2010-2019
Biex il-Ferħ Tagħkom Ikun Sħiħ
Ottubru 2017


Biex il-Ferħ Tagħkom Ikun Sħiħ

Ġesù Kristu huwa s-sors ta’ kull fejqan, kull hena u kull progress etern.

Ħuti, inħossni verament ferħana li ninsab hawn magħkom. U fuq hekk nixtieq inkellimkom dalgħodu—li jkollna l-milja tal-ferħ.

Aħbar ewlenija riċenti kienet tgħid, “Diżastri jheżżu l-pajjiż u d-dinja.”1 Minn uragani u għargħar sa perjodi twal ta’ sħana insapportabbli u nixfa kbira, minn nirien u terrimoti sa gwerer u mard, jidher li “d-dinja kollha tinsab għaddejja minn taqlib kbir.”2

Miljuni ta’ nies ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom, u numru bla għadd ta’ ħajjiet spiċċaw biex tħarbtu minħabba dawn l-isfidi. Ċertu tilwim fil-familji u fil-komunitajiet. kif ukoll ċertu taqbid li nesperjenzaw ġewwa fina minħabba l-biża’, id-dubju u għax dak li nkunu stennejna ma jseħħx, ukoll jaf iħallina nkwetati. Jaf ikun diffiċli li aħna nħossu dak il-ferħ, liema ferħ Leħi għallem li hu l-għan tal-ħajja.3 Xi kultant aħna lkoll staqsejna: “Fejn nista’ nsib il-paċi? “Fejn hu l-faraġ tiegħi … ?”4 Aħna nistaqsu, kif nista’ nsib il-ferħ minkejja d-diffikultajiet tal-ħajja mortali?

It-tweġiba taf tidher waħda sempliċi, iżda l-verità tagħha ilha tiġi ppruvata minn żmien Adam. Il-ferħ dejjiem insibuh meta aħna niffokaw fuq is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u meta ngħixu l-evanġelju kif uriena u għallimna Hu. Aktar ma aħna nitgħallmu dwar Ġesù Kristu, ikollna fidi fih, u nimitawh, aktar nibdew nifhmu li Hu huwa s-sors ta’ kull fejqan, kull hena u kull progress etern. Huwa jistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nersqu lejh,5 stedina li l-President Henry B. Eyring ikkaratterizzaha bħala “l-aktar stedina importanti li wieħed jista’ jaċċetta.”6

Tgħallmu minn Ġesù Kristu

Aħna kif nistgħu nersqu lejh? F’ April li għadda, il-President Russell M. Nelson u l-Presbiteru M. Russell Ballard ħeġġewna biex nistudjaw “Kristu l-Ħaj”7 bħala parti mit-tagħlim tagħna dwar is-Salvatur. Ħafna kienu dawk li aċċettaw din l-isfida u ġew imberkin. M’ilux wisq, waħda mill-ħbieb għeżież tiegħi tat lil uliedha adulti kollha kopja tad-dokument b’ ritratti tal-evanġelju li kienu kkumbinati ma’ kull frażi mitkuba. Hija ħeġġet lil uliedha biex jgħinu lin-neputijiet tagħha jifhmuh u jimmemorizzawh. Ftit taż-żmien wara, ħabibti wrietni vidjo tan-neputija tagħha, Laynie, li kellha sitt snin, qiegħda tlissen bl-eleganza kollha u mimlija entużjażmu dak li hija kienet immemorizzat. Jiena rrealizzajt li jekk tifla ta’ sitt snin kienet kapaċi tagħmel dan, mela anke jien stajt!

