2010-2019
Eklissi Spiritwali
Ottubru 2017


Eklissi Spiritwali

Tħallux id-distrazzjoni tal-ħajja timblokka d-dawl tas-smewwiet.

Fil-21 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, seħħew żewġ avvenimenti mill-aktar rari li ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna nies minn madwar id-dinja. L-ewwel avveniment kien iċ-ċelebrazzjoni tad-disgħin sena minn għeluq snin il-profeta maħbub tagħna, il-President Thomas S. Monson. F’dawk il-ġranet, jiena kont fuq xogħol assenjat lili fir-Reġjun tal-Paċifiku u ħassejtni verament kuntent li l-Qaddisin fl-Awstralja, fil-Vanuatu, fi New Zealand u fil-Polynesia Franċiża mhux biss kienu konxji li huwa kien għalaq din l-età tant sabiħa, iżda ferħu wkoll flimkien hekk kif iċċelebraw dak il-jum. Jiena ħassejtni verament fortunat li stajt naqsam magħhom l-espressjoni ta’ fidi u mħabba li huma wrew lejn dan ir-raġel meraviljuż. Hija veru ħaġa li tispirak li tara l-konnessjoni li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandhom mal-profeta tagħhom.

Il-President Monson, li bla dubju huwa konxju ta’ dawk li awgurawlu għal jum għeluq sninu, iddeskriva r-rigal ideali għal għeluq sninu: “Sibu lil xi ħadd li jinsab għaddej minn xi żmien diffiċli jew li jinsab marid jew waħdu u għamlu xi ħaġa ta’ ġid għalih. Dan hu kulma jiena nixtieq.”1 Aħna nħobbuk u nsostnuk, President Monson.

Eklissi Solari

L-avveniment l-ieħor rari u ċelestjali li seħħ fl-istess jum u ġibed l-attenzjoni ta’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja, kien l-eklissi solari totali. Din kienet l-ewwel darba f’ 99 sena li eklissi bħal din dehret ma’ kull naħa tal-Istati Uniti.2 Intom qatt rajtu xi eklissi solari? Forsi jkun tajjeb li niddeskrivi dan f’ aktar dettall.

Eklissi solari totali sseħħ meta l-qamar jersaq bejn id-dinja u x-xemx, u jgħatti kważi kompletament kull dawl li jkun ġej minn wiċċ ix-xemx.3 Għalija, il-fatt biss li dan jista’ jseħħ huwa fih innifisu xi ħaġa meraviljuża. Jekk timmaġinaw li x-xemx hi kbira daqs tajer komuni ta’ rota, il-qamar ma jkunx ikbar minn ċagħqa żgħira.

Tajer ta’ rota u ċagħqa

Kif inhu possibbli li l-istess sors li jagħtina s-sħana, id-dawl u l-ħajja jista’ jiġi mgħotti hu stess minn xi ħaġa komparattivament daqstant insinifikanti fil-qies tagħha?

Għalkemm ix-xemx hija 400 darba akbar mill-qamar, hi tinsab ukoll 400 darba ‘l bogħod mid-dinja.4 Mill-perspettiva tad-dinja, din il-ġeometrija twassal biex ix-xemx u l-qamar jidhru li huwa l-istess daqs. Meta t-tnejn li huma jiġu eżatt quddiem xulxin, il-qamar jagħti l-impressjoni li hu jkun qed joskura kompletament lix-xemx. Xi ħbieb u membri tal-familja tiegħi li kienu jinsabu fiz-zona li esperjenzat l-eklissi totali ddeskrivew kif flok id-dawl dehret dalma, feġġew il-kwiekeb u l-għasafar waqfu jkantaw. F’ daqqa waħda waqgħet il-kesħa hekk kif it-temperaturi f’ eklissi jistgħu jonqsu b’ aktar minn 20 grat Fahrenheit (11-il grad Celsius.5

Folla nies b’ nuċċali tal-eklissi

Huma ddeskrivew sens ta’ meravilja, għaġeb u saħansitra anke xi ftit ta’ anzjetà, għax kienu jafu li eklissi tista’ ġġib magħha ċerti perikli. Madankollu, kollha kemm huma qagħdu attenti sabiex jipprevjenu li ssir xi ħsara fl-għajnejn jew “telfien tad-dawl tal-eklissi” waqt dan l-avveniment tal-eklissi. Huma kienu ħielsa minn xi periklu għaliex kienu libsu nuċċali li għandu lentijiet speċjali li kienu qed jipproteġulhom għajnejhom milli ssirilhom xi ħsara.

