Fittxu Fost l-Aqwa Kotba
Hekk kif aħna nistudjaw minn fost l-aqwa kotba, aħna nkunu qed nipproteġu lilna nfusna kontra x-xedaq minaċċuż ta’ dawk li qed jippruvaw igerrmu l-għeruq spiritwali tagħna.
Darba waħda kmieni filgħodu, jiena rajt larva ta’ farfett bilkemm jidher u bil-ġuħ wieqaf fuq siġret il-ward. Mid-dehra ta’ wħud mir-rimi bla ħajja li hija kellha, kien ovvju anke għal min ma tantx jinnota wisq li l-larva kien ilu jgerrem mhux ħażin il-weraq tari tagħha permezz tax-xedaq minaċċuż tiegħu. B’ mod allegoriku, ma setax ma jgħaddilix minn moħħi li hawn nies li jixbhu xi ftit lil din il-larva ta’ farfett; insibuhom mad-dinja kollha, u xi wħud tant għandhom ħabta kif jinħbew li aħna nafu saħansitra nagħtuhom ċans jidħlu f’ ħajjitna u lanqas biss nindunaw li huma jkunu gerrmu l-għeruq spiritwali tagħna u tal-membri tal-familja tagħna u ta’ sħabna.
Aħna ngħixu fi żmien ikkaratterizzat minn misinformazzjoni lampanti. Fi żminijiet bħal dawn, jekk aħna nonqsu li nipproteġu u napprofondixxu l-għeruq spiritwali tagħna aħna nkunu qed nistiednu li huma jispiċċaw jitgerrmu minn dawk li jippruvaw jeqirdu l-fidi tagħna fi Kristu u t-twemmin tagħna fil-Knisja rrestawrata Tiegħu. Fi żmien il-Ktieb ta’ Mormon, kien Żeżrum li pprova jeqred il-fidi tal-fidili.
L-għemejjel tiegħu u kliemu kienu “nasba tal-avversarju, li huwa … poġġa biex biha jaqbad in-nies, iġegħilhom joqogħdu għalih f’ kollox, biex b’hekk hu jkun jista’ jdawwarhom bil-ktajjen tiegħu” (Alma 12:6). Dawn l-istess nases għadhom jeżistu sal-lum, u jekk aħna ma nkunux spiritwalment viġilanti u nibnu pedament sod fuq il-Feddej tagħna (ara Helaman 5:12), aħna nafu nsibu lilna nfusna marbutin bil-ktajjen ta’ Satana u mmexxijin ftit ftit lejn it-toroq ipprojbiti li jissemmew fil-Ktieb ta’ Mormon (ara 1 Nephi 8:28).
Fi żmienu l-Appostlu Pawlu ta din it-twissija li għadha applikabbli sal-lum: “Jiena naf li, … minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom” (Atti 20:29–30).
It-twissija tiegħu u tal-profeti u l-appostli tagħna tfakkarna li aħna għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niffortifikaw ruħna spiritwalment kontra ċertu kliem ta’ oppożizzjoni u qerq. Hekk kif jiena mmur inżur għadd ta’ oqsma u utied tal-Knisja, jiena nħossni nedifika ruħi b’ dak li nara, nisma’ u nħoss hekk kif il-Qaddisin, b’ mod pożittiv u fidil, jirrispondu għat-tagħlim tas-Salvatur u l-Qaddejja Tiegħu.
L-attendenza akbar f’ jum is-Sabbath hija eżempju wieħed biss li l-membri tagħna qegħdin spiritwalment jiffortifikaw ruħhom billi jagħtu widen tal-istedini profetiċi. Eżempji oħra narawhom fin-numru dejjem jiżdied ta’ membri li qed jattendu t-tempju u jagħmlu l-ħidma tal-istorja tal-familja hekk kif familji jinsabu jiġbru flimkien l-antenati tagħhom permezz tal-ordinanzi tat-tempju. L-għeruq spiritwali tagħna japprofondixxu ruħhom hekk kif it-talb sinċier tagħna, kemm dak personali kif ukoll it-talb tal-familja, isir il-bastjun tal-fidi tagħna u hekk kif aħna nindmu kuljum, infittxu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu u nitgħallmu dwar is-Salvatur tagħna u l-kwalitajiet Tiegħu u nagħmlu l-almu tagħna biex insiru bħalu (ara 3 Nephi 27:27).
Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, huwa d-Dawl tad-Dinja u Huwa jsejħilna biex nimxu warajh. Għandna nżommu ħarsitna fuqu f’ kull ħin, speċjalment meta aħna nkunu ninsabu f’ nofs ta’ lejl mudlam u tempestuż li fih tfeġġ it-tempesta tad-dubju u l-inċertezza, bħaċ-ċpar mill-aktar dens. Jekk in-nies li jkun hemm “fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, fejn jinsab wieqaf il-bini kbir u spazjuż” (1 Nephi 8:26) ikunu jidhru li qed jippuntaw subgħajhom lejkom biex iwaqqgħukom għaż-żufjett u jiddegradawkom, nitlobkom biex immedjatament intom tinjorawhom ħalli ma tħalluhomx jipperswadukom permezz tat-tattiċi malizzjużi u diżonesti tagħhom biex jisseparawkom mill-verità u l-barkiet tagħha.
Madankollu, fi żmienna dan waħdu mhux se jkun biżżejjed meta daqstant affarijiet perversi qegħdin jingħadu, jinkitbu u jintwerew kontinwament. Il-Presbiteru Robert D. Hales għallimna, “Sakemm intom ma tkunux qegħdin tgħixu kontinwament l-evanġelju—tgħixuh ‘b’ qalbkom kollha, b’ moħħkom kollu u bil-qawwa tagħkom kollha’—intom ma tkunux tistgħu tiġġeneraw biżżejjed dawl spiritwali biex tkunu tistgħu tkeċċu d-dalma” (“Out of Darkness into His Marvelous Light,” Liahona, Lulju 2002, 78). Bla dubju, ix-xewqa tagħna li nimxu wara Kristu, li huwa d-Dawl tad-Dinja (ara Ġwanni 8:12), tfisser li aħna għandna naġixxu skont it-tagħlim Tiegħu. Aħna nissaħħu, niġu ffortifikati u protetti spiritwalment hekk kif aħna naġixxu skont il-kelma ta’ Alla.
Aktar ma jkun kbir id-dawl f’ ħajjitna, anqas ikollna dell madwarna. Madankollu, anke jekk ikollna dawl b’ abbundanza, aħna xorta waħda nibqgħu esposti għal nies u kummenti li ma jirrappreżentawx it-tagħlim tagħna u li jaslu biex jittestjawlna l-fidi tagħna. L-Appostlu Ġakbu kiteb li “it-tiġrib tal-fidi tagħna inissel is-sabar” (Ġakbu 1:3). B’ dan l-għarfien, il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem, “Dixxiplu paċenzjuż … ma jħossux sorpriż jew skuraġġut meta l-Knisja tiġi misrappreżentata” (“Patience” [ devozzjonali ġewwa l-Università ta’ Brigham Young, 27 ta’ Nov. 1979], speeches.byu.edu).
Stennew li jkollkom ċertu mistoqsijiet dwar l-istorja u t-twemmin tal-Knisja. Jeħtieġ li noqogħdu daqsxejn attenti hekk kif inkunu qed infittxu tweġiba għall-mistoqsijiet li jkollna. Żgur li intom ma tistgħu tiggwadanjaw xejn billi toqogħdu tesploraw il-veduti u l-opinjonijiet ta’ min hu anqas infurmat jew forsi jinsab diżilluż. L-aqwa kunsill ġie mogħti lilna mill-Appostlu Ġakbu: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla” (Ġakbu 1:5).
Wara li nitolbu lil Alla aħna għandna nistudjaw bir-reqqa, għaliex aħna għandna mandat skritturali sabiex infittxu “fost l-aqwa kotba kliem il-għerf” u li “nfittxu li nitgħallmu, kemm permezz tal-istudju kif ukoll permezz tal-fidi” (D&C 88:118). Teżisti abbundanza kbira ta’ kotba bħal dawn, miktubin minn mexxejja tal-Knisja ispirati minn Alla u minn studjużi tal-istorja u tad-duttrina tal-Knisja rinomati u ta’ min jafdahom u joqgħod fuqhom. Madanakollu, xejn ma jiżboq il-majestà tal-kelma żvelata ta’ Alla kif insibuha fl-iskrittura kanonizzata. Minn dawk il-paġni vera rqaq iżda mlaħħmin sewwa bl-għarfien spiritwali, aħna nitgħallmu l-verità permezz tal-Ispirtu s-Santu u b’hekk naslu biex nikbru fid-dawl.
Il-President Thomas S. Monson talabna biex aħna lkoll, “bl-għajnuna tat-talb, nistudjaw u nixtarru kuljum il-Ktieb ta’ Mormon” (“Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon,” Liahona, Mejju 2017, 87).
Bosta snin ilu, meta jiena kont qed inservi bħala l-president tal-Missjoni ta’ Suva, fil-Fiġi, xi missjunarji kellhom esperjenza li rrinforzat fihom il-qawwa tal-konverżjoni li tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon. F’ jum mill-aktar sħun u umduż, żewġ missjunarji marru jżuru dar li kienet tagħmel parti minn komunità żgħira ġewwa Labasa.
