Leħen il-Mulej
Jiena nixhed li f’din il-konferenza aħna smajna leħen il-Mulej. It-test li aħna lkoll għandna hu kif se nwieġbu għal dan il-leħen.
L-ewwel, kelma ħanina lit-tfal ċkejknin tagħna. Iva, din hija l-aħħar sezzjoni, u iva, jiena l-aħħar kelliem.
Riċentiment, waqt żjara li kont qed nagħmel fit-Tempju taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Provo, jiena stajt nammira pittura li ġġib l-isem L-Ewwel Viżjoni mill-Bogħod. Il-pittura turi d-dawl u l-qawwa mis-smewwiet waqt iż-żjara li l-Missier u l-Iben għamlu lit-tfajjel Joseph Smith.
Filwaqt li mhux se nipprova nqabbilha mal-avveniment mill-aktar sagru li ta bidu għar-Restawrazzjoni, jiena nista’ nimmaġina dehra simili li tirrifletti d-dawl u l-qawwa spiritwali ta’ Alla nieżla fuq din il-konferenza ġenerali u, min-naħa l-oħra, dik il-qawwa u dak id-dawl iduru madwar id-dinja.
Jiena nagħtikom ix-xhieda tiegħi li Ġesù hu l-Kristu, li Huwa jiggwida kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ din il-ħidma sagra, u li l-konferenza ġenerali hija fost l-aktar mumenti importanti fejn Huwa jidderieġi l-Knisja Tiegħu u lilna personalment.
Mgħallmin mill-Għoli
Fil-jum li fih ġiet organizzata l-Knisja, il-Mulej ħatar lil Joseph Smith bħala profeta, bassâr u appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu1 u indirizza dan il-kliem lill-membri tal-Knisja:
“Għax intom tirċievu l-kelma tiegħu, bħallikieku ħierġa minn fommi, bil-paċenzja kollha u l-fidi.
“Talli tagħmlu dan, il-kanċelli tal-infern mhux sa jegħlbukom; … u l-Mulej Alla se jkeċċi qawwiet id-dlam minn quddiemkom, u jġiegħel li jitriegħdu s-smewwiet minħabba fikom u minħabba l-glorja ta’ ismu.”2
Aktar tard, il-membri kollha tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ġew sostnuti u ordnati bħala profeti, bassâra u rivelaturi.3
Issa, hekk kif qed niltaqgħu taħt id-direzzjoni tal-President Thomas S. Monson, aħna nantiċipaw li nisimgħu “ir-rieda tal-Mulej, … il-moħħ tal-Mulej, … il-leħen tal-Mulej u l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni.”4 Aħna nafdaw fil-wegħda Tiegħu: “Jekk hux permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”5
Fit-taqlib u l-konfużjoni tad-dinja moderna li ngħixu fiha, huwa mill-aktar importanti għat-tkabbir u l-istamina spiritwali tagħna li aħna nafdaw u nemmnu fil-kliem tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax.6
Aħna ltqajna flimkien għal din il-konferenza meraviljuża. Miljuni ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem u anke nies ta’ twemmin ieħor f’ aktar minn 200 pajjiż, li bejniethom jitkellmu b’ aktar minn 93 lingwa, attendew għal dawn is-sezzjonijiet jew inkella se jaqraw il-messaġġi tal-konferenza.
Aħna ġejna preparati hawnhekk bl-għajnuna tat-talb. Ħafna minna għandna diversi affarijiet li qed jinkwetawna kif ukoll ċerti mistoqsijiet onesti. Aħna rridu nġeddu l-fidi tagħna fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u nsaħħu l-abbiltà tagħna li nirreżistu t-tentazzjoni u nevitaw id-distrazzjoni. Aħna ġejna hawnhekk biex niġu mgħallmin mill-għoli.
Il-Moħħ u r-Rieda tal-Mulej
Għall-membri tal-Ewwel Presidenza u tat-Tnax, li normalment jitkellmu f’ kull konferenza, ir-responsabbiltà enormi biex iħejju l-messaġġi tagħhom hija kemm piż li jibqa’ dejjem jitfaċċa minn konferenza għall-oħra kif ukoll fiduċja sagra.