L-Analoġija

Bl-istess mod kif l-istess qamar ċkejken jista’ jimblokka l-meravilja tax-xemx, li jwassal biex saħansitra jitfi d-dawl u s-sħana tagħha, eklissi spiritwali tista’ sseħħ meta aħna nħallu ċerti ostakli żgħar u inkwetanti—dawk li aħna nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum—jersqu tant viċin tagħna li jispiċċaw biex jimblukkaw il-kobor, id-dija, u ż-żelu tad-dawl ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu.

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell tkellem aktar fid-dettall dwar din l-analoġija meta huwa ddikjara: “Anke ħaġa verament żgħira daqs is-saba’ l-kbir ta’ bniedem, meta huwa jqiegħdu viċin ħafna ta’ għajnejh, dan jista’ jasal biex jimblokkalu x-xemx li hi daqstant kbira. Madankollu x-xemx xorta waħda tkun għadha hemmhekk. L-għama ġabha fuqu hu nnifsu. Meta aħna nressqu ħwejjeġ oħra daqstant viċin, u npoġġuhom l-ewwel, aħna nispiċċaw biex nimblokkaw il-viżjoni tagħna tas-smewwiet.”6

M’hemmx dubju li ħadd minna ma jrid li intenzjonalment jimblokka l-viżjoni tiegħu tas-smewwiet jew jippermetti li f’ ħajjtu sseħħ xi eklissi spiritwali. Ippermettuli naqsam magħkom xi ħsibijiet li jistgħu jgħinuna nipprevenu li l-eklissi spiritwali tikkawżalna xi ħsara spiritwali permanenti.

Nuċċalijiet tal-Evanġelju: Inżommu Perspettiva tal-Evanġelju

Tiftakru li jiena ddeskrivejtilkom ċertu nuċċali speċjali li jintuża biex jipproteġi lil dawk li jkunu qed iħarsu lejn l-eklissi solari milli jagħmlu ħsara f’ għajnjehom jew milli saħansitra jagħmew? Li aħna nħarsu lejn l-eklissi spiritwali permezz tal-lenti li tipproteġina u ratba tal-Ispirtu tipprovdilna perspettiva tal-evanġelju li tista’ tipproteġina milli nagħmew spiritwalment.

Ejjew nikkunsidraw flimkien xi ftit eżempji. Bil-kliem tal-profeti f’ qalbna u bl-Ispirtu s-Santu bħala l-kunsillier tagħna, aħna nistgħu nżommu ħarsitna fuq id-dawl ċelestjali li jkun imblukkat parzjalment permezz tan-“nuċċali tal-evanġelju,” u nevitaw il-ħsara ta’ eklissi spiritwali.

Allura kif nistgħu nilbsu n-nuċċali tal-evanġelju? Dawn li ġejjin huma xi ftit eżempji: In-nuċċali tagħna tal-evanġelju jinfurmana li l-Mulej jixtieq li kull ġimgħa aħna nieħdu sehem fis-sagrament u li Huwa jixtieq li aħna nistudjaw l-iskrittura u nitolbu kuljum. Huma jinfurmawna li Satana jipprova jżommna milli nwettquhom. Aħna nafu li l-aġenda tiegħu tfittex li tisirqilna l-għażla ħielsa tagħna permezz ta’ ċerta distrazzjoni u permezz tat-tentazzjonijiet tad-dinja. Anke fi żmien Ġob, probabbilment kien hemm xi wħud li kienu qed jesperjenzaw eklissi spiritwali, li ġew deskritti li huma: “Binhar isibu d-dlam ma’ wiċċhom, u fl-aqwa tax-xemx iteftfu qisu billejl.”7

