2010-2019
Kunu Umli
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Kunu Umli

L-umiltà tagħmilha possibli li aħna nkunu ġenituri aħjar, ulied aħjar, irġiel u nisa miżżewġin aħjar, ġirien u ħbieb aħjar.

Aħna mberkin li fil-Knisja għandna ġabra ta’ innijiet li jgħinuna nqimu lil Alla permezz ta’ għanja. Fil-laqgħat tagħna tal-Knisja, “l-innijiet jistiednu l-Ispirtu tal-Mulej, joħolqu sentiment ta’ qima, jgħaqqduna flimkien bħala membri u jipprovdulna mod kif aħna nistgħu noffru t-tifħir lill-Mulej. Uħud mill-akbar priedki jiġu ppridkati meta aħna nkantaw l-innijiet.”1

Ftit xhur wara li l-Knisja ġiet organizzata, il-Profeta Joseph Smith irċieva rivelazzjoni f’ isem il-mara tiegħu Emma. Il-Mulej idderiġiha u qalilha: “Iġbor flimkien selezzjoni ta’ innijiet sagri, kif se jiġu mogħtija lilek, li jien inkun kuntent bihom, biex jintużaw fil-knisja tiegħi.”2

Emma Smith ġabret flimkien ġabra ta’ innijiet li dehru għall-ewwel darba fil-ktieb tal-innijiet ta’ Kirtland fl-1836.3 F’ dan il-ktejjeb irqiq kien hemm biss 90 innu. Bosta minnhom kienu innijiet minn reliġjonijiet Protestanti. Mill-inqas sitta u għoxrin minnhom ġew miktubin minn William W. Phelps, li aktar tard ħejja u assista fl-istampar tal-ktieb tal-innijiet. Kien ġie stampat biss il-kliem; l-ebda noti mużikali ma kienu jakkumpanjaw il-lirika. Dan il-ktieb tal-innijiet, ċkejken u sempliċi, deher li kien barka kbira għall-ewwel membri tal-Knisja.

Immaġni
Paġna mill-ktieb tal-innijiet ta’ Emma Smith
Immaġni
Il-paġna tat-titlu tal-ktieb tal-innijiet ta’ Emma Smith

L-aħħar edizzjoni tal-ktieb tal-innijiet tagħna bl-Ingliż ġiet ippubblikata fl-1985. Ħafna mis-selezzjonijiet li għażlet Emma ħafna snin qabel għadhom inklużi fil-ktieb tal-innijiet tagħna, bħal “Jiena naf li l-Feddej Tiegħi Jgħix” u “X’ Sisien Sodi Ferm.”4

Waħda mill-għanjiet li ġiet stampata għall-ewwel darba fil-ktieb tal-innijiet tal-1985 hija “Kunu Umli.”5 Dan l-innu trankwill ġie miktub minn Grietje Terburg Rowley, li mietet is-sena l-oħra. Hija ngħaqdet mal-Knisja fl-1950 fil-Ħawaii, fejn kienet qed tgħallem ġo skola. Sister Rowley serviet fil-Kumitat Ġenerali tal-Mużika u għenet biex tadatta l-innijiet f’ diversi lingwi. Hija bbażat il-kliem tagħha għal “Kunu Umli” fuq żewġ versi mill-iskrittura: Duttrina u Patti 112:10 u Ether 12:27. Il-vers f’ Ether jgħid: ”U jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. Jiena nagħti d-dgħjufija lill-bnedmin sabiex huma jkunu umli; … għaliex jekk huma jkunu umli, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nara li dak li fih huma dgħajfin isir għalihom qawwa.”