Wara li ħabbtu fuq il-bieb mar jiftħilhom wieħed raġel anzjan li qagħad jisma’ l-missjunarji jixhdu dwar il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon. Huma tawh kopja u stednuh biex jaqra u jitlob biex, bħalhom, isir jaf li l-ktieb hu l-kelma ta’ Alla. It-tweġiba tiegħu kienet waħda qasira: “Minn għada se nerġa’ nibda mmur nistad. Se noqgħod naqrah kif inkun fuq il-baħar, u meta nerġa’ lura, tistgħu terġgħu tiġu żżuruni.”
Fiż-żmien li għamel fuq il-baħar, saru t-trasferimenti, u ftit tal-ġimgħat wara, żewġ missjunarji ġodda marru jerġgħu jżuru lil dan is-sajjied. Sa dak inhar kien qara l-Ktieb ta’ Mormon kollu, irċieva konferma dwar il-verità tiegħu u kien ħerqan li jitgħallem aktar.
Dan ir-raġel spiċċa biex ikkonverta permezz tal-Ispirtu s-Santu, li xehed miegħu dwar il-verità tal-kliem prezzjuż li hemm f’ kull paġna dwar ċerti avvenimenti li seħħew kif ukoll duttrina mgħallma żmien twil ilu u li ġiet ippreservata għal żmienna fil-Ktieb ta’ Mormon. Dik l-istess barka hi disponibbli għal kull wieħed u waħda minna.
Id-dar hija l-post ideali biex fih il-familji jistudjaw u jaqsmu flimkien it-tagħlim prezzjuż tal-iskrittura, u l-kliem tal-profeti kif ukoll jaċċessaw il-materjal tal-Knisja fuq LDS.org. Hemmhekk issibu abbundanza ta’ informazzjoni dwar suġġetti tal-evanġelju bħar-rakkonti tal-Ewwel Viżjoni. Hekk kif aħna nistudjaw minn fost l-aqwa kotba, aħna nkunu qed nipproteġu lilna nfusna kontra x-xedaq minaċċuż ta’ dawk li qed jippruvaw igerrmu l-għeruq spiritwali tagħna.
Minkejja t-talb, l-istudju u r-riflessjoni tagħna, xorta waħda jaf jibqagħlna xi mistoqsijiet li jkunu għadhom ma ġewx imwieġba, iżda aħna dan m’għandniex inħalluh jitfilna l-fjamma tal-fidi li tinsab tħeġġeġ ġewwa fina. Xi mistoqsijiet li jista’ jkollna huma stedina biex aħna nibnu l-fidi tagħna u m’għandniex nagħtuhom importanza f’ mumenti ta’ dubju li jista’ jkollna. Hija sewwasew l-essenza tar-reliġjon li ma jkollniex risposta ċara għal kull mistoqsija, għaliex din hija waħda mill-għanijiet tal-fidi. Rigward din il-ħaġa, il-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallimna li “meta aħna ngħaddu minn mumenti bħal dawn u nħabbtu wiċċna ma’ ċerti mistoqsijiet, li jaf ma jkollniex risposta għalihom f’ dak il-mument, araw li żżommu sod ma’ dak l-għarfien li diġà għandkom u ibqgħu sodi sakemm tirċievu aktar għarfien” (“Lord, I Believe,” Liahona, Mejju 2013, 94).
Madwarna aħna nistgħu naraw il-ferħ ta’ ħafna nies li baqgħu sodi minħabba li huma komplew kontinwament isaqqu l-għeruq spiritwali tagħhom. Il-fidi u l-ubbidjenza tagħhom huma suffiċjenti biex jimlewhom b’ tama kbira fis-Salvatur tagħhom, u din twassalhom biex jiksbu ferħ kbir. Huma ma jippretendux li jafu kollox, iżda huma ħallsu prezz li permezz tiegħu għandhom biżżejjed għarfien li jimliehom bil-paċi u jwassalhom biex bil-paċenzja kollha huma jfittxu li jitgħallmu aktar. Linja wara linja, il-fidi tagħhom tikkonsolida ruħha fi Kristu, u huma jieqfu sodi fost iċ-ċittadini Qaddisin sħabhom.
Jalla kull wieħed u waħda minna ngħixu b’ tali mod illi x-xedaq minaċċuż tal-larva ta’ farfett bilkemm tidher ma jsibx postu fil-ħajja tagħna, la issa u lanqas qatt ħalli aħna nkunu nistgħu nibqgħu “sodi fil-fidi ta’ Kristu, sewwasew sal-aħħar tat-tmiem” (Alma 27:27). F’ isem Ġesù Kristu, amen.