Ħuti, meta jiena ngħidilkom li għandna nħarsu permezz tan-nuċċali tal-evanġelju, jiena mhux qed nissuġġerixxi li aħna m’għandniex nagħrfu jew niddiskutu t-tibdil li nħabbtu wiċċna miegħu jew li ngħixu ħajjitna mingħajr ma nkunu konxji tan-nases u l-ħażen li qed ipoġġi quddiemna l-għadu tagħna. Jiena mhux qed ngħid li intom għandkom tilbsu l-blinders—iżda pjuttost bil-kontra. Jiena qed nissuġġerixxi li aħna nħarsu lejn dawk l-isfidi permezz tal-lenti tal-evanġelju. Il-Presbiteru Dallin H. Oaks osserva li “il-perspettiva hi l-abbiltà li aħna naraw l-informazzjoni kollha relevanti f’ relazzjoni sinifikanti.”8 Perspettiva tal-evanġelju tespandi l-viżjoni tagħna għal panorama eterna.

Meta intom tilbsu n-nuċċali tal-evanġelju, intom tibdew tesperjenzaw perspettiva aktar wiesgħa, tibdew verament tiffokaw u jkollkom ċerta viżjoni fil-mod li intom taħsbu dwar il-prioritajiet tagħkom, il-problemi tagħkom, it-tentazzjonijiet tagħkom u saħansitra l-iżbalji tagħkom. Id-dija tad-dawl li tibdew taraw ma tkunux tistgħu tarawha mingħajru.

Nuċċali tal-evanġelju

Ironikament, mhuwiex biss dak li hu negattiv li jista’ jikkawża l-eklissi spiritwali f’ ħajjitna. Ħafna drabi ċerti affarijiet ta’ min jammirahom u pożittivi li aħna niddedikaw ħina għalihom jafu jersqu tant viċin tagħna li jispiċċaw biex jibblukkaw id-dawl tal-evanġelju u jikkawżaw dalma. Dawn il-perikli u distrazzjonijiet jistgħu jinkludu l-edukazzjoni u l-prosperità, ċerta setgħa u influwenza, ambizzjoni, u saħansitra ċerti talenti u doni.

Il-President Dieter F. Uchtdorf għallem li “kwalunkwe virtù jekk aħna nużawha b’ mod estrem taf tinbidel f’ vizzju. … Naslu f’ punt fejn ċerti avvenimenti importanti jafu jsiru għalina ostakli u ċerti ambizzjonijiet jafu jsiru ġebla m’ għonqna.”9

Ippermettuli naqsam magħkom b’ aktar dettall ċerti eżempji oħra li jafu jkunu ta’ għajnuna kbira biex aħna nevitaw eklissi spiritwali f’ ħajjitna.

Midja Soċjali

Ftit tax-xhur ilu, jiena tkellimt waqt Konferenza tan-Nisa ta’ BYU.10 Jiena ddeskrivejt kif it-teknoloġija, inkluż il-midja soċjali, tista’ tiffaċilita t-tixrid ta’ “l-għarfien tas-Salvatur … fost kull ġens, razza, ilsien u poplu.”11 Dawn it-teknoloġiji jinkludu l-websajts tal-Knisja fosthom LDS.org u Mormon.org; applikazzjonijiet tal-mowbajl bħal Gospel Library, Mormon Channel, LDS Tools, u Family Tree; u ċerti pjattaformi fuq il-midja soċjali fosthom Facebook, Instagram, Twitter, u Pinterest. Dawn il-modalitajiet iġġeneraw mijiet ta’ miljuni ta’ likes, shares, views, retweets, u pins u saru verament effettivi u effiċjenti biex aħna naqsmu l-evanġelju mal-familja, mal-ħbieb u ma’ dawk li jkollna kuntatt magħhom.