Bħall-innijiet kollha tal-Knisja, “Kunu Umli” jgħallimna ċerta veritajiet sempliċi u puri. Jgħallimna li jekk aħna nkunu umli, it-talb tagħna jiġi mwieġeb; aħna ngawdu mis-serħan fil-moħħ; aħna naqdu b’ mod aktar effettiv fis-sejħiet tagħna; u jekk aħna nibqgħu fidili, ultimament nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Is-Salvatur għallem lid-dixxipli Tiegħu li huma għandhom ikunu umli bħat-tfal ċkejknin sabiex jidħlu fis-saltna tas-smewwiet.6 Hekk kif inrabbu lil uliedna, jeħtieġ li aħna ngħinuhom jibqgħu umli hekk kif huma jimmaturaw u jibdew jikbru fl-età. Aħna ma nagħmlux dan billi neqirdulhom ir-rieda tagħhom billi naġixxu magħhom b’ mod xejn xieraq, jew billi nkunu ħorox wisq meta niddixxiplinawhom. Filwaqt li nikkultivawlhom il-kunfidenza fihom infushom, jeħtieġ li ngħallmuhom il-kwalitajiet tal-altruwiżmu, tat-tjubija, tal-ubbidjenza, tan-nuqqas ta’ suppervja, li għandhom jaġixxu dejjem b’ mod ċivili u li qatt ma jippruvaw jimpressjonaw. Neħtiġuhom jitgħallmu jifirħu bis-suċċessi ta’ ħuthom u ta’ sħabhom. Il-President Howard W. Hunter għallem li “aħna għandna naħsbu kontinwament dwar kif ħaddieħor jista’ jirnexxi.”7 Jekk ma jkunx hekk, uliedna jafu jispiċċaw jossessjonaw irwieħhom li jfittxu dejjem dak li jaqbel lilhom u li dejjem ikunu aħjar minn ħaddieħor, u li jgħiru u jħossu fihom ċertu riżentiment għall-kisbiet ta’ sħabhom. Jiena grat li kelli omm li, meta kienet tara li jiena kont nibda nħossni nimtela wisq bija nnifsi, kienet tgħidli, “Ibni, daqsxejn ta’ umiltà bħalissa tkun żgur għall-aħjar tiegħek.”

Iżda l-umiltà mhux xi ħaġa riservata biss biex ngħallmuha lit-tfal. Ilkoll kemm aħna għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insiru aktar umli. L-umiltà hija ferm essenzjali biex aħna niksbu l-barkiet tal-evanġelju. L-umiltà tgħinna biex ikollna qalb maqsuma meta aħna nidinbu jew niżbaljaw u tagħmilha possibbli li aħna nindmu. L-umiltà tagħmilha possibli li aħna nkunu ġenituri aħjar, ulied aħjar, irġiel u nisa miżżewġin aħjar, ġirien u ħbieb aħjar.

Mill-banda l-oħra, il-kburija żejda tista’ tkisser ir-relazzjonijiet fil-familja kif ukoll iż-żwiġijiet u teqred il-ħbiberiji li jista’ jkollna. Huwa speċjalment importanti li niftakru li għandna nuru l-umiltà meta nħossu li f’darna hemm jgħammar spirtu ta’ tilwim. Aħsbu ftit kemm tistgħu tevitaw uġigħ il-qalb jekk tagħmlu li tistgħu biex tkunu umli u taslu li tgħidu, “Jiddispjaċini”; “Ma missnix għamilt hekk”; “X’ tixtieq tagħmel?”; “Ma bdejtx naħseb b’ mod sew”; jew “Jiena kburi ħafna bik.” Jekk dawn il-frażijiet żgħar nużawhom b’ umiltà, ikun hemm ferm anqas ġlied bejnietna u aktar paċi fi djarna.