Immaġni
Laynie, li mmemorizzat “Kristu l-Ħaj”

Hekk kif jiena studjajt il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu b’ aktar attenzjoni u tgħallimt bl-amment “Kristu l-Ħaj”, il-gratitudni u l-imħabba tiegħi għas-Salvatur tagħna kibret. Kull sentenza li hemm f’ dak id-dokument ispirat hija priedka fiha nnifsha u kabbret l-għarfien tiegħi tal-irwoli divini Tiegħu u tal-missjoni Tiegħu fid-dinja. Dak li jiena tgħallimt u ħassejt waqt dan il-perjodu ta’ studju u riflessjoni jikkonferma li Ġesù verament “huwa d-dawl, il-ħajja u t-tama tad-dinja.”8 L-iskrittura tal-qedem u kliem il-profeti tal-aħħar jiem li huma miktuba jew mlissna biex ifaħħruh jagħtu xhieda li “t-triq Tiegħu hija dik li twassal għall-ferħ f’ din il-ħajja u għall-ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”9

Araw li jkollkom il-fidi f’ Ġesù Kristu

Hekk kif intom tistudjaw il-ħajja u t-tagħlim ta’ Kristu permezz ta’ modi diversi, il-fidi tagħkom fih tikber. Intom issiru tafu li Huwa jħobbkom individwalment u jifhimkom perfettament. Fit-33 sena li Huwa għamel fil-ħajja mortali, Huwa sofra l-abbandun; il-persekuzzjoni; il-ġuħ, l-għatx u l-għeja tal-ġisem;10 is-solitudni; l-abbuż verbali u fiżiku; u finalment, sofra l-mewt doloruża minn idejn irġiel midinba.11 Fil-Ġnien tal-Ġetsemani u fuq is-salib tal-Kalvarju, Huwa ħass l-uġigħ, is-sofferenza, it-tentazzjoni, u l-mard tagħna kollu.12

Hu x’inhu dak li aħna nkunu qed insofru, Huwa hu s-sors tal- fejqan. Dawk li xi darba esperjenzaw xi tip ta’ abbuż, telfien devastanti, mard kroniku jew diżabbiltà, akkużi foloz, persekuzzjoni vjolenti, jew ħsara spiritwali minħabba d-dnub jew id-disgwid, dawn kollha jistgħu jiġu mfejqa mill-Feddej tad-dinja. Madankollu, Huwa ma jidħolx jekk aħna ma nistednuhx. Jeħtieġ li aħna nersqu lejh u nagħtuh ċans iwettaq il-mirakli Tiegħu.

F’ jum mill-isbaħ tar-rebbiegħa jiena ħallejt daqsxejn il-bieb miftuħ biex inkun nista’ ngawdi l-arja friska ta’ barra. Minn ġol-bieb daħal għasfur ċkejken itir ġewwa u jien stajt nirrealizza li huwa ma kienx jinsab fejn hu xtaq li jkun. Huwa beda jtir b’ disprament madwar il-kamra, fejn spiċċa jtir ripetutament dritt ġot-tieqa, f’ attentat biex jaħrab. Jiena ppruvajt bil-ħlewwa kollha niggwidah lejn il-bieb miftuħ, iżda hu beda jibża’ u baqa’ jżomm ‘il bogħod minnu. Finalment eżawrit u konfuż għall-aħħar huwa waqaf fuq il-purtiera tat-tieqa. Jiena qbadt xkupa u bilmod bdejt inressaq in-naħa fejn hemm il-lanżit lejn il-post fejn kien jinsab wieqaf l-għasfur aġitat. Hekk kif jien bdejt inressaq ir-ras tal-ixkupa lejn saqajh, l-għasfur, tentattivament, spiċċa biex daħal qalb il-lanżit. Bilmod, bilmod kemm jista’ jkun, jiena mxejt lejn il-bieb miftuħ, inżomm l-ixkupa mingħajr, kemm jista’ jkun, ma nċaqlaqha. Hekk kif wasalna ħdejn il-bieb miftuħ, l-għasfur telaq jiġri jtir lejn il-ħelsien tiegħu.

Bħal dak l-għasfur, xi kultant aħna wkoll nibżgħu nafdaw lil ħaddieħor għaliex ma nifhmux l-imħabba assoluta ta’ Alla u x-xewqa Tiegħu li jgħinna. Iżda meta aħna nistudjaw il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet u l-missjoni ta’ Ġesù Kristu, aħna nifhmu li l-unika oġġettiv tagħhom hiu l-ferħ u l-progress etern tagħna.13 Huwa l-pjaċir tagħhom li meta aħna nitolbu, nfittxu u nħabbtu Huma jgħinuna.14 Meta aħna neżerċitaw il-fidi u nilqgħu b’ umiltà t-tweġiba li Huma jagħtuna, aħna nsiru ħielsa mir-restrizzjonijiet tan-nuqqas ta’ għarfien u s-suppożizzjonijiet tagħna, u aħna nkunu nistgħu niġu murija t-triq ‘il quddiem.