Snin ilu, qabel ma kont għadni bdejt inservi bħala Awtorità Ġenerali, jiena staqsejt lill-Presbiteru Dallin H. Oaks jekk huwa kienx iħejji diskors differenti għal kull konferenza tal-wited li kien jattendi. Huwa weġibni li le, iżda kompla biex qal, “Iżda d-diskors tiegħi għall-konferenza ġenerali huwa dejjem differenti. Ħafna drabi nispiċċa nikteb id-diskros għal xi 12 jew 15-il darba biex inkun żgur li dak huwa li jridni ngħid il-Mulej.”7
Meta u kif tiġi l-ispirazzjoni għad-diskors tal-konferenza ġenerali?
Mingħajr ma niġu mogħtija xi suġġett speċifiku biex nitkellmu dwaru, f’ kull konferenza aħna nispiċċaw naraw is-smewwiet jikkordinaw b’ mod meraviljuż is-suġġetti u t-temi tal-verità eterna.
Wieħed minn Ħuti qalli li s-suġġett tiegħu għal din il-konferenza ġie mogħti lilu immedjatament wara d-diskors tiegħu f’ April li għadda. Ieħor qalli li tliet ġimgħat ilu kien għadu qed jitlob u jistenna mingħand il-Mulej. Ieħor, meta staqsejtu kemm kien dam biex fassal diskors mill-aktar sensittiv, wieġeb, “Ħamsa u għoxrin sena.”
Xi kultant l-idea prinċipali ma ddumx ma tiġi f’ moħħna, iżda l-kontenut u d-dettalji xorta waħda jirrikjedu sforz kbir spiritwali. Is-sawm u t-talb, l-istudju u l-fidi huma dejjem parti mill-proċess. Il-Mulej ma jrid li ebda pretenzjoni ma ddgħajjef l-leħen li Huwa jrid iwassal lill-Qaddisin Tiegħu.
Ħafna drabi d-direzzjoni għad-diskors tal-konferenza ġenerali tingħata billejl jew fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, meta d-diskors ma jiġix f’ kunflitt mal-ħsibijiet tal-moħħ. F’ daqqa waħda, xi ħsieb li ma tkunx qed tistennieh u, xi kultant, xi kliem speċifiku jew xi frażijiet speċifiiċi, jibdew ġejjin bħala rivelazzjoni mill-aktar pura.8
Hekk kif intom tisimgħu dan, il-messaġġi li intom tirċievu jafu jkunu mill-aktar ovvji jew jafu jkunu indirizzati speċifikament għalikom personalment.
Waqt li snin ilu kont qed nitkellem fil-konferenza ġenerali, jiena tkellimt dwar frażi li daħlet f’ moħħi hekk kif kont qed niddubita jekk jiena kontx verament preparat biex inservi missjoni. Il-frażi kienet “Inti ma tafx kollox, iżda taf biżżejjed!”9 Waħda tfajla li dak inhar kienet bilqiegħda fil-konferenza ġenerali qaltli li hija kienet bdiet titlob dwar proposta għaż-żwieġ, fejn kienet għadha mhux ċerta kemm kienet verament taf lil dak il-ġuvni. Meta jien għedt il-kliem “Inti ma tafx kollox, iżda taf biżżejjed,” l-Ispirtu kkonfermala li hi kienet fil-fatt tafu biżżejjed. Issa ilhom miżżewġin u kuntenti għal ħafna snin.
Inwegħidkom li hekk kif intom tħejju l-ispirtu tagħkom u tattendu għall-konferenza b’ antiċipazzjoni li tisimgħu leħen il-Mulej, f’ moħħkom jibdew ġejjin ħsibijiet u sentimenti li jkunu indirizzati speċjalment għalikom. Intom dan diġà ħassejtuh waqt din il-konferenza, jew se tħossuh hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin intom tistudjaw il-messaġġi.