Li ngħixu sempliċiment ħajjitna taf tkun u ħafna drabi hi esperjenza li tgħallimna kif inkunu umli. Xi aċċident jew xi marda, il-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalina, xi problemi fir-relazzjonijiet tagħna u saħansitra xi diffikultajiet finanzjarji jafu jdaħħluna f’ qoxxritna. Kemm jekk dawn l-esperjenzi diffiċli huma riżultat ta’ xi deċiżjoni ħażina li nkunu ħadna jew inkella huma sitwazzjonijiet li ma għandna l-ebda kontroll fuqhom, dawn il-provi jwasslu biex aħna nkunu aktar umli. Jekk aħna nagħżlu li nkunu spiritwalment riċettivi u lesti li nitgħallmu, aħna nibdew nitolbu b’ ħerqa akbar u l-fidi u t-testimonjanza tagħna jikbru hekk kif aħna negħlbu t-tribulazzjonijiet tal-eżistenza mortali tagħna. Ilkoll kemm aħna nħarsu ‘l quddiem lejn l-eżaltazzjoni, iżda qabel dan iseħħ, aħna għandna nippruvaw ngħaddu minn dak li jirreferu għalih bħala “il-wied tal-umiltà.”8

Bosta snin ilu, it-tifel tagħna Eric li kellu 15-il sena sofra korriment serju f’ rasu. Ħassejna qalbna trid tinqasam meta rajnieh għal aktar minn ġimgħa mitluf f’ koma. It-tobba qalulna li ma kinux ċerti x’ kien se jsir minnu. Ovvjament, aħna mtlejna b’ ferħ kbir meta huwa beda ġej f’ tiegħu. Ħsibna li issa ma kienx se jkun hemm aktar problemi, iżda konna żbaljati.

Meta huwa ħareġ mill-koma, huwa la seta’ jimxi, la jitkellem u lanqas jiekol waħdu. Agħar minn hekk, huwa ma seta’ jiftakar xejn mill-passat riċenti. Huwa seta’ jiftakar kważi dak kollu li seħħ qabel l-aċċident, iżda ma kienx kapaċi jiftakar dak li ġara wara, anke ħwejjeġ li kienu seħħew biss ftit minuti qabel.

Għal ftit żmien, aħna ħsibna li moħħ it-tifel tagħna kien se jibqa’ ffriżat f’ moħħ ta’ wieħed ta’ 15-il sena. Qabel l-aċċident it-tifel tagħna kellu pjuttost ħajja faċli. Huwa kien atletiku, popolari u kien sejjer tajjeb ħafna fl-iskola. Qabel, kellu futur mill-isbaħ; issa bdejna ninkwetaw li ma kellux wisq futur quddiemu, ta’ lanqas mhux wieħed li seta’ jiftakar. Issa beda jsibha diffiċli jerġa’ jitgħallem ċerti ħiliet mill-aktar bażiċi. Dak kien għalih żmien ta’ prova kbira. Kien żmien ta’ prova kbira wkoll għall-ġenituri tiegħu.

Onestament, bdejna nistaqsu kontinwament kif xi ħaġa bħal din setgħet isseħħ lilna. Dejjem ippruvajna nagħmlu dak li hu xieraq. Kienet priorità għall-familja tagħna li ngħixu l-evanġelju. Ma stajniex nifhmu kif xi ħaġa daqshekk ta’ wġiegħ il-qalb setgħet tolqot lilna. Kien verament żmien diffiċli għalina hekk kif deher ċar li r-riabilitazzjoni tiegħu kienet se tieħu x-xhur, anke s-snin. L-aktar ħaġa diffiċli kien il-ħsieb li huwa qatt aktar ma kien se jkun dak li kien qabel.

Tul dan iż-żmien, xerridna bosta dmugħ u t-talb tagħna sar ferm aktar sinċier u mill-qalb. Permezz tal-għajnejn tal-umiltà, aħna gradwalment bdejna naraw mirakli żgħar li t-tifel tagħna beda jesperjenza tul dan iż-żmien mill-aktar diffiċli. Huwa beda gradwalment juri ċertu progress. L-attitudni tiegħu u l-mod kif kien jaħsibha kienu mill-aktar pożittivi.