Ġesù Kristu huwa wkoll is-sors ta’ paċi. He invites us to “lean on [His] ample arm”15 and promises the “peace … which passeth all understanding,”16 a feeling that comes when His Spirit “speak[s] peace to our souls”17 huma x’inhuma l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Kemm jekk qed nesperjenzaw it-taqbid personali, l-inkwiet fil-familja jew xi kriżi fil-komunità, il-paċi niksbuha hekk kif aħna naċċettaw li l-Iben Imnissel Waħdieni ta’ Alla għandu l-qawwa li jikkalma r-ruħ muġugħa tagħna.

Immaġni
Snježana Podvinski, membru fil-Kroatja

Snježana Podvinski, waħda mill-ftit Qaddisin li hemm ġewwa Karlovac, il-Kroazja, uriet il-fiduċja tagħha fis-Salvatur meta s-sena l-oħra, fi spazju ta’ sitt xhur, tilfet kemm lir-raġel tagħha kif ukoll lill-ġenituri tagħha. Maħkuma min-niket, iżda b’ testimonjanza li hi kellha li l-familji huma għal dejjem, hija nefqet il-flus kollha li kellha mfaddlin biex marret fit-tempju, fejn hemmhekk hi ġiet issiġillata ma’ żewġha u mal-ġenituri tagħha. Hija qalet li dawk il-jiem li għaddiet fit-tempju kienu l-isbaħ mument ta’ ħajjitha. Minħabba t-testimonjanza ferma tagħha ta’ Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu, hija ħasset fiha l-paċi u esperjenzat il-fejqan li wasal biex saħħaħ ukoll lil dawk ta’ madwarha.

Il-fejqan u l-paċi mhumiex l-uniċi barkiet li aħna niksbu minħabba l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu. Kif qal il-President Henry B. Eyring: “Jiena grat ta’ kemm-il darba l-Mulej ġie jżurni permezz tal-Farraġ kull darba li jiena kont neħtieġ il-paċi. Madankollu Missierna tas-Smewwiet ma jimpurtahx biss mill-faraġ tagħna iżda fuq kollox jimpurtah mill-progress li aħna qed nagħmlu fil-mixja tagħna lejn is-smewwiet.”18

Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, li jinkludi fih ukoll ir-rigal tal-fidwa u l-qawmien mill-imwiet, aħna nistgħu wkoll nindmu, ninbidlu u nibqgħu għal dejjem nagħmlu progress. Minħabba l-qawwa li Huwa jagħtina hekk kif aħna nkunu ubbidjenti, aħna naslu biex nirnexxu ferm aktar milli qatt nistgħu nirnexxu mingħajru. Jista’ jkun li aħna ma nifhmux għal kollox kif, iżda kull wieħed u waħda minna li xi darba ħass il-fidi fi Kristu tikber ġewwa fih, irċieva wkoll għarfien akbar tal-identità divina u l-għan divin tiegħu nnifsu, li jwassluh biex jagħmel għażliet li huma konsistenti ma’ dak l-għarfien.

Minkejja dinja li tipprova tniżżilna f’ livell ta’ “sempliċi annimali,”19 l-għarfien tagħna li Alla huwa Missierna jassigurana li aħna għandna potenzjal divin u wegħda rjali. Minkejja dinja li tgħidilna li din il-ħajja ma fiha l-ebda skop, l-għarfien tagħna li l-Uniku Iben Waħdieni ta’ Alla għamilha possibbli għalina li nkunu mifdijin u mqajmin mill-mewt jimliena bit-tama tal-progress etern.

Nimitaw lil Ġesù Kristu

Hekk kif aħna nitgħallmu aktar dwar Ġesù Kristu, aħna niżviluppaw fidi akbar fih u b’ mod naturali nkunu rridu nimxu wara l-eżempju Tiegħu. Li nżommu l-kmandamenti Tiegħu ssir l-akbar xewqa tagħna. Qalbna tixxennaq li ttaffi s-sofferenza tal-oħrajn, kif għamel Hu, u aħna nkunu rriduhom jesperjenzaw wkoll il-paċi u l-ferħ li sibna aħna.

Li nippruvaw nagħmlu dak li għamel Hu għalfejn hija ħaġa daqstant qawwija? Minħabba li l-għemil tagħna jkun jirrifletti l-fidi tagħna, l-Ispirtu s-Santu jixhed magħna dwar il-verità eterna.20 Ġesù jgħallem lid-dixxipli Tiegħu biex iżommu l-kmandamenti Tiegħu għaliex Huwa jaf li hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju Tiegħu, aħna nibdew nesperjenzaw il-ferħ, u hekk kif nibqgħu mexjin fit-triq Tiegħu, aħna naslu biex verament niksbu l-milja ta’ ferħ. Huwa spjega “Għedtilkom dan biex intom tibqgħu tgawdu l-ferħ tiegħi, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”21

It-testimonjanzi tagħna huma verament mibnijin fuq il-pedament fundamentali ta’ Kristu u l-evanġelju Tiegħu? Meta ninħakmu mill-maltemp tal-ħajja, aħna fejn immorru nfittxu l-għajnuna, f’ xi ktieb li jgħidilna x’ għandna nagħmlu jew inkella f’ xi post fuq l-internet? Li aħna niddedikaw ħin biex nibnu u nsaħħu l-għarfien u t-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù Kristu irendilna dividenti mill-aktar kbar fi żminijiet ta’ prova u avversità. Li aħna naqraw kuljum l-iskrittura u nixtarru l-kliem tal-profeti ħajjin, li ngħidu t-talb personali u sinifikanti tagħna, li kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament, li nservu kif iservi s-Salvatur kieku kellu jkun minflokna—kull waħda minn dawn l-attivitajiet sempliċi ssir għalina waħda mill-blokki li aħna nużaw biex bihom nibnu l-ħajja ferħana tagħna.

X’inhu dak li lilkom iġibilkom il-ferħ? Tgħid il-mument li fih taraw lill-maħbubin tagħkom wara ġurnata ‘l bogħod minnhom? Jew forsi is-sodisfazzjon li tħossu wara li tkunu wettaqtu biċċa xogħol sewwa? Jista’ jkun id-dawl f’ għajnejn dik il-persuna li intom qed tgħinuha ttaffi t-tagħbija li tinsab iġġorr? Tgħid il-kliem ta’ għanja li tippenetra l-profondità ta’ qalbkom? Jew l-għafsa ta’ id il-ħabiba għażiża tagħkom meta toħdilkom b’ idejkom? Ieqfu ftit u rriflettu fuq il-barkiet tagħkom u mbagħad sibu mod kif tistgħu taqsmuhom ma’ ħaddieħor. Hekk kif intom tippruvaw taqdu lil oħrajn u tgħinu lil ħutkom li jinsabu fl-inħawi ta’ fejn toqogħdu jew f’ xi parti oħra tad-dinja li tinsab f’ tant konfużjoni, intom tħossu fikom aktar paċi, fejqan u saħansitra progress.

Ersqu Lejh. Jiena nixhed li hekk kif intom tiffokaw ħajjitkom fuq Ġesù Kristu, intom issibu l-ferħ f’ kwalunkwe ċirkustanzi li tistgħu tinsabu fihom. Verament, “Hu, l-uniku Wieħed,”22 huwa Dak li aħna neħtieġu. Araw li tiddedikaw ħin u ssibu ħin biex fih issiru tafu lil Ġesù Kristu billi tistudjaw b’ diliġenza, tiżviluppaw fidi akbar fih, u tagħmlu l-almu tagħkom biex issiru aktar tixbhuh. Hekk kif nagħmlu dan, aħna wkoll inħossu li għandna ngħidu, flimkien maċ-ċkejkna Laynie, “Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal inkomparabbli ta’ Ibnu d-divin.”23 Fl-isem imbierek u sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja