2010-2019
Il-Ħobż Ħaj li Niżel mis-Smewwiet
Ottubru 2017


Il-Ħobż Ħaj li Niżel mis-Smewwiet

Jekk aħna nixtiequ li ngħammru fi Kristu u nħallu lilu jgħammar fina, mela jeħtieġ li nfittxu l-qdusija.

L-għada li Ġesù b’ mod mirakoluż tama’ 5,000 ruħ ġewwa l-Galilija b’ sempliċiment “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar,”1 Huwa reġa’ mar ikellem lin-nies ġewwa Kafarnahum. Is-Salvatur ipperċepixxa li ħafna min-nies li kien hemm kienu aktar interessati li Huwa jerġa’ jitmagħhom milli fit-tagħlim Tiegħu .2 Minħabba f’ hekk, Huwa pprova jikkonvinċihom dwar il-valur ferm akbar “tal-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.”3 Ġesù ddikjara:

“Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.

“Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;

“Dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

“Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”4

Dak li verament ried ifisser is-Salvatur spiċċa f’ widnejn torox hekk kif dawk li semgħuh interpretaw it-tifsira tad-dikjarazzjoni Tiegħu b’ mod letterali u xejn aktar. Sorpriżi b’ dak li qalilhom, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom, “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”5 Ġesù kompla jenfasizza aktar dak li ried ifisser:

“Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

“Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.”6

Imbagħad Huwa esprima t-tifsira profonda tal-metafora Tiegħu:

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.

“Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.”7

Madankollu dawk li kienu qed jisimgħuh xorta waħda baqgħu ma fehmux x’ kien qed jgħidilhom Ġesù, u ħafna … , meta semgħuh, qalu, Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu? … [U] minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.”8

Li nieklu ġismu u nixorbu demmu huwa mod impressjonanti biex nesprimu kemm verament aħna għandna nistiednu kompletament lis-Salvatur f’ ħajjitna—fl-istess natura tagħna—biex aħna nkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda miegħu. Kif jista’ jkun dan?

L-ewwel, jeħtieġ li aħna nifhmu li meta Huwa ssagrifika ġismu u demmu, Ġesù patta għal dnubietna u għeleb il-mewt, kemm fiżika kif ukoll spiritwali.9 Bla dubju, mela, aħna nieklu ġismu u nixorbu demmu meta aħna nirċievu mingħandu l-qawwa u l-barkiet tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Id-duttrina ta’ Kristu tesprimi x’ għandna nagħmlu aħna biex nirċievu l-grazzja tal-fidwa. Tgħallimna li għandna nemmnu u jkollna l-fidi ta’ Kristu, li nindmu u nitgħammdu u nirċievu l-Ispirtu s-Santu, “u mbagħad tasal il-maħfra ta’ dnubietkom permezz tan-nar u permezz tal-Ispirtu s-Santu.”10 Din hija x-xatba, l-aċċess għall-grazzja tal-fidwa u għall-mogħdija stretta u dejqa li twassalna sas-saltna Tiegħu.

“Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.

“… Araw, din hija d-duttrina ta’ Kristu, u l-uniku vera duttrina tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, li huwa Alla wieħed, mingħajr tmiem.”11

Is-simboliżmu tas-sagrament tal-Ikla tal-Mulej huwa xi ħaġa mill-isbaħ x’ wieħed jikkontempla. Il-ħobż u l-ilma jirrappreżentaw il-ġisem u d-demm ta’ Dak li huwa l-Ħobż tal-Ħajja u l-Ilma l-Ħaj,12 u b’ mod mill-aktar ċar ifakkarna dwar il-prezz li Huwa ħallas biex jifdina. Hekk kif ikun qed jinqasam il-ħobż, aħna niftakru fil-ġisem imqatta’ tas-Salvatur. Il-Presbiteru Dallin H. Oaks darba osserva li “peress li l-ħobż jiġi maqsum u mqatta’, kull biċċa hija unika, l-istess kif l-individwi li jieklu minnu huma uniċi. Aħna lkoll għandna dnubiet differenti x’ nindmu minnhom. Aħna lkoll għandna bżonnijiet differenti biex nissaħħu permezz tal-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu, li fih aħna niftakru f’ din l-ordinanza.”13 Hekk kif aħna nixorbu l-ilma, aħna naħsbu fid-demm li Huwa xerred fil-Ġetsemani u fuq is-salib kif ukoll fil-qawwa li tqaddisna tiegħu.14 Bl-għarfien li għandna li “l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis-saltna tiegħu,” aħna rridu li nkunu fost “dawk li ħaslu l-ilbies tagħhom permezz tad-demm tas-Salvatur, minħabba l-fidi tagħhom, għax nidmu minn dnubiethom u peress li baqgħu fidili sat-tmiem.”15