Illum, it-tifel tagħna Eric huwa miżżewweġ lil mara mill-aktar meraviljuża, u huma għandhom ħamest itfal mill-isbaħ. Huwa għalliem mill-aktar dedikat u jikkontribwixxi ferm fil-komunità tiegħu, kif ukoll fil-Knisja. L-aktar importanti, huwa jkompli jgħix ħajtu bl-istess spirtu ta’ umiltà li kien kiseb żmien ilu.

Iżda xi ngħidu kieku kellna nkunu umli minn qabel ma mmorru nimxu f’ dan “il-wied tal-umiltà”? Alma għallem:

“Imberkin dawk li huma umli mingħajr ma jiġu mġegħlin ikunu umli.”

“Iva, dawn huma ferm aktar imberkin minn dawk li jiġu mġegħlin ikunu umli.”9

Jiena grat għal profeti, bħal Alma, li għallmuna l-valur ta’ din il-kwalità tant kbira. Spencer W. Kimball, it-12-il President tal-Knisja, qal: “Kif jista’ wieħed isir umli? Għalija, huwa għandu jibqa’ jżomm f’ moħħu fuq min huwa dipendenti. Fuq min hu dipendenti? Fuq il-Mulej. Kif jista’ jżomm dan dejjem f’ moħħu? Permezz tat-talb reali, kostanti, kollu qima u gratitudni.”10

Żgur m’għandhiex tkun sorpriża li l-innu favorit tal-President Kimball kien “Jien Bżonnok f’ Kull Mument.”11 Il-Presbiteru Dallin H. Oaks irrapporta li dan l-innu kien l-aktar innu tal-ftuħ li l-Aħwa kienu jkantaw fit-tempju fl-ewwel snin tiegħu fil-Kworum tat-Tnax. Huwa qal, “Immaġinaw l-impatt spiritwali fuq numru ta’ qaddejja tal-Mulej ikantaw flimkien dik l-għanja qabel huma jitolbu għall-gwida tiegħu hekk kif huma jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.”12

Jiena nixhed dwar l-importanza li nkunu umli f’ ħajjitna. Jiena grat għal ċerti individwi bħal Sister Grietje Rowley li kitbu kliem u mużika li verament tispirana u tgħinna nitgħallmu d-duttrina tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li parti minnha hija l-umiltà. Jiena grat li aħna għandna wirt ta’ innijiet, li jgħinuna nqimu permezz ta’ għanja, u jiena grat għall-umiltà. Hija t-talba tiegħi li aħna lkoll nagħmlu l-almu tagħna biex ikollna l-umiltà f’ ħajjitna ħalli nkunu ġenituri aħjar, ulied aħjar u dixxipli tas-Salvatur aħjar. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “First Presidency Preface,” Hymns of The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints (1985), ix.

  2. Doctrine and Covenants 25:11.

  3. Il-paġna tat-titlu tal-ewwel edizzjoni tal-ktieb tal-innijiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem iġġib id-data tal-1835, iżda l-ktieb ma kienx lest u disponibbli qabel il-bidu tal-1836.

  4. Sitta u għoxrin innu mill-innijiet li dehru fil-ktieb tal-innijiet tal-1835 huma inklużi fil-ktieb tal-innijiet kurrenti tagħna (ara Kathleen Lubeck, “The New Hymnbook: The Saints Are Singing!Ensign, Sett. 1985, 7).

  5. “Be Thou Humble,” Hymns, no. 130.

  6. Ara Mattew 18:1–4.

  7. Howard W. Hunter, “The Pharisee and the Publican,” Ensign, Mejju 1984, 66.

  8. Anthon H. Lund, f’ Rapport tal-Konferenza, Apr. 1901, 22.

  9. Alma 32:16, 15.

  10. The Teachings of Spencer W. Kimball, ed. Edward L. Kimball (1982), 233.

  11. “Jien Bżonnok f’ Kull Mument,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 12; ara wkoll Brent H. Nielson, “I Need Thee Every Hour,” Ensign, Apr. 2011, 16.

  12. Dallin H. Oaks, “Worship through Music,” Ensign, Nov. 1994, 10.

Ipprintja