Għal Issa u għax-Xhur li Ġejjin
Il-President Monson qal:
“Iddedikaw ħin biex fih taqraw il-messaġġi tal-konferenza.”10
“Xtarruhom sew. … Jiena sibt … li niggwadanja ferm aktar minn dan id-diskors ispirat meta jiena nistudjah b’ mod profond.”11
It-tagħlim tal-konferenza ġenerali huwa dak li l-Mulej irid li aħna nkunu nafu, sewwasew illum u fix-xhur li ġejjin.
Ir-ragħaj “imur quddiem in-nagħaġ tiegħu u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.”12
Ħafna drabi leħnu jidderiġina biex nibdlu xi ħaġa f’ ħajjitna. Huwa jistedinna biex nindmu. Huwa jistedinna sabiex nimxu warajh.
Aħsbu ftit dwar dawn id-dikjarazzjonijiet minn din il-konferenza:
Il-President Henry B. Eyring dalgħodu: “Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li Alla l-Missier jgħix u Huwa jridkom tersqu lejh. Din hi l-vera Knisja tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa jafkom; Huwa jħobbkom Huwa jħariskom.”13
Ilbieraħ il-President Dieter F. Uchtdorf qal: “Jiena nixhed li meta aħna nibdew jew inkomplu l-vjaġġ inkredibbli li jwassal fejn hemm Alla, ħajjitna tkun aħjar … u l-Mulej jkun jista’ jużana b’ modi meraviljużi li bihom aħna nbierku lil dawk ta’ madwarna u nġibu fis-seħħ l-għanijiet eterni Tiegħu.”14
Il-Presbiteru Russell M. Nelson mill-bieraħ wara nofsinhar: “Jien inwegħidkom li hekk kif kuljum intom tistudjaw b’ attenzjoni mill-Ktieb ta’ Mormon, intom tiksbu l-protezzjoni kontra l-ħażen ta’ żmienna, saħansitra kontra l-pesta qerrieda tal-pornografija u vizzji oħra li jeqirdulna s-sensittività spiritwali tagħna.”15
Il-Presbiteru Dallin H. Oaks ilbieraħ: “Jiena nixhed li l-proklamazzjoni dwar il-familja hija dikjarazzjoni ta’ verità eterna.”16
U l-Presbiteru M. Russell Ballard ftit minuti ilu: “Aħna neħtieġu li nħaddnu lil ulied Alla b’ kompassjoni u għandna neliminaw kull tip ta’ preġudizzji, inkluż ir-razziżmu, is-sessiżmu u n-nazzjonaliżmu.”17
Peress li baqgħalna ftit tal-ħin ieħor, jien nixtieq inżid ukoll daqsxejn ta’ riflessjoni dwar il-Presbiteru Robert D. Hales. Il-membri tal-Ewwel Presidenza qalu lill-Presbiteru Hales li huwa seta’ jwassal messaġġ qasir fis-sezzjoni tal-Ħadd filgħodu jekk saħħtu kienet tippermetti dan. Filwaqt li saħħtu ma ppermettitx dan, huwa ħejja messaġġ, li lestieh il-ġimgħa l-oħra u qasam dan il-messaġġ miegħi. Meta nikkunsidra li issa huwa ilu li ħalla din il-ħajja madwar tliet sigħat, jiena se naqsam magħkom biss tliet linji mid-diskors tiegħu.
Nikkwota lill-Presbiteru Hales: “Meta aħna nagħżlu li jkollna l-fidi, aħna nkunu preparati biex nieqfu fil-preżenza ta’ Alla. … Wara l-Kruċifissjoni tas-Salvatur, Huwa deher biss lil dawk ‘li kienu baqgħu fidili fit-testimonjanza li kellhom Tiegħu hekk kif kienu qed jgħixu fil-mortalità.’ [D&C 138:12.] Dawk ‘li ċaħdu t-testimonjanza … tal- … profeti ma jistgħu qatt ikunu fil-preżenza tas-Salvatur, jew iħarsu dritt f’ wiċċu.’ [D&C 138:21.] … Il-fidi tagħna tħejjijna biex inkunu fil-preżenza tal-Mulej.”
Kemm kien ħanin il-Mulej li hekk kif intemmet is-sezzjoni ta’ dalgħodu Huwa llumina lill-President Russell M. Nelson biex jitlaq mill-ewwel minn hawn, jaqbeż l-ikla ta’ nofsinhar u jitlaq jiġri ħdejn is-sodda tal-Presbiteru Hales, fejn seta’ jkun hemm, bħala l-presidenti tal-kworum tiegħu, flimkien mat-twajba Mary Hales hekk kif il-Presbiteru Hales iggradwa minn din il-ħajja mortali.
Inwieġbu għal Leħen il-Mulej
Jiena nixhed li f’din il-konferenza aħna smajna leħen il-Mulej.
Aħna m’għandniex nallarmaw ruħna meta kliem il-qaddejja tal-Mulej imur kontra l-ħsieb tad-dinja u, xi kultant, l-istess ħsieb tagħna. Minn dejjem hekk kien. Jiena ninxteħet għarkupptejja ġewwa t-tempju flimkien ma’ Ħuti. Jiena nista’ nikkonferma magħkom it-tjubija ta’ ruħhom. L-akbar xewqa tagħhom hi li huma jogħġbu lill-Mulej u jgħinu lil ulied Alla jerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu.
Is-Sebgħin; il-Veskovat; il-Presidenzi Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet u tal-Primarja; u mexxejja awżiljari oħra komplew iżidu l-ispirazzjoni tremenda waqt din il-konferenza, kif ġara wkoll permezz tal-mużika mill-isbaħ u t-talb ispirat.
Fil-messaġġi tal-konferenza ġenerali għandkom issibu teżor mimli direzzjoni divina lest biex jiġi skopert minnkom. It-test li aħna lkoll għandna hu kif aħna se nwieġbu għal dak li nisimgħu, dak li naqraw u dak li nħossu.
Ippermettuli naqsam magħkom esperjenza dwar meta wieħed jagħżel li jwieġeb għall-kliem profetiku, mill-ħajja tal-President Russell M. Nelson:
Fl-1979, ħames snin qabel huwa ssejjaħ bħala Awtorità Ġenerali, Brother Nelson attenda laqgħa ftit qabel il-konferenza ġenerali. “Il-President Spencer W. Kimball talab lil dawk preżenti biex jagħmlu daqsxejn ta’ sforz akbar biex ixandru l-evanġelju ma’ kull naħa tad-dinja. Fost il-pajjiżi li kien semma l-President Kimball huwa speċifikament semma liċ-Ċina, fejn iddikjara, ‘Għandna nkunu ta’ servizz liċ-Ċiniżi. Għandna nitgħallmu l-lingwa tagħhom. Għandna nitlobu għalihom u ngħinuhom.’”18
Brother Nelson, li kellu 54 sena, waqt dik il-laqgħa ħass li huwa kellu jistudja l-lingwa Mandarin. Għalkemm bħala kirurgu, ftit li xejn kellu ħin disponibbli, huwa immedjatament sab lil xi ħadd biex jgħallmu.
Ftit biss wara li beda bl-istudji tiegħu, Dott. Nelson, attenda konvenzjoni, fejn bla mistenni huwa spiċċa bilqiegħda ħdejn “kirurgu rinomat Ċiniż, Dott. Wu Yingkai. … Peress li Brother Nelson kien qed jistudja l-Mandarin, huwa beda konverżazzjoni ma’ Dott. Wu.”19
Ix-xewqa ta’ Dott. Nelson li jimxi wara l-profeta wasslet biex Dott. Wu jagħmel żjara ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake u Dott. Nelson imur iċ-Ċina biex jagħti lekċers u jwettaq numru ta’ operazzjonijiet kirurġiċi.
L-imħabba Tiegħu lejn il-poplu Ċiniż, u l-imħabba, u r-rispett, tagħhom lejh, kibret.