Jiena tkellimt dwar il-ħtieġa li aħna nirċievu l-grazzja tal-fidwa tas-Salvatur li teħlisna minn dnubietna u mit-tbajja ta’ dawk id-dnubiet. Iżda b’ mod figurattiv, li nieklu ġismu u nixorbu demmu għandha wkoll tifsira oħra, u din hi li aħna nassimilaw il-kwalitajiet u l-karattru ta’ Kristu, ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nsiru Qaddisin “permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu l-Mulej.”16 Hekk kif kull ġimgħa aħna nieklu mill-ħobż u nixorbu mill-ilma tas-sagrament, ikun tajjeb li aħna nikkunsidraw kif nistgħu ninkorporaw b’ mod aktar sħiħ u komplet il-karattru kif ukoll it-tip ta’ ħajja bla dnub Tiegħu fil-ħajja u n-natura tagħna. Ġesù seta’ biss jifdi d-dnubiet ta’ ħaddieħor għaliex Huwa stess kien mingħajr dnub. Peress li l-ġustizzja ma kellha l-ebda kontroll fuqu, Huwa seta’ joffri lilu nnifsu f’ isimna biex jissodisfa l-ġustizzja u mbagħad jurina l-ħniena Tiegħu. Hekk kif aħna niftakru u nonoraw is-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa, aħna għandna wkoll nikkontemplaw il-ħajja bla dnub Tiegħu.

Dan jurina xi bżonn hemm li min-naħa tagħna aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu. Ma nistgħux inkunu sodisfatti kif aħna bħalissa iżda jeħtieġ li nimxu ‘l quddiem kontinwament biex aħna “nsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.”17 Bħal missier is-Sultan Lamoni fil-Ktieb ta’ Mormon, aħna jeħtieġ inkunu lesti li niċħdu d-dnubiet kollha tagħna18 u niffokaw fuq dak li jistenna minna l-Mulej, kemm b’ mod individwali kif ukoll b’ mod kollettiv.

M’ilux, ħabib tiegħi rrakkontali esperjenza li huwa kellu meta kien qed iservi bħala president tal-missjoni. Huwa kien għadu kif għadda minn operazzjoni u wara kellu bżonn jagħmel diversi ġimgħat mistrieħ. Waqt iż-żmien li għamel biex jirkupra, huwa ddedika ċertu ħin għall-istudju tal-iskrittura. Lejla waħda hekk kif huwa kien qed jixtarr kliem is-Salvatur fis- 27 kapitlu ta’ 3 Nefi, marret għajnu bih. Sussegwentement huwa qal:

“Jiena ntlift f’ ħolma li fiha bħal qisni stajt nara filmat panoramiku u mill-aktar ċar ta’ ħajti. Ġejt muri d-dnubiet u l-għażliet xejn tajbin tiegħi, il-mumenti … li fihom jiena ma wrejtx biżżejjed paċenzja ma’ ħaddieħor, kif ukoll il-mumenti li fihom jiena nqast li ngħid jew nagħmel xi ħaġa tajba. …Ħarsa… komprensiva ta’ ħajti ntweriet lili f’ ħin ta’ ftit minuti, għalkemm deher ħafna itwal. Jiena stenbaħt xi ftit maħsud u … fil-pront inżilt għarkupptejja ħdejn is-sodda u bdejt nitlob, nitlob għall-maħfra, fejn ftaħt qalbi b’ mod li qatt ma kont għamilt qabel.

“Qabel dik il-ħolma, jien ma kontx naf li kelli daqshekk bżonn li nindem. Id-difetti u d-dgħjufijiet tiegħi f’ daqqa waħda tant bdejt narahom ċari li bejn il-persuna li kont qabel u l-qdusija u t-tjubija ta’ Alla kien jidher li kien hemm distakk ta’ miljuni ta’ mili. Fit-talba tiegħi dik il-lejla, jiena esprimejt il-gratitudni profonda tiegħi b’ qalbi kollha lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn is-Salvatur għal dak li Huma għamlu għalija u għar-relazzjoni li għandi ma’ marti u ma’ wliedi, li jiena tant ngħożż. Hekk kif kont għadni għarkupptejja jiena ħassejt ukoll b’ qawwa l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, minkejja li ftit li xejn kont qed inħossi den. …

“Ikolli ngħid li minn dak inhar ma bqajtx aktar il-bniedem li kont qabel. … Kienet seħħet bidla ġewwa qalbi. … Li ġara kien li jiena żviluppajt aktar empatija lejn ħaddieħor, kapaċità akbar li nħobb, kif ukoll ħassejt fija sens ta’ urġenza li nippriedka l-evanġelju. … Jiena stajt nifhem aktar minn qatt qabel il-messaġġi ta’ fidi u tama u d-don tal-indiema li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon .”19

Huwa importanti li nagħrfu li l-mod daqstant ċar kif dan ir-raġel twajjeb ġew żvelati lilu d-dnubiet u l-nuqqasijiet tiegħu ma wassluhx biex huwa jaqta’ qalbu jew jiddispra. Iva, ħass fih rimors kif ukoll ħassu xxukkjat. Huwa ħass b’ qawwa kbira l-bżonn li jindem. Huwa wasal biex ċekken lilu nnifsu, madankollu huwa ħass fih gratitudni, paċi u tama—tama reali—grazzi għal Ġesù Kristu, “il-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.”20

Sieħbi tkellem dwar id-distakk li ħass li kien hemm fil-ħolma tiegħu bejn il-ħajja tiegħu u l-qdusija ta’ Alla. Qdusija hija l-kelma ġusta. Li nieklu l-ġisem u nixorbu d-demm ta’ Kristu jfisser li nfittxu l-qdusija. Alla talabna, “Kunu qaddisin, għax qaddis jien.”21

Dan huwa l-kunsill li tana Ħenok, “Għallmu dan lil uliedkom, li l-bnedmin kollha, kullimkien, għandhom jindmu, jew huma bl-ebda mod ma jkunu jistgħu jirtu s-saltna ta’ Alla, għaliex l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar hemmhekk, jew tgħammar fil-preżenza Tiegħu; għaliex, biex nuża l-lingwaġġ ta’ Adam, Bniedem ta’ Qdusija huwa ismu, u isem l-Imnissel Waħdieni tiegħu huwa Bin il-Bniedem, sewwasew Ġesù Kristu.”22 Meta kont għadni tifel, bejni u bejn ruħi kont nistaqsi għalfejn fit-Testment il-Ġdid lil Ġesù kienu jirreferu għalih (u saħansitra kien jirreferi għalih innifsu) bħala Bin il-Bniedem meta fil-verità Huwa Bin Alla, iżda d-dikjarazzjoni ta’ Ħenok tispjega b’ mod ċar li dawn ir-referenzi huma fil-fatt rikonoxximent tad-divinità u l-qdusija Tiegħu—Huwa Bin il-Bniedem ta’ Qdusija, Alla l-Missier.

Jekk aħna nixtiequ li ngħammru fi Kristu u nħallu lilu jgħammar fina,23 mela jeħtieġ li nfittxu l-qdusija, kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu.24 Aħna nfittxu dan ġewwa t-tempju, li fuqu hemm imnaqqax, “Qdusija lill-Mulej.” Aħna nfittxu dan fiż-żwiġijiet, fil-familji u fid-djar tagħna. Aħna nfittxu dan kull ġimgħa hekk kif insibu l-għaxqa tagħna fil-jum imqaddes tal-Mulej.25 Aħna nfittxu dan saħansitra fid-dettalji żgħar tal-ħajja tagħna ta’ kuljum: fi kliemna, fi ħsibijietna u fl-apparenza tagħna. Kif iddikjara l-President Thomas S. Monson, “Aħna l-prodott ta’ dak kollu li aħna naqraw, naraw, nisimgħu u naħsbu.”26 Aħna nfittxu l-qdusija hekk kif kuljum nerfgħu salibna.27

Sister Carol F. McConkie osservat: “Aħna nagħrfu li huma ħafna l-isfidi, it-tentazzjonijiet u t- tribulazzjonijiet li jistgħu jżommuna milli nitbiegħdu minn dak kollu li quddiem Alla hu virtuż u ta’ min ifaħħru. Iżda l-esperjenzi mortali tagħna joffrulna l-opportunità li aħna nagħżlu l-qdusija. Ħafna drabi huma s-sagrifiċċji li aħna nagħmlu ħalli nkunu nistgħu nżommu l-patti tagħna li jwasslu biex jissantifikawna u jqaddsuna.”28 U mas- “sagrifiċċji li aħna nagħmlu” jiena nżid ukoll is-servizz li aħna nagħtu.