Minkejja l-virtujiet u l-użu xieraq ta’ dawn it-teknoloġiji, hemm ċerti riskji marbutin magħhom li, meta nressquhom wisq viċin tagħna, jafu jdaħħluna f’ eklissi spiritwali u għandhom il-potenzjal li jimblukkaw id-dija u ż-żelu tal-evanġelju.

L-użu tal-midja soċjali, l-applikazzjonijiet u l-logħob tal-mowbajl, jekk ma nużawhomx sew, jafu jisirqulna l-ħin tagħna kif ukoll iżommuna milli nitkellmu wiċċ imb’ wiċċ ma’ ħaddieħor. In-nuqqas tal-konverżazzjoni personali jista’ jeffettwa ż-żwiġijiet, jieħu post ċerti drawwiet spiritwali importanti, u jaf iżommna milli niżviluppaw il-kapaċitajiet soċjali tagħna, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Żewġ riskji oħra relatati mal-midja soċjali huma r-realtà idealizzata u t-tqabbil debilitanti.

Ħafna (jekk mhux il-maġġoranza) mir-ritratti li jiġu ppostjati fuq il-midja soċjali juru l-ħajja fl-aqwa tagħha—bosta drabi b’ mod li mhu realistiku xejn. Ilkoll kemm aħna ġieli rajna ritratti sbieħ ta’ djar dekorati, btajjel f’ postijiet mill-isbaħ, ritratti stessi b’ uċuh jitbissmu, ikel imħejji b’mod mill-aktar elaborat u ritratti ta’ nies b’ figura li diffiċli wieħed ikollu bħalha.

Dan, per eżempju, huwa ritratt li tafu taraw bħalu fuq il-paġna tal-midja soċjali ta’ xi ħadd. Madankollu, dan mhux qed juri l-istampa sħiħa ta’ dak li fil-fatt ikun qed jiġri fil-ħajja reali.

Ambjent li fih kienu qed isiru l-pasti

Li aħna noqogħdu nqabblu l-ħajja pjuttost komuni tagħna mal-ħajja edittjata u rranġata kif tkun ppreżentata b’ mod perfett fuq il-midja soċjali, taf twassalna biex aħna ninħakmu minn sentimenti ta’ skoraġġiment, għira u saħansitra falliment.

Persuna li ppustjat diversi posts tagħha stess qalet, jista’ jkun b’ nofs ċajta, “X’ jiswa li tkun ferħan jekk ma ttellax ritratt ta’ kif qiegħed tħossok?”12

Kif fakkritna Sister Bonnie L. Oscarson dalgħodu, is-suċċess fil-ħajja ma jiddependix minn kemm jagħmlulek ‘like’ in-nies jew kemm għandek ħbieb jew nies isegwuk fuq il-midja soċjali. Iżda dan jista’ jiddependi, madankollu, minn kemm aħna nagħmlu kuntatt sinifikanti ma’ ħaddieħor u minn kemm aħna nwasslulhom aktar dawl.

Nispera li aħna nistgħu nitgħallmu nkunu aktar reali, infittxu aktar l-umoriżmu, u nesperjenzaw anqas skoraġġiment meta niġu kkonfrontati minn ċerti ritratti li jafu juru r-realtà idealizzata u li ħafna drabi jwasslu biex nagħmlu ċertu tqabbil debilitanti.

Apparentament, dan it-tqabbil mhuwiex biss sinjal ta’ żminijietna iżda kien iseħħ ukoll fiż-żminijiet passati. L-Appostlu Pawlu wissa lin-nies ta’ żmienu li “meta dawn iqisu ruħhom bihom infushom u jqabblu lil ruħhom magħhom infushom ikunu bla moħħ.”13

B’ daqstant użu xieraq u spirat tat-teknoloġija, ejjew nużawha biex ngħallmu u biex nispiraw u nelevaw ruħna kif ukoll biex inħeġġu lil ħaddieħor jilħaq il-potenzjal tiegħu—minflok ma nużawha biex nippruvaw nuru verżjoni virtwali u idealizzata tagħna nfusna. Ejjew ukoll ngħallmu u nuru l-użu tajjeb tat-teknoloġija lill-ġenerazzjoni li għadha tiela’ kif ukoll inwissuha kontra l-perikli assoċjati magħha u l-użu distruttiv tagħha. Jekk aħna nħarsu lejn il-midja soċjali mil-lenti tal-evanġelju, aħna nistgħu nipprevenuha milli twassal għal eklissi spiritwali f’ ħajjitna.