Fi Frar 1985, għaxar xhur wara s-sejħa tiegħu fil-Kworum tat-Tnax, il-Presbiteru Nelson irċieva telefonata sorpriża miċ-Ċina fejn saret talba biex Dott. Nelson imur Beijing ħalli jopera fuq il-qalb tal-aktar kantanta tal-opra famuża fiċ-Ċina. B’ inkuraġġiment mill-President Gordon B. Hinckley, il-Presbiteru Nelson reġa’ mar lura ċ-Ċina. L-aħħar operazzjoni kirurġika li huwa qatt għamel kienet fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Sentejn ilu biss, f’ Ottubru 2015, il-President Russell M. Nelson reġa’ għal darb’oħra ġie onorat b’ dikjarazzjoni uffiċjali, fejn tawh l-isem ta’ “ħabib sew taċ-Ċina.”
Imbagħad, ilbieraħ smajna lill-President Russell M. Nelson, li llum għandu 93 sena, jitkellem dwar dak li talabna l-President Thomas S. Monson sabiex “aħna lkoll [fil-konferenza ta’ April li għadda], bl-għajnuna tat-talb, nistudjaw u nixtarru kuljum il-Ktieb ta’ Mormon.”
L-istess kif huwa għamel meta kien għadu kirurgu li ftit li xejn kien ikollu ħin disponibbli, meta huwa sab għalliem biex jgħallmu l-Mandarin, il-President Nelson mill-ewwel sema’ mill-kunsill tal-President Nelson u applika l-kunsill tiegħu f’ ħajtu. Aktar milli sempliċiment qrah, huwa qal li “jiena għamilt lista ta’ dak li l-Ktieb ta’ Mormon fil-fatt hu, lista ta’ x’ jiddikjara, lista ta’ x’ jirrifjuta, lista ta’ xi jġib fis-seħħ, lista ta’ x’ jikkjarifika, u lista ta’ x’ jiżvela.”20
Interessanti l-fatt li mbagħad, sewwasew dalgħodu, bħala t-tieni xhud, il-President Henry B. Eyring ukoll tkellem dwar il-mod kif huwa laqa’ t-talba li għamel il-President Monson. Tiftakruh dan il-kliem? “Bħal ħafna bħalkom, meta jiena smajt kliem il-profeta jiena smajt leħen il-Mulej ikellimni. U, ukoll bħal ħafna bħalkom, jiena ddeċidejt li nobdi dak il-kliem.”21
Jalla aħna wkoll inħarsu lejn l-eżempji tagħhom bħala eżempji għall-istess ħajjitna.
Wegħda u Barka
Jiena nwegħidkom li hekk kif intom tisimgħu leħen il-Mulej ikellimkom permezz tat-tagħlim ta’ din il-konferenza ġenerali, u mbagħad taġixxu skont dak li jgħidilkom dak il-leħen, intom tħossu l-id divina preżenti f’ ħajjitkom, u l-ħajja tagħkom u ta’ dawk ta’ madwarkom tiġi mbierka.22
Tul din il-konferenza, ħsibijietna daru fuq il-profeta għażiż tagħna. Aħna nħobbuk, President Monson. Jiena se nagħlaq bil-kliem li huwa tenna minn quddiem dan il-pulptu. Jiena nemmen li hija barka li huwa jrid jagħtina, li kieku huwa seta’ jkun magħna llum. Huwa qal: “Hekk kif nitilqu minn din il-konferenza, nitlob sabiex il-barkiet tas-sema jkunu fuqkom ilkoll. … Nitlob lill-Missierna tas-Smewwiet biex ibierek lilkom u lill-familji tagħkom. Jalla l-messaġġi u l-ispirtu ta’ din il-konferenza jiġu riflessi f’ dak kollu li intom tagħmlu—f’ darkom, f’ xogħolkom, fil-laqgħat tagħkom u f’ dak kollu li tagħmlu.”
Huwa temm jgħid: “Jiena nħobbkom. Jiena nitlob għalikom. Jalla Alla jberikkom. Jalla l-paċi mwiegħda Tiegħu tkun magħkom issa u dejjem.”23
F’ isem Ġesù Kristu, amen.