Aħna nafu li “meta aħna nkunu ta’ servizz għal għajrna aħna nkunu ta’ servizz għal Alla tagħna.”29 U l-Mulej ifakkarna li dan it-tip ta’ servizz huwa fil-qalba tal-ħajja u l-karattru Tiegħu: “Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”30 Il-President Marion G. Romney b’ mod għaqli spjega: “Is-servizz mhuwiex xi ħaġa li jeħtieġ nagħmlu f’ din il-ħajja biex permezz tagħha niksbu d-dritt li ngħixu fis-saltna ċelestjali. Is-servizz huwa sewwasew l-essenza li minnha hi magħmula l-ħajja eżaltata fis-saltna ċelestjali.”31

Żakkarija bassar li fil-jum tas-saltna millenjali tal-Mulej, anke l-qniepen taż-żwiemel se jġorru fuqhom il-kitba “Qdusija lill-Mulej.”32 F’ dak l-istess spirtu, il-Qaddisin pijunieri f’ dawn il-widien waħħlu, biex żgur qatt ma jinsew, il-kliem, “Qdusija lill-Mulej,” kważi fuq kull ħaġa komuni u ordinarja li kellhom kif ukoll fuq dawk il-ħwejjeġ li huma direttament assoċjati mad-drawwiet reliġjużi. Dan il-kliem kien ikun imnaqqax fuq it-tazzi u t-trej tas-sagrament u stampat fuq iċ-ċertifikati ta’ ordinazzjoni tas-Sebgħin u fuq il-banner tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Il-kliem “Qdusija lill-Mulej” kien ikun esebit ukoll fuq it-twieqi tal-Istituzzjoni tal-Kooperattiva Merkantili ta’ Sijon, il-ħanut tad-dipartiment ZCMI. Kont issibu fuq ras xi martell kif ukoll fuq xi tanbur. Il-kliem “Qdusija lill-Mulej” kien imnaqqax fuq il-pumi tal-metall tal-bieb ewlieni tad-dar tal-President Brigham Young. Dawn ir-referenzi għall-qdusija f’ postijiet li jidhru forsi mhux tas-soltu jew li ma tistennihomx jafu pjuttost jidhru xi ftit inkongruwenti, iżda huma jissuġġerixxu sewwasew kemm hi kbira l-ħtieġa li aħna niffokaw fuq il-qdusija f’ kull ħin b’ mod kostanti.

Tazzi tas-sagrament
Trejs tas-sagrament
Tieqa ta’ ħanut ZCMI
Martell
Tanbur
Pum ta’ Bieb ta’ Barra

Li nieklu ġisem is-Salvatur u nixorbu demmu jfisser li neliminaw minn ħajjitna kull ħaġa li mhijiex konsistenti mal-karattru ta’ Kristu u li napplikaw f’ ħajjitna l-kwalitajiet Tiegħu. Din hija l-ogħla tifsira tal-indiema: mhux biss li niċħdu d-dnubiet passati tagħna iżda wkoll li aħna “ndawru qalbna u r-rieda tagħna lejn Alla”33 hekk kif nibqgħu mexjin ‘il quddiem. L-istess kif ġara lil sieħbi fil-ħolma rivelatorja tiegħu, Alla jurina d-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tagħna, iżda Huwa wkoll jgħinna ndawru d-dgħjufijiet tagħna f’ qawwa.34 Jekk b’ sinċerità aħna nistaqsu, “X’ jonqosni nagħmel iżjed?”35 Huwa ma jħalliniex bid-dubju, iżda b’ imħabba, għax jixtieq jarana ferħanin, Huwa jurina x’ għandna nagħmlu. U Huwa jagħtina t-tama.

Huwa sforz mill-aktar intens min-naħa tagħna, u taf tkun ħaġa tal-biża’ l-mixja tagħna lejn il-qdusija li kieku aħna tħallejna naqdfu weħidna. Il-verità glorjuża hi li aħna ma ninsabux weħidna. Aħna għandna l-imħabba ta’ Alla, il-grazzja ta’ Kristu, il-faraġ u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu u s-sħubija u l-inkuraġġiment tal-Qaddisin sħabna fil-ġisem ta’ Kristu. La għandna nkunu sodisfatti b’ dak li aħna bħalissa, u lanqas m’għandna naqtgħu qalbna. Kif tgħidilna nagħmlu għanja sempliċi iżda fl-istess ħin effetiva.

Iddedikaw ħin biex titqaddsu, id-dinja ħalluha għaddejja;

Qattgħu ħafna ħin fil-kwiet weħidkom ma’ Ġesu.

Jekk tħarsu lejn Ġesù, bħalu ssiru;

F’ għemilkom sħabkom jaraw x-xbiha tiegħu.36

Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu, “il-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema,”37 u li “min jiekol ġismu u jixrob demmu għandu l-ħajja ta’ dejjem,”38 f’ isem Ġesù Kristu, amen.