Kburija

Issa ejjew nindirizzaw l-ostaklu, li kien minn dejjem, tal-kburija. Il-kburija hija l-oppost tal-umiltà, li hija d-dispożizzjoni li nissottomettu ruħna għar-rieda tal-Mulej.”14 Meta aħna nitkabbru, għandna ħabta li nieħdu fuqna stess l-unur minflok ma nagħtu unur lil ħaddieħor, inkluż lill-Mulej. Il-kburija ħafna drabi hija kompetittiva; għandha tendenza li tfittex li tikseb aktar u tippretendi li aħna aħjar minn ħaddieħor. Il-kburija ħafna drabi twassal għal sentimenti ta’ rabja u mibegħda; twassal biex dak li jkun jibqa’ jżomm fih ċerta mibgħeda kontra ħaddieħor jew inkella jibqa’ ma jaħfirx. Il-kburija, madankollu, tista’ tinbala’ mill-umiltà, kwalità li tixbah lil Kristu.

Ir-relazzjonijiet tagħna, anke dawk mal-membri tal-familja u mal-maħbubin tagħna, speċjalment mal-membri tal-familja u mal-maħbubin tagħna—anke dawk ta’ bejn il-koppji—jissaħħu permezz tal-umiltà u jitkissru permezz tal-kburija.

Bosta snin ilu, wieħed li kien imexxi kumpanija ċempilli biex ikellimni dwar il-kumpanija tiegħu li kienet se tinxtarha minn waħda mill-kumpaniji kompetituri tagħha. Hu flimkien ma’ għadd ta’ persuni li kienu jaħdmu fil-kwartieri ewlenin tal-kumpanija kienu verament qed jibżgħu li setgħu jitilfu l-impjieg tagħhom. Peress li hu kien jaf li jiena kont naf mill-viċin lil dawk li kienu jmexxu l-kumpanija li kienet xtratha, huwa talabni jekk jiena kontx lest li nintroduċih u ngħaddilu kelma, anke saħansitra forsi nirranġa xi laqgħa f’ ismu. Imbagħad huwa kkonkluda b’ din id-dikjarazzjoni: “Taf x’ jgħidu? ‘Il-ġwejdin jinqerdu!’”

Jiena fhimt li l-intenzjoni tal-kumment tiegħu kienet waħda umoristika. Ħadtha b’ ċajta. Iżda kien hemm prinċipju importanti li ħassejt li seta’ jgħinu. Jiena weġibtu, “Fil-fatt, mhux hekk jgħidu. Pjuttost l-oppost. ‘Il-ġwejdin … għad jirtu l-art,’15 dak li hemm miktub.”

Fl-esperjenza tiegħi fil-Knisja kif ukoll tul il-karriera professjonali tiegħi, xi wħud mill-aktar nies kbar u effettivi li jiena qatt iltqajt magħhom kienu wkoll fost l-aktar nies ġwejda u umli.

L-umiltà u l-manswetudni jmorru flimkien. Jalla aħna niftakru li “jiġu aċċettati quddiem Alla dawk biss li għandhom il-manswetudini u l-ħlewwa f’ qalbhom.”16

Jiena nitlob li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw l-eklissi spiritwali tal-kburija billi nħaddnu l-virtù tal-umiltà.

Konklużjoni

Fil-qosor, l-eklissi solari hi, fil-fatt, fenomenu meraviljuż tan-natura li matulu s-sbuħija, is-sħana u d-dawl tax-xemx jistgħu jitgħattew kompletament minn oġġett komparattivament insinifikanti, li jwassal għad-dalma u l-kesħa.

Fenomenu simili jista’ jirrepeti ruħu wkoll fis-sens spiritwali, meta xi ħaġa pjuttost żgħira u insinifikanti inħalluha tersaq viċin wisq tagħna u tispiċċa biex timblokka s-sbuħija, iż-żelu u d-dawl ċelestjali tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, fejn postu jittieħed mid-dalma u l-kesħa.

Nuċċali ddisinjat biex jipproteġi l-viżjoni ta’ dawk li jkunu fiż-żona tal-eklissi solari totali jista’ jipprevjeni li ssir xi ħsara permanenti u saħansitra li wieħed jitlef id-dawl t’ għajnejh.17 In-nuċċali tal-evanġelju magħmul mill-għarfien u t-testimonjanza tal-prinċipji u l-ordinanzi tal-evanġelju jipprovdilna perspettiva tal-evanġelju li tista’ bl-istess mod tipprovdi aktar protezzjoni spiritwali lil xi ħadd li jkun espost għall-perikli li ġġib magħha eklissi spiritwali.

Jekk intom tiskopru xi ħaġa li tkun qed tidher li qed timblokka d-dawl u l-ferħ tal-evanġelju fil-ħajja tagħkom, nistedinkom biex tħarsu lejha mill-perspettiva tal-evanġelju. Ħarsu mil-lenti tal-evanġelju u kunu viġilanti biex fil-ħajja ma tħallux xi affarijiet insinifikanti mingħajr importanza joskuraw il-panorama eterna tagħkom tal-pjan meraviljuż ta’ ferħ. F’ kelma waħda, tħallux id-distrazzjoni tal-ħajja timblokka d-dawl tas-smewwiet.

Testimonjanza

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li jkun xi jkun l-ostakolu li jkun qed jimblokka d-dehra tagħna tad-dawl tal-evanġelju, id-dawl xorta waħda jkun għadu hemm. Dak is-sors taż-żelu, tal-verità u tad-dija huwa l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi ta’ Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna, ta’ Ibnu, Ġesù Kristu u tal-irwol tal-Iben bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Thomas S. Monson, in Sarah Jane Weaver, “What Gift Does President Monson Want for His 90th Birthday?” Deseret News, 17 ta’ Aww. 2017, deseretnews.com.

  2. Ara Christina Zdanowicz and Judson Jones, “An Eclipse Will Cross the US for the First Time in 99 Years,” 24 ta’ Lulju, 2017, cnn.com.

  3. Ara “Eclipse: Who? What? Where? When? and How?” eclipse2017.nasa.gov.

  4. Ara EarthSky in Space, “Coincidence That Sun and Moon Seem Same Size?” earthsky.org.

  5. Ara Brian Lada, “5 Surprising Effects the Total Solar Eclipse Will Have besides Darkness,” accuweather.com.

  6. Neal A. Maxwell, Of One Heart: The Glory of the City of Enoch (1975), 19.

  7. Ġob 5:14.

  8. Dallin H. Oaks, diskors mogħti waqt fireside tal-Wited tal-Adulti Żgħażagħ Singles ta’ Salt Lake Bonneville, Belt ta’ Salt Lake, Utah, 8 ta’ Frar, 2015.

  9. Dieter F. Uchtdorf, “Of Things That Matter Most,”Liahona, Nov. 2010, 20.

  10. Ara Gary E. Stevenson, “The Knowledge of a Savior” (Konferenza tan-Nisa fl-Università ta’ Brigham Young, 5 ta’ Mejju, 2017).

  11. Mosiah 3:20.

  12. Jade, “The Obsession of Creating a Picture-Perfect Life on Social Media.”

  13. 2 Korintin 10:12.

  14. Ara Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2004), 120–21.

  15. Mattew 5:5; 3 Nephi 12:5.

  16. Moroni 7:44.

  17. Ara “Solar Eclipse and Your Eyes,” preventblindness.org.