5 L-istorja tagħhom hija l-istorja tagħna, f’ passat mhux daqstant ‘il bogħod.
Nisimgħu argumenti jaħarqu fil-gvernijiet u fis-soċjetà inġenerali dwar x’inhi t-tifsira ta’ refuġjat u x’ għandna nagħmlu biex nassistu lir-refuġjati. Dawn il-ħsibijiet tiegħi mhumiex intenzjonati bl-ebda mod biex ikunu parti minn dik id-diskussjoni taħraq, jew biex nikkummenta fuq il-polisi tal-immigrazzjoni, iżda pjuttost biex niffukaw fuq in- nies li ġew imkeċċijin minn djarhom u minn pajjiżhom minħabba l-gwerer li żgur ma kinux huma li bdew.
Is-Salvatur jaf x’jiġifieri tkun refuġjat—Huwa hekk kien. Meta kien għadu tifel żgħir, Ġesù u l-familja Tiegħu ħarbu lejn l-Eġittu biex jevitaw li jiġu maqtulin fuq ordni ta’ Erodi. F’ diversi sitwazzjonijiet fil-ministeru Tiegħu, Ġesù spiċċa mhedded u ħajtu kienet fil-periklu, fejn ultimament spiċċa vittma ta’ nies ħżiena li kienu ppjanaw il-mewt Tiegħu. Jista’ jkun, mela, li hija aktar ħaġa sinjifikanti għalina li ripetutament Huwa għallimna sabiex inħobbu lil xulxin, inħobbu kif ħabb Hu, li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Verament, “quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din, Li żżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom”6 u li “issib lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, u tamministra għall-bżonnijiet tagħhom ħalli huma ma jsofrux.”7
Kienet ħaġa li verament tispirak li tara dak kollu li bosta membri minn madwar id-dinja taw b’ ġenerożità kbira biex jgħinu lil dawn l-individwi u l-familji li tilfu tant ħwejjeġ f’ ħajjithom. Madwar l-Ewropa speċifikament, jiena rajt ħafna membri tal-Knisja li esperjenzaw sentiment ta’ ferħ u ispirazzjoni hekk kif huma wieġbu għal dik ix-xewqa kbira u profonda li jmorru jgħinu u jservu lil dawk ta’ madwarhom li jinsabu f’ din l-estremità. Il-Knisja pprovdiet saqaf fuq rashom u kura medika. Numru ta’ utied u missjonijiet ġabru eluf kbar ta’ pakketti tal-iġene. Utied oħra pprovdew ikel u ilma, ħwejjeġ, inċirati tax-xita, roti, kotba, basktijiet li tpoġġi wara darek, nuċċalijiet tal-qari u ħafna ħwejjeġ oħra.
Individwi mill-Iskozja sa Sqallija taw is-sehem tagħhom b’ kull mod possibli. Numru ta’ tobba u infermiera offrew is-servizz volontarju tagħhom f’ mumenti meta għadd ta’ refuġjati waslu mxarrbin għasra, kesħin silġ u ħafna drabi ttrawmatizzati minħabba l-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar. Hekk kif ir-refuġjati jibdew il-proċess biex jaddattaw ruħhom fil-pajjiż, il-membri lokali jinsabu jgħinuhom jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li qed jospitahom, filwaqt li oħrajn jinsabu jqawwu l-ispirtu kemm tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri billi jipprovdulhom ċerti ġugarelli, oġġetti biex ipinġu bihom, il-mużika, u billi jilgħabu magħhom. Xi oħrajn qed jeħdulhom kobob tas-suf, labar tal-ħjata u ganċijiet tal-kroxè u qed jgħallmu dawn il-ħiliet lir-refuġjati lokali, kbar jew żgħar.
Għadd ta’ membri tal-Knisja li ddedikaw snin sħaħ ta’ servizz u tmexxija jixhdu l-fatt li l-mumenti li fihom huma amministraw lil dawn in-nies f’ ħinijiet meta verament kienu jinsabu fil-bżonn ipprovdewlhom l-aktar esperjenza sodisfaċenti u sabiħa fis-servizz li huma taw s’issa.
Ir-realtà ta’ dawn is-sitwazzjonijiet trid taraha biex temminha. Fix-xitwa jiena ltqajt, fost ħafna nies oħra, ma’ mara tqila mis-Sirja f’ kamp temporanju għar-refuġjati fejn b’ disperazzjoni xtaqet li tiġi mogħtija l-kelma li hi ma kienx se jkollha twelled it-tarbija tagħha fuq l-art kiesħa tas-sala enormi fejn kienet qed tgħix. Meta kienet is-Sirja hija kienet professur tal-università. U fil-Greċja jiena tkellimt ma’ membri ta’ familja li kienu għadhom imxarrbin, jirtogħdu u beżgħana mill-vjaġġ li għamlu mit-Turkija permezz ta’ dgħajsa żgħira tal-lastku. Mill-mument li jien ħarist f’ għajnejhom u smajt l-istejjer tagħhom, kemm tat-terrur li ħarbu minnu kif ukoll tal-vjaġġ mill-aktar perikoluż tagħhom biex isibu refuġju, jiena ma bqajtx aktar il-bniedem li kont qabel.
Joffru l-għajnuna tagħhom hemm għadd kbir ta’ ħaddiema tal-għajnuna mill-aktar iddedikati, li ħafna minnhom huma voluntiera. Rajt b’ għajnejja membru tal-Knisja li, għal bosta xhur ħadmet iljieli sħaħ biex tipprovdi l-aktar bżonnijiet neċessarji lil dawk li jaslu fil-Greċja mit-Turkija. Fost ħafna xogħol ieħor, hija amministrat l-ewwel għajnuna lil dawk li kienu fi bżonn mediku mill-aktar kritiku; hija riedet tkun ċerta li kien hemm minn kien qed jieħu ħsieb in-nisa u t-tfal li kienu qed jivvjaġġaw weħidhom; hija farrġet lil dawk li kienu mitulhom xi membri tal-familja waqt il-vjaġġ tagħhom u għamlet li setgħet biex talloka r-riżorsi limitati għall-ħtiġijiet tagħhom li huma bla limitu. Hi, bħal ħafna oħrajn bħalha, kienet letteralment anġlu li jaqdi lin-nies, u l-għemejjel tagħha żgur mhux se jintesew minn dawk li tant ħadet ħsieb, jew mill-Mulej, li f’ ismu kienet qed tagħmel dan.
Dawk kollha li taw minn dak li għandhom biex itaffu s-sofferenza ta’ madwarhom jixbhu ħafna lin-nies ta’ Alma: “U b’hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ risq tagħhom, huma ma bagħtux ‘l hemm lil minn kien għeri, jew minn kien bil-ġuħ, jew min kien bil-għatx jew li kien marid jew li kien bla saħħa; … huma taw lil kulħadd b’ id miftuħa, kemm lix-xjuħ kif ukoll liż-żgħar, kemm lil minn hu ilsir kif ukoll lil min hu ħieles, kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, kemm lil min hu membru tal-knisja u kemm le, u ma bdew iħarsu lejn wiċċ ħadd meta jiġu għal min għandu bżonn l-għajnuna.”8
Jeħtieġ noqogħdu attenti li l-aħbarijiet tas-sitwazzjoni tar-refuġjati ma ssirx waħda tant komuni li ma nibqgħux aktar nixxokkjaw ruħna għalkemm il-gwerer ikomplu u l-familji jibqgħu ġejjin. Miljuni ta’ refuġjati madwar id-dinja, li l-istejjer tagħhom m’għadhomx jinstemgħu aktar fuq l-aħbarijiet, għadhom fil-bżonn imminenti tal-għajnuna.
Jekk qed tistaqsu, “Jien x’ nista’ nagħmel?”, ejjew l-ewwel niftakru li biex inservu m’għandniex nittraskuraw lill-familji tagħna u ċerti responsabbiltajiet oħra,9 jew nistennew li l-mexxejja tagħna jorganizzaw ċerta proġetti għalina. Iżda bħala żgħażagħ, irġiel, nisa u familji, aħna nistgħu ningħaqdu flimkien f’ din il-ħidma kbira umanitarja.
F’ rispons għall-istedina mill-Ewwel Presidenza biex nieħdu sehem f’ servizz jixbah lil ta’ Kristu mar-refuġjati madwar id-dinja,10 il-presidenza ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet u tal-Primarja organizzaw ħidma ta’ għajnuna tissejjaħ “Kont Barrani.” Sister Burton introduċiet dan lin-nisa tal-Knisja fi tmiem il-ġimgħa li għadda fis-sezzjoni ġenerali tan-nisa. Hemm diversi ideat, riżorsi u suġġerimenti biex jgħinuna nagħtu servizz fuq IWasAStranger.lds.org.
Għandna nibdew l-ewwel billi ninżlu għarkopptejna nitolbu. Aħsbu li tagħmlu xi ħaġa viċin ta’ fejn toqogħdu, fil-komunità tagħkom, fejn issibu nies li jeħtieġu l-għajnuna biex jaddattaw fiċ-ċirkustanzi ġodda tagħhom. L-għan aħħari hu r-riabilitazzjoni tagħhom għal ħajja ta’ xogħol u indipendenti.
Il-possibiltajiet li aħna għandna biex ngħinu u nagħmlu ħbieb huma bla limitu. Tafu tgħinu lir-refuġjati jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li qed jospitahom, tgħinuhom f’ xi snajja’ għax-xogħol jew tħarrġuhom għal meta jiġu intervistati għal xi impjieg. Tafu toffru li tgħinu xi familja jew xi omm single fit-tranżazzjoni tagħhom għal kultura xejn familjari tagħhom, anke permezz ta’ xi ħaġa sempliċi bħal per eżempju li tmorru magħhom sal-ħanut tal-merċa jew sal-iskola. Xi oqsma jew utied diġà għandhom ċerti organizzazzjonijiet ta’ min jafda fihom biex jaħdmu magħhom. U, skont iċ-ċirkustanzi tagħkom, tistgħu tagħmlu wkoll l-offerta tagħkom fl-isforz umanitarju straordinarju tal-Knisja.
Barra minn hekk, kull wieħed u waħda minna nistgħu nitgħallmu u nsiru konxji aktar tal-ġrajjiet li qed iseħħu fid-dinja li minħabba fihom dawn il-familji qed iħallu djarhom. Jeħtieġ nieqfu kontra kull intolleranza u nitkellmu favur ir-rispett u l-għarfien bejn il-kulturi u t-tradizzjonijiet. Jekk intom tiltaqgħu mal-familji tar-refuġjati u tisimgħu l-istejjer tagħhom b’ widnejkom stess, u mhux minn fuq xi skrin jew gazzetta, intom ma tibqgħux l-istess. Intom tiżviluppaw ħbiberija vera magħhom u trawmu l-kompassjoni u taraw li huma jintegraw b’ suċċess.
Il-Mulej għallimna li l-utied ta’ Sijon għandhom ikunu “difiża” u “refuġju fil-maltemp.”11 Aħna sibna refuġju. Ejjew mill-postijiet li ninsabu fihom aħna, ‘il bogħod minn kull periklu, nagħtu mill-ħafna tagħna, it-tama għal futur aktar sabiħ, fidi f’ Alla u f’ għajrna, u mħabba li tħares lil hinn mid-differenzi kulturali u ideoloġiċi lejn il-verità glorjuża li aħna lkoll ulied Missierna tas-Smewwiet.
“Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’; imma ta’ qawwa u ta’ mħabba.”12
Li tkun refuġjat jaf ikun mument mill-aktar sinifikanti fil-ħajja ta’ dawk li huma refuġjati, iżda l-istat tagħhom ta’ refuġjat mhuwiex xi karatteristika tagħhom. Bħal eluf kbar qabilhom, dan se jkun biss perjodu—nittamaw li jkun perjodu qasir—f’ ħajjithom. Xi wħud minnhom se jispiċċaw fost dawk li jiġu mogħtija premju Nobel, se jservu bħala qaddejja pubbliċi, tobba, xjentisti, mużiċisti, artisti, mexxejja reliġjużi u nies li se jikkontribwixxu f’ oqsma oħra. Fil-fatt, ħafna minnhom hekk kienu qabel tilfu kull ma kellhom. Dan il-mument mhuwiex se jiddefinixxihom, iżda r-rispons tagħna se jgħin jiddefinixxi lilna.
“Ngħidilkom is-sewwa, kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”13 F’ isem Ġesù Kristu, amen
For further reference, see IWasAStranger.lds.org u mormonchannel.org/blog/post/40-ways-to-help-refugees-in-